Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr Philip Sciberras

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

Tifkira

tal‑Ex Membru Parlamentari

Philip Sciberras

fil‑Kamra tad‑Deputati

Parlament ta’ Malta

 

7 ta’ Ottubru 1945 – 2 ta’ Ottubru 2023

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

bejn

it‑23 ta’ Lulju 1979 u t‑13 ta’ Frar 1987

 

L‑Imħallef Emeritu Philip Sciberras

 

Ġurament ta’ Lealtà

 


L‑Ewwel Diskors fil‑Kamra tad‑Deputati

tal‑Ex Membru Parlamentari

Philip Sciberras

 

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 320

tal‑Erbgħa, 31 ta’ Ottubru 1979

 

IR‑RABA’ LEĠIŻLATURA

 

AĠĠORNAMENT

 

ONOR. PHILIP SCIBERRAS: Mr Speaker, dan l‑aħħar smajna ħafna dwar il‑problema tal‑vjolenza, però jien żgur m’iniex ħa nissofferma fuq il‑vjolenza li għaddiet f’Malta riċentement.  Kien hawn ħafna kelliema diġà li esponew il‑veduta, kemm ta’ naħa kemm ta’ oħra, b’mod ferm abbli żgur aktar minni, u naħseb li issa wasal iż‑żmien li dan il‑kapitlu, anke jekk ħaddieħor forsi ma jridx jinsieh, imma dan il‑kapitolu f’dan il‑Parlament, għall‑mument, żgur li għandha ninsewh. Għaliex, Mr Speaker? Għadna kemm smajna proprju issa f’dan l‑Abbozz ta’ Liġi dwar il‑ħut, fuq din l‑imbierka vjolenza kommessa minn sajjieda kontra sajjieda Maltin. Jiġifieri din il‑vjolenza jien nistħajjilha bħall‑melħ mitfugħ fil‑borma ta’ kuljum, għax tidħol kuljum u kullimkien.

Però, problema li jien ukoll niddefiniha bħala vjolenti u li lili tippreokkupani, bħalma żgur li tippreokkupa lil diversi familji, lil min jaħdem fil‑Qrati u lil min għandu għal qalbu l‑ġid taż‑żgħażagħ, hija l‑problema tad‑drogi. U din mhix problema li llum il‑poplu inġenerali qed jisma’ biha għall‑ewwel darba. Naqraw spiss ‑ u għalina min jaħdem fil‑Qrati, nassistu għalihom kontinwament – b’żgħażagħ f’età anke tenera jitressqu quddiem il‑Qrati b’akkużi li kellhom fil‑pussess tagħhom diversi tipi ta’ drogi, l‑iktar tnejn partikolari huma l‑ħaxixa ‑ dik li komunament insejħulha “l‑ħaxixa" ‑ u kultant xi mediċinali, xi kalmanti. Jien inħoss li llum tant saret akuta din il‑problema ‑ u żgur li ma rrid nallarma lil ħadd ‑ li wasalna fi stat fejn anke kien hawn każ ta’ żagħżugħ li għal ftit libbri ta’ ħaxixa mar biex ipartat il‑mutur tiegħu!  Proprjetà tiegħu dan! Smajna anke b’żgħażagħ li serqu biex bir‑rikavat tas‑serq jakkwistaw dawk il‑ftit libbri. U llum il‑prezz ta’ din il‑merce żgur li mhux xi ftit liri, għax illum qegħdin jitolbu l‑mijiet tal‑liri f’dan il‑merce.

Din hi, Mr Speaker, il‑vera vjolenza li ftit ftit dieħla ġo dan il‑pajjiż. Għaliex nikkwalifikaha bħala vjolenza? Għaliex minn naħa waħda għandek l‑ispaċċatur, in‑negozjant, dak li jqassamha, li qed jipprokura din id‑droga lil ħaddieħor - u b’hekk hija forma ta’ vjolenza imposta minn ħaddieħor - u għandek il‑vjolenza fir‑riċevitur, f’min jippossediha, f’min jixtriha, f’min jikkonsmaha li hija auto inflitta fuqu nnifsu, kważi kważi suwiċidali.

Minn ftit statistika li ġbart jien, sirt naf illi f’Malta għandek ċerti lokalitajiet fejn it‑tqassim u t‑tixrid tad‑drogi huwa l‑iktar mod preponderanti, fosthom Għawdex, in‑naħa tal‑Kottonera, Raħal Ġdid, Tas‑Sliema u San Ġiljan. Però llum, sfortunatament, iktar ma qed jgħaddi ż‑żmien, iktar qed tikber il‑kwestjoni u iktar qed tinxtered. Jien naf b’każijiet, pereżempju, anke f’raħal twelidi stess. Dwar l‑età, din tvarja bejn it‑18 u l‑35 sena. Jiġifieri l‑maġġor parti ta’ dawk li jien niddefinixxi bħala konsumaturi, jiġifieri dawk li jeħduha, huma fl‑età taż‑żgħożija. Għal dawk li huma spaċċaturi, il‑latitudni fl‑età hija ferm akbar.

X’inhi r‑raġuni li qed twassal għal din id‑dipendenza? Minn dak li jien ġbart minn diskussjonijiet li kelli ma’ membri tal‑Pulizija u mal‑ġudikanti, ir‑raġuni prinċipali hija li dawn iż‑żgħażagħ ġejjin minn broken families; familji sfrattati, il‑missier u l‑omm separati, kulħadd jgħix għal riħu u l‑ġenituri ma jimportahomx x’qed jiġri miż‑żagħżugħ tagħhom meta jħalli d‑dar. Ovvjament hemm l‑edukazzjoni żbaljata, ovvjament fiż‑żgħażagħ, fiż‑żmenijiet tal-lum, f’dinja mekkanizzata ‑ ma rridx inkun filosofiku ‑ teżisti l‑aljenazzjoni, teżisti l‑frustrazzjoni u teżisti wkoll dik li forsi hi l‑idea f’kull żagħżugħ, li jagħmel bħall‑grupp. 

Il‑liġi kif inhi f’Malta llum, kif naraha jien, mhi sodisfaċenti xejn, u ngħid għaliex. Għandna żewġ liġijiet prinċipali li jittrattaw il‑problema tad‑drogi, li huma d‑Dangerous Drugs Ordinance u d‑Drug Control Regulations tal-1976. F’waħda minnhom hemm dawk li huma komunament magħrufa bħala hard drugs, li hija d‑Dangerous Drugs Ordinance, fejn jissemmew drogi bħal kokaina, eroina u ħaxixa, il‑cannabis ‑ għalkemm f’xi liġijiet esteri l‑cannabis iqisuha iktar bħala soft drug milli hard drug ‑ imbagħad għandna l‑liġi l‑oħra li ssemmi l‑mediċinali, bħall‑amphetamine u kalmanti oħrajn. Jien inħoss li huwa żball li għandek id‑distinzjoni bejn il‑hard u s‑soft drugs, u ngħid għaliex. Il‑bejgħ tat‑tnejn f’dawn il‑każijiet li mhumiex preskritti, isir bil‑moħbi. Fiż‑żewġ istanzi l‑ispaċċatur huwa l‑istess; bniedem bla kuxjenza u moħħu biss fil‑kilba u għall‑qligħ. Għandek ukoll il‑każ fejn ħafna żgħażagħ jibdew bis‑soft drugs u jispiċċaw, minħabba l‑kuntatt li jkollhom mal‑ispaċċatur, anke bil‑hard drugs. Il‑piena, fiż‑żewġ każijiet, jien inħoss li għandha tkun uniformi. Għaliex, Mr Speaker? Jista’ jiġri ‑ u naf b’każ jien ukoll ‑ fejn żagħżugħ li jikkonsma s‑soft drugs kontinwament, ripetutament twasslu f’ċertu dipendenza illi tkun iktar perikoluża minn dak li ta’ kultant jikkonsma biss il‑hard drug, bħall‑ħaxixa. U nafu b’każijiet. Jien naf b’każ fejn persuna bis‑soft drugs ‑ dawk li aħna nikkwalifikawhom bħala soft drugs fil‑mediċinali, u jekk m’iniex sejjer żball kien xi każ ta’ xi barbiturates ‑ kien tant wasal f’dipendenza fuqhom li b’effett tagħhom, tal‑konsum kontinwu tagħhom miet.

It‑tieni punt, Mr Speaker, fejn nara li l‑liġi hija monka. Kif inhi llum il‑liġi, m’għandek ebda distinzjoni f’dik li hija piena bejn ir‑reat kommess mill‑ispaċċatur u r‑reat kommess mill‑konsumatur. Riċentement, f’dawn l‑aħħar snin, qed nassistu lkoll għal fenomenu ieħor ġdid, fejn minħabba li l‑ispaċċatur qiegħed kontinwament jgħolli l‑merċa tiegħu, allura qed ikollok żgħażagħ, li sa ftit żmien ilu kienu konsumaturi, li b’effett tal‑fatt taż‑żieda f’din il‑merċa qed jagħmluha ta’ spaċċaturi huma wkoll, biex bil‑qligħ extra li jkollhom, ikunu jistgħu jakkwistaw il‑ftit libbri li jkollhom bżonn għalihom stess. U x’qed jiġri b’dan? Il‑vizzju jikber, il‑vizzju jinxtered u quindi jkollok ir‑rovina.

Għalhekk jien inħoss, Mr Speaker, illi f’dan il‑każ, il‑pieni għandhom ikunu iktar iebsa, għal kull każ ta’ spaċċar, kbir jew żgħir. Għax minn fejn qed tibda din ir‑rovina? Ovvjament ġejja mill‑ispaċċatur, minn kull min hu negozjant, li l‑interess primarju tiegħu, huwa l‑qligħ. Għax dan mhux qed jagħmel hekk għax miskin iż‑żagħżugħ għandu bżonn. Qed jagħmlu għall‑qligħ u ma jimpurtahx x’jiġri miż‑żagħżugħ. Iktar ma jikkonsma mill‑prodott ‑ dan bħalma jiġri dejjem ‑ iktar iżid il‑merċa tiegħu, iktar tikber id‑domanda, iktar jiżdied il‑prezz u quindi iktar tinxtered ir‑rovina.

Però, fl‑opinjoni tiegħi, Mr Speaker, mhux il‑liġi biss hija monka, hija ħażina, u bi ftit ta’ iktar interess tiġi rrimedjata, però primarjament, f’dan il‑kamp, hija l‑edukazzjoni li hija l‑iktar monka. Huwa veru li skont l-istatistika, il‑maġġor parti ġejjin minn broken families, ġejjin minn ċerta strata tas‑soċejtà illi forsi ma kellhomx il‑privileġġ ta’ edukazzjoni iktar akkurata, però huwa veru wkoll li kellna każijiet ta’ tfal ta’ professjonisti, fejn kellhom l‑edukazzjoni kollha u nonostante cio, għal dak li għandu x’jaqsam md‑drogi, dawn ma kinux edukati kif suppost għandhom ikunu edukati; ma jafux, f’kelma waħda, l‑effetti tal‑konsum tagħhom, kemm fiżikament u kemm psikoloġikament. Allura f’dan il‑każ żgur illi kull min hu responsabbli u kull min għandu għal qalbu l‑ġid taż‑żgħażagħ ... Primarjament hawnhekk wieħed jista’ jsemmi bħad‑Dipartiment tal‑Edukazzjoni, bħax‑Xandir ‑ l‑iktar ħaġa importanti, ix‑xandir li permezz ta’ films ... Dan bħalma jsir barra. Mhux naraw ix‑xandir li sfortunatament jiġri f’pajjiżi oħra, fejn tiftaħ it‑television u fl‑aħbarijiet tisma’ li żagħżugħ sabuh mejjet taħt il‑portico, fl‑Italja pereżempju. Taħt il‑portico! Mhux dak it‑tip ta’ films irridu naraw; ma rridux naslu f’dak l‑istat. Il‑films li rridu naraw huma li jwasslu biex kulħadd jifhem x’inhu l‑effett ta’ konsum żbaljat ta’ droga u tad‑dannu li qed jiġri.  Trid tiġi wkoll studjata, Mr Speaker, sistema ta’ trattament. L‑esperjenza żgur li għallmet lilna bħala avukati, lill‑ġudikanti u lill‑pulizija, lill‑ispetturi, li l‑ħabs u l‑pieni ‑ jew ġieli kellna każ ta’ rikoveru fl‑Isptar Monte Carmeli ‑ mhumiex sodisfaċenti.

Allura xi jrid isir? Irridu, qabel xejn, nifirdu l‑konsumatur mill‑ispaċċatur, billi jitwaqqfu, bħalma hemm barra, rehabilitation centres u jkollok numru ta’ welfare officers speċjalizzati f’din il‑problema. Il‑proċess tar‑riabilitazzjoni mhuwiex xi proċess faċli, hu proċess anzi ferm diffiċli, u għalhekk żgur irid ikollok pjanifikazzjoni adegwata. Però barra li jrid ikollok pjanifikazzjoni, l‑attitudini inġenerali trid tkun matura u realistika. Inutili noqogħdu niġu bil‑kundanni morali u noħolqu paniku żejjed, għax dan żgur ma jservi għalxejn. Żgur li mhux għall‑ġid taż‑żgħażagħ, żgur.

Nissuġġerixxi wkoll, Mr Speaker, li f’każijiet fejn għandek hard addicts, ikollok sistema ta’ reġistrazzjoni mad‑Dipartiment tas‑Saħħa b’mod li dawn ikollhom provvista ... Għaliex? Għax lil min hu hard addict, bħal min hu hard alcoholic, ma tistax taqbad u radikalment twaqqaflu l‑provvista, ma tistax tagħmlu dan, għax ikollok trawma psikika żgur, li tkun ferm agħar. Allura li jrid isir huwa li jkollok provvista, però provvista b’tali mod li twasslu għall‑kura, għax allura ma tkun isservi għalxejn.

Biex inkomplu wkoll fuq dan l‑aspett tal‑edukazzjoni, Mr Speaker, jien inħoss li qed ikun żball illi nippubblikaw fil‑ġurnali u fil‑mezzi tax‑xandir l‑ismijiet tal‑persuni involuti kull meta jitressaq każ il‑Qorti, jew tal‑mediċina li qed tiġi kkonsmata. Il‑pubbliċità li għandha tingħata mhux f’dan is‑sens trid tkun. Il‑pubbliċità żgur ma tridx tippromwovi interess eċċessiv li jkun żbaljat, żgur li le. Inkella tiġi bħalma qed jgħid l‑Onor. Membru, Dr De Marco, kontro‑produċenti u ma sservi għal xejn. Trid fuq kollox ikollok l‑edukazzjoni preventiva, għax dan huwa l‑qofol ta’ kollox f’din il‑problema. Din hija żgur aktar meħtieġa, iktar u iktar meta jkollok nies, li jippropagandaw ... Hawnhekk qed niftakar pereżempju, fil‑Partit Radicale tal-Italja, fejn bl‑aktar mod sfaċċat dan, fil‑beraħ ... Dan ikun irid il‑ġid taż‑żgħażagħ? Din hija l‑propaganda li trid issir? Il‑propaganda li trid issir żgur trid tkun edukattiva, li twassal biex bil‑mod il‑mod tinqata’ d‑dipendenza taż-żagħżugħ fuq il‑konsum ta’ dik id‑droga. Għax hemm din il‑propaganda li fl‑imgħoddi, anke fil‑letteratura ... Il‑ħabib tiegħi Ugo jaf li aħna ġieli anke nsemmu lil Beaudelaire li kien wieħed mill‑konsumaturi l‑kbar, li kien jgħid li l‑konsum tal‑loppju kellu xi valuri pożittivi. Il‑moħħ żgur ma jinfetaħx bil‑konsum tad‑drogi.  Il‑libertà u l‑progress żgur li ma jinxtrawx bid‑drogi. Allura jkollok, Mr Speaker, problema ta’ din in‑natura, problema tant delikata li żgur mhix ħa tifred iż‑żewġ naħat,  l‑interess komuni ta’ kulħadd, ta’ tobba, spiżjara, il‑koperazzjoni tal‑ġenituri, first and foremost ...  Jien naf b’każ f’Ħaż‑Żebbuġ fejn il‑missier, minn rajh, qabad u mar jirrapporta lil ibnu għax kien qiegħed jikkonsma d‑drogi, ipejjep il‑ħaxixa. 

Sfortunatament anke professjonisti, forsi min intortament, forsi min apposta, forsi għax ma jifhmux fil‑problema, però ħafna minnhom żgur li ma jafux jew ma japprezzawx biżżejjed l‑effett tal‑konsum tad‑drogi fiż‑żgħażagħ. U quindi żgur li dan il‑Parlament, fejn tidħol din il‑problema, li nerġa’ ngħid qed tikber u mhux tiċkien f’dan il‑pajjiż - irridu nkunu konxji li qed tikber f’dan il‑pajjiż - irridu bilfors koperazzjoni assoluta bejn għaqdiet kemm reliġjużi u kemm mhumiex, u kemm lajċi, biex forsi bil‑mod il‑mod fiż‑żgħażagħ, u primarjament f’min għandu l‑kura tagħhom, jidħol dak it‑tagħlim li bil‑konsum tad‑droga, bit‑tixrid tal‑ħaxixa, bit‑tixrid tad‑drogi ... Ma rridx li naslu fi stat li jkollna, għada pitgħada, ġenerazzjoni ta’ nies fiżikament jew mentalment disturbati, partikolarment aħna ż‑żewġ naħat li dejjem niftaħru li kulma qegħdin nagħmlu huwa għall‑ġid ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna. Għax din l‑iktar ħaġa fundamentali. 

Nixtieq ukoll, Mr Speaker, nieħu din l‑opportunità fiż‑żewġ minuti li fadalli biex nitkellem dwar vjolenza oħra, li hija l‑vjolenza li ġrat il‑Ħamis li għadda, vjolenza kkawżata mhux minna; estranea kienet għalina żgur. Ħadd ma kien komparteċipi fiha. Nixtieq, Mr Speaker, illi dan il‑Parlament, b’xi mod, iwassal il‑kondoljanzi tiegħu lill‑familji tal‑vittmi ta’ din il‑maltempata.

ONOR. MEMBRU:  Hear, hear.

ONOR. PHILIP SCIBERRAS: Partikolarment min jaħdem fil‑Qorti, jaf bid‑diżgrazzja li messet lil wieħed mill‑kollegi tagħna, li jkun magħna spiss, il‑Perit Huntingford. Nixtieq li b’xi mod ‑ naf li saru ħafna affarijiet ‑ nipprovaw nallevaw lil dawn in‑nies mid‑diżordni u l-problemi li ħalliet din il‑burraxka. B’mod partikolari, napprezza x‑xogħol fejjiedi li għamel seħibna l‑Ministru Sant, il‑Kummissarju tal‑Pulizija u l‑Korp tiegħu, il‑membri tal‑Forzi Armati u lil kull sammaritan li b’xi mod għen biex dawn il‑povri msejkna jiġu ssollevati b’xi mod. Żgur li mhux ħa tirrimpjazzalhom dak li diġà batew, imma jiġu allevati b’xi mod mis‑salib li messhom. Nirringrazzjak, Mr Speaker. (Onor. Membri:  Hear, hear)

 

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 20.07.1979
Ġurament tal-Ħatra: 23.07.1979
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987