L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tlaqqa’ flimkien Membri Parlamentari eletti demokratikament mis-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Permezz tas-setgħat mogħtija lilha mill-Istatut tal-istess Assemblea, l-Assemblea tista’:
titlob azzjoni mis-47 gvern Ewropew, li għandhom iwieġbu b’mod konġunt;
tmexxi missjonijiet biex tikseb informazzjoni ġdida dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
tagħmel mistoqsijiet lil Presidenti u Prim Ministri fuq kwalunkwe suġġett li tagħżel hi;
tosserva elezzjonijiet u tibgħat delegazzjonijiet għal medjazzjoni f’żoni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kriżi;
tinnegozja t-termini li fuqhom stati jissieħbu mal-Kunsill tal-Ewropa;
tispira liġijiet nazzjonali ġodda billi tipproponi u tagħti opinjonijiet dwar trattati;
titlob opinjonijiet legali dwar il-liġijiet u kostituzzjonijiet tal-Istati Membri; u
tirrakkomanda dwar is-sanzjonar ta’ Stat Membru permezz ta’ esklużjoni jew sospensjoni tiegħu.
Minkejja li l-PACE ma għandha l-ebda setgħa li tgħaddi liġijiet li jorbtu, din l-Assemblea żżomm djalogu kostanti mal-gvernijiet, parlamenti nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u mas-soċjetà ċivili li “jistabbilixxu l aġenda”. B’dan il-mod, id-dokumenti tagħha jgħaddu minn liġijiet u prattika sabiex iwasslu għal titjib fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.
Permezz tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-Assemblea titlob azzjoni f’isem it-800 miljun ċittadin Ewropew li tirrappreżenta u s-47 gvern tal-Kunsill tal-Ewropa, rappreżentati fil-Kumitat tal-Ministri, huma obbligati li jwieġbu. Fil-prattika, l-Assemblea spiss taġixxi bħala l-ixprun tal-Kunsill tal-Ewropa billi tippromwovi ideat ġodda, tistabbilixxi d-direzzjoni strateġika u tniedi bosta mill-attivitajiet l-aktar importanti tal-Kunsill.
L-Assemblea tistabbilixxi l-aġenda tagħha stess li tkopri avvenimenti Ewropej u internazzjonali, kwestjonijiet relatati mad-drittijiet tal bniedem, id-demokrazija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-istat tad-dritt.
Iktar informazzjoni fuq l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), tista' tinkiseb mill-website tal-istess Assemblea.