Estratt mis-Seduta Parlamentaru Nru 52 tat-Tielet Parlament tal-14 ta' Frar 1972
KONDOLJANZI
ONOR. DR G. BORG OLIVIER: Sur President, bil-permess tal- Kamra ngħid li żgur inħoss li l-Kamra tassoċja ruħha miegħi jekk nagħti l-kondoljanzi lill-kollega tagħna, l-Onor. Anton Tabone iż-żgħir......
ONOR. DR A. BUTTIGIEG: Soltu mhux fl-Aġġornament?
ONOR. DR G. BORG OLIVIER: .... u lill-kollega l-ieħor, l- Onor. Dr Vincenzo Tabone, għall-mewt illi sofrew ta' missieru u ħuh rispettivament. Dik kienet persuna simpatika, illi l- Leġislatura ta' qabel l-aħħar għaddiet erba' snin magħna f'din il- Kamra, Sur President. Ilkoll konna ninotaw fih il-kwalitajiet kollha ta' ġentlom mill-antiki, illi kien jaf jiġbed is-simpatija u r-rispett ta' kulħadd, speċjalment bis-sentimenti nobbli li kellu. (Onor. Membri: Hear, hear)
ONOR. D. MINTOFF (Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet tal-Commonwealth u Barranin): Mr Speaker, aħna nassoċjaw ruħna ma' dawn il-kondoljanzi; napprezzaw ix-xogħol ta' kulħadd illi jipprova, bi spiritu ċiviku, jgħin lin-nazzjon, allavolja meta n-nies illi jkunu involved ma jkunux tal-istess veduti politiċi tagħna. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Naturalment, is-Sedja wkoll tassoċja ruħha mas-sentimenti espressi, u tipprometti li dawn is-sentimenti jiġu trasmessi lill-familji involuti.
ONOR. DR A. BUTTIGIEG: Jien nagħmel personal explanation. Meta qam il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, għidtlu: "Soltu nagħmluha fl-Aġġornament". Pero' dak il-ħin ma ġiex f'moħħi li kienu involuti żewġ Membri oħra tal-Parlament. Jiddispjaċini.
ONOR. DR V. TABONE: Jiena nirringrazzjak anke għan-nom tan-neputi tiegħi, illi mhux qiegħed hawn, tal-kondoljanzi li inti xtaqt tesprimi lill-familja tiegħu, u liż-żewġ naħat tal- Kamra tal-kliem sbieħ li qalu fuq ħija.
Jiena, li kont qrib ħafna tiegħu u li fija għandi l-istess demm tiegħu, nista' nassigura lill-Kamra illi, jekk xi ħaġa tista' tingħad fuqu, hija li kien bniedem rett, bniedem sinċier u bniedem ġust, inkapaċi ta' ebda ħsieb u azzjoni ħażina. Napprezza ħafna dak li ntqal il-lejla fil-Kamra. Din hija verament ta' faraġ għalina.
Nirringrazzja ħafna lill-Kamra. (Onor. Membri: Hear, hear)
Ġie elett: | 18.02.1962 |
Ġurament tal-Ħatra: | 26.04.1962 |
Xoljiment tal-Parlament: | 15.02.1966 |