Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (PA UFM)

L-Erbatax-il Leġislatura (2022 -)


Dwar id-Delegazzjoni

L‑Assemblea Parlamentari tal‑Unjoni għall‑Mediterran, li qabel kienet magħrufa bħala l‑Assemblea Parlamentari Ewro‑Mediterranja (APEM), hi magħmula minn 280 membru: 132 Membru mill‑Unjoni Ewropea (83 Membru mit‑28 parlament nazzjonali tal‑Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea – tlieta minn kull parlament apparti l‑Ingilterra li għandha żewġ Membri – u 49 Membru mill‑Parlament Ewropew), tmien Membri mill‑pajjiżi sħab tal‑Mediterran (tnejn minn kull delegazzjoni mill‑Albanija, Bosnja Ħerżegovina, Monako u l‑Montenegro), 130 Membru mill‑għaxar pajjiżi fundaturi li jagħtu fuq il‑kosta tal‑Lvant u tan‑Nofsinhar tal‑Mediterran (l‑Alġerija, l‑Eġittu, il‑Ġordan, l‑Iżrael, il‑Lebanon, il‑Marokk, l‑Awtorità Palestinjana, is‑Sirja, it‑Tuneżija u t‑Turkija), u għaxar Membri mill‑Parlament tal‑Mawritanja.

L‑Assemblea għandha ħames kumitati parlamentari li huma responsabbli għall‑monitoraġġ ta’ dawn l‑aspetti tas‑sħubija Ewro‑Mediterranja:

 

Il‑Kumitat għall‑Affarijiet Politiċi, is‑Sigurtà u d‑Drittijiet tal‑Bniedem
Il‑Kumitat għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Affarijiet Soċjali u l‑Edukazzjoni
Il‑Kumitat dwar it‑Titjib tal‑Kwalità tal‑Ħajja, Skambji bejn Soċjetajiet Ċivili u l‑Kultura
Il‑Kumitat għad‑Drittijiet tan‑Nisa fil‑Pajjiżi Ewro‑Mediterranji
Il‑Kumitat dwar l‑Enerġija, l‑Ambjent u l‑Ilma.
L‑Assemblea tista’ tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma li l‑membri u s‑setgħat tagħhom jiġu determinati mill‑Bureau.

L‑Assemblea Parlamentari tal‑Unjoni għall‑Mediterran hija istituzzjoni konsultattiva. Ir‑riżoluzzjonijiet u r‑rakkomandazzjonijiet tagħha jiffukaw fuq l‑għanijiet u l‑oqsma ta’ kooperazzjoni tas‑sħubija iżda ma jorbtux legalment. Fil‑preżent, l‑Assemblea Parlamentari tal‑Unjoni għall‑Mediterran hija d‑dimensjoni parlamentari ewlenija tal‑Unjoni għall‑Mediterran, li assorbiet il‑Proċess ta’ Barċellona u ġiet imnedija uffiċjalment fis‑Summit  tal‑Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern ta’ 43 pajjiż li sar f’Pariġi fit‑13 ta’ Lulju 2008.

 

Fit‑28 ta’ April 2010, il‑Parlament Ewropew adotta l‑Mozzjoni 2009/2215(INI) dwar l‑Unjoni għall‑Mediterran, li l‑klawsola 37 tagħha ‘tisħaq li l‑għan tal‑APEM huwa li ssir l‑Assemblea Parlamentari tal‑Unjoni għall‑Mediterran, li tiggarantixxi l‑leġittimità demokratika tagħha, u tappoġġja l‑proposta tas‑Sitt Sessjoni Plenarja tal‑APEM li saret f’Amman fit‑13 u l‑14 ta’ Marzu 2010 u li l‑isem tal‑APEM għandu jinbidel f’Assemblea Parlamentari ‑ Unjoni għall‑Mediterran’