Ċittadin Malti, li għamel reat f’Malta,anke jekk vittmi huma barra minn Malta, jigi ġġudikat f’Malta
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
Proċeduri ta’ estradizzjoni qatt m’għandhom jieħdu post il-proċess ġudizzjarju ġewwa Malta fejn ir-reat ikun twettaq minn ċittadin Malta u r-reat ikun twettaq ġewwa Malta u minn Malta, bħal fil-każ ta’ computer hacking u reati simili.
Deċiżjoni għall-estradizzjoni ta’ persuna għandhom impatt kbir u aktarx dejjiemi fuq il-ħajja ta’ dak li jkun, u għalhekk il-Parlament u l-Gvern għandhom jaraw li fejn ir-reat u min iwettqu jkunu marbutin ma’ Malta, anke jekk ir-reat iħalli vittmi ġewwa pajjiżi oħra, l-akkuzat jiġi pproċessat u jiffaċċja l-ġustizzja ġewwa pajjiżu u mhux jintbagħat ġewwa pajjiż ieħor li miegħu ma jkollu ebda rabta.
L-Istat għandu juri impenn li jerfa’ fuqu r-responsabbilta li jmexxi kriminalment kontra Maltin li jwettqu reati ġewwa Malta u minn Malta, anke jekk iħallu effett jew ħsara fi bnadi oħra tad-dinja. Dan ukoll biex l-individwu jingħata l-garanziji kollha kostituzzjonali li toffri Malta. L-Istat għandu juri fiduċja fis-sistema ġudizzjarja tiegħu u mhux jistrieh fuq ta’ ħaddiehor.
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
Nixtiequ li jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex ċittadin Malti li jkun wettaq reat minn u ġewwa Malta, anke jekk l-evidenza materjali ma tkunx tinstab f’Malta, jiġi pproċessat mill-Qrati Maltin u jekk huwa ħati jagħmel il-piena f’Malta u mhux jiġi estradit biex jiġi pproċessat minn pajjiżli jallega li sofra ħsara minħabba r-reat, bħal fil-kaz ta’ reati li jinvolvu computers.
Proċeduri ta’ estradizzjoni qatt m’għandhom iservu bħala ‘outsourcing of judicial functions’, fejn l-Istat Malti jerħi ċittadin tiegċu li wettaq reat ġewwa u minn Malta lil pajjiż ieħor li jgħid li sofra l-effetti ta’ dak ir-reat, bħal fil-każ ta reati li jinvolvu computers. Jekk il-fatturi ewlenin jorbtu lil dak li jkun u r-reat ma’ Malta, allura huwa ġewwa Malta li għandha ssir il-ġustizzja, anke fl-interess tal-pajjiż l-ieħor.