Kull sena l-Parlament ta’ Malta jfakkar il-ġrajjiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju 1919 wara serje ta’ rvellijiet mill-Maltin li kienu qed jaffaċċjaw faqar estrem ikkawżat minn żieda kbira fil-prezz tal-ħobż. Il-folol irribellaw kontra l-importaturi tal-qamħ u dawk li kellhom l-imtieħen tad-dqid, li kienu meqjusa li qegħdin jagħmlu profitti kbar miż-żieda fil-prezz tal-ikel filwaqt li n-nies kienu qegħdin imutu bil-ġuħ. Suldati Ingliżi ġew imsejħa sabiex jikkontrollaw dawk li kien qegħdin jirribellaw, u dan wassal li jiġu sparati xi tiri. Erba’ persuni Maltin, Manwel Attard, Karmnu Abela, Ġużè Bajada u Wenzu Dyer tilfu ħajjithom f’dawn l-irvellijiet.
Dawn il-ġrajjiet kienu punt kruċjali fl-istorja politika ta’ Malta u xehdu l-bżonn urġenti li kien hemm għal riformi soċjali u ekonomiċi. Wara dawn il-ġrajjiet u l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin, Malta ġiet mogħtija l-Kostituzzjoni Amery-Milner tal-1921, li permezz tagħha Malta kisbet, għall-ewwel darba, id-dritt tas-self-government f’materji domestiċi.
Permezz tal-Att VIII tal-1989, li emenda l-Att dwar il-Festi Nazzjonali u l-Festi Pubbliċi, is-Sette Giugno saret waħda mill-ħames festi nazzjonali. Tradizzjonalment, dan il-jum jiġi mfakkar mill-Parlament permezz ta’ diskors mill-Ispeaker u t-tqegħid ta’ kuruni quddiem il-monument tas-Sette Giugno. Il-monument lill-vittmi tal-irvellijiet tneħħa mis-sit oriġinali tiegħu quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru fl-2009 minħabba xogħlijiet ta’ pavimentar li kellu jsir fi Pjazza San Ġorġ, u tqiegħed fil-Ġonna ta’ Hastings sal-2016, meta reġa’ tmexxa għas-sit oriġinali tiegħu fi Pjazza San Ġorġ.
Hawn tista’ taqra d-diskorsi mill-Ispeaker tal-Kamra tul is-snin f’din l-okkażjoni.