Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Lorry Sant

Kondoljanzi (26 Diċ 1937 - 5 Ott 1995)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 456 tas-Seba' Leġislatura tad-9 ta' Ottubru 1995

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin): Mr Speaker, huwa dover ta' din il-Kamra li tfakkar lill-ħabib tagħna Lorry Sant. Huwa dover għaliex Lorry Sant għadda 30 sena minn ħajtu f'din il-Kamra. Ċertament li dan huwa bniedem li matul it-30 sena tiegħu f'dan il-Parlament wera determinazzjoni, kuraġġ u intelliġenza f'dak kollu li huwa kien jaħseb li huwa l-aħjar skond il-fehmiet tiegħu.

Jien u Lorry konna ilna nafu lil xulxin iktar minn 30 sena - iż-żmien li fih kien ilu fil-Parlament - u naturalment bħalma jiġri fil-ħajja politika tagħna, iktar u iktar f'perijodu ta' politika fejn kien hemm diviżjonijiet qawwija, ma kienx dejjem faċli għal kulħadd li jżomm relazzjonijiet tajbin. Pero' rrid ngħid li jien u hu dejjem irnexxielna, anke fid-diversita' tal-ħsieb u ta' l-opinjoni tagħna, inżommu relazzjonijiet tajbin flimkien; relazzjonijiet li komplew jaċċentwaw ruħhom iktar ma għadda ż-żmien u iktar ma għaddew is-snin.

Jien naħseb li Lorry kellu intelliġenza kważi eċċezzjonali. Lorry kien bniedem li jemmen fil-ħsebijiet u fil-kredu tiegħu u din l-intelliġenza kien jgħaqqadha bil-kuraġġ li ċertament baqa' miegħu anke fl-aħħar xhur diffiċli ta' ħajtu.

Kont mort narah fil-bidu nett tal-marda tiegħu u bqajt milqut bis-sens ta' sfida li baqgħet fih għal tant żmien anke huwa u jiffaċċja dak li forsi wera ruħu bħala inevitabbli.

Mr Speaker, nixtieq nesprimi s-sogħba tagħna lil Carmen - kollega tagħna għal diversi snin hawnhekk - lill-Onor. Salvu Sant - kollega tagħna hawnhekk - lill-mama' tiegħu u lill-familja Sant kollha. Is-sogħba li dehret fil-quddiesa li saret fil-Knisja ta' Kristu Re ġewwa Raħal Gdid kienet manifestazzjoni oħra ta' kemm kien jolqot l-immaġinazzjoni u anke l-lealta' ta' tant u tant nies. Lilhom ukoll nixtieq ngħaddi l-kondoljanzi sinċieri tagħna.

Mr Speaker, aħna nemmnu fil-ħajja eterna u għalhekk aħna konvinti li l-kollega tagħna Lorry sab il-mistrieħ ta' dejjem. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Mr Speaker, illejla huwa xieraq li nfakkru u nagħtu tislima lil Lorry Sant li għal snin twal immilita bil-kbir fi ħdan il-Partit Laburista u anke fi ħdan dan il-Parlament għal dak li hu kien jemmen u jħoss li huwa ta' ġid għall-poplu Malti u Għawdxi. Kien hemm żmien fejn daħlu ċerti diffikultajiet bejn il-Partit Laburista u Lorry Sant, imma minkejja dawk id-diffikutajiet xejn ma hu diffiċli li wieħed japprezza mija fil-mija l-kontribut kbir, kuraġġuż, qalbieni, sod u intelliġġentissimu li ta Lorry Sant matul is-snin tiegħu ta' militanzja politika.

Nixtieq infakkar speċjalment il-kontribut li ta lill-Moviment tal-Ħaddiema - dak iż-żmien primarjament minn ħdan il-General Workers' Union meta kien għadu żagħżugħ veru - fis-snin ħamsin u fil-bidu tas-snin sittin meta l-ħaddiema tat-tarzna kienu jitpoġġew quddiem il-madmad u kienu jispiċċaw turufnati mil-lum għal għada għax ma kienx ikun hemm xogħol għalihom u għax ma kien ikun hemm l-ebda garanzija ta' xogħol għalihom. Il-ħidma ta' Lorry Sant u sħabu - dak iż-żmien hu kien wieħed mill-mexxejja żgħażagħ tal-ħaddiema tat-tarzna - tat sens kbir ta' dinjita', ta' qawwa, ta' qlubija, ta' fiduċja u ta' sfida lill-ħaddiema tat-tarzna li mingħajrha forsi kienu jispiċċaw sempliċement bħala nies li jitwarrbu kompletament mix-xtut ta' din il-gżira qishom qatt ma kienu qishom qatt ma eżistew.

Mr Speaker, irridu nsellmu wkoll il-ħidma li ta bl-istess impenn, bl-istess kuraġġ u bl-istess intelliġenza fis-snin sittin meta minkejja l-madmad klerikali li kien qed jagħfas minn kullimkien fuq il-Partit Laburista u fuq dawk li kienu jemmnu fl-ideali soċjalisti, żammew għaddejja ir-rieda li f'pajjiżna tabilħaqq ikun hawn drittijiet ċivili moderni li jappartjenu lil kull demokrazija moderna.

Mr Speaker, illejla rridu nsellmu wkoll il-parteċipazzjoni u s-sehem kbir li ta Lorry Sant bħala ministru żagħżugħ fil-bidu u fin-nofs tas-snin sebgħin meta bħala ministru responsabbli mix-xogħlijiet kien responsabbli għal uħud mill-proġetti kbar li wettaq il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien. Dawn huma kollha kontributi fejn is-saħħa ta' moħħ u r-rieda ta' l-intelliġenza tiegħu u anke l-mod kif kien jagħfas 'il quddiem biex iwettaq dak li ried iwettaq kienu ispirazzjoni għal ħafna nies li forsi ma ħasbux li Partit Laburista fil-gvern seta' tabilħaqq iwettaq l-isfidi li kien poġġa quddiem il-pajjiż. Bl-istess mod insellmu l-kuraġġ u r-rieda soda li biha fl-aħħar xhur Lorry Sant iffaċċja l-marda qalila li ħakmitu li ħafnitu b'mod mill-iktar krudil u li ngħid li dan il-kuraġġ kien parti mill-istess kuraġġ li wera fl-aqwa mumenti tal-kariera politika twila u qalbiena tiegħu. Insellmu lill-familja tiegħu kollha kemm hi, fosthom lil ħuħ l-Onor. Salvu Sant li huwa seħibna fil-lotta polititka li dejjem għaddejja. Tajjeb ukoll li llum infakkru kif matul iż-żmenijiet li matulhom issarfet l-idjoma politika moderna, Lorry Sant u nies li ħarġu bħalu minn fost il-ħaddiema tat-tarzna, kienu element essenzjali u importanti fil-mod kif tabilħaqq id-demokrazija ġiet żviluppata f'pajjiżna biex tagħti leħen lis-setturi kollha tal-pajjiż, mhux biss lis-settur li jkun settur professjonist jew settur ta' klassi avvanzata imma wkoll lin-nies li tabilħaqq ħarġu minn fost il-klassi tal-ħaddiema. Grazzi, Sur President.

MR SPEAKER: Grazzi. Jiena ningħaqad mas-sentimenti u mal-kondoljanzi espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn il-kondoljanzi lill-familja ta' Lorry Sant.

L-Onor. Salvu Sant.

ONOR. SALVU SANT: Mr Speaker, għan-nom tal-mara ta' ħija Carmen, ommi u l-familja kollha nixtieq nirringrazzja lill-Gvern, lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni u lilek ukoll għall-kondoljanzi espressi, pero' nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex pubblikament nirringrazzja lill-Ministru għas-Servizzi Soċjali u liż-żewġ Segretarji Parlamentari fil-Ministeru tiegħu kemm lill-Onor. Rizzo Naudi kif ukoll lill-Onor. Louis Deguara għall-assistenza li taw kontinwament kemm dam ħija l-isptar hawn Malta. Nirringrazzja wkoll lill-istaff kollu ta' tobba, surgeons u nursing staff li kien hemm fl-Isptar San Luqa. Nixtieq nirringrazzja wkoll b'mod partikolari lill-Viċi Prim Ministru, l-Onor. Guido De Marco, li fiż-żewġ okkażjonijiet li Lorry kellu jsiefer għal kura barra minn Malta poġġa għad-dispożizzjoni tiegħu mingħajr riżervi l-faċilitajiet kollha li seta' joffri l-Gvern barra dan il-pajjiż. Nixtieq nirringrazzja wkoll, għan-nom tal-familja tiegħi, lil dawk li żaruh kemm l-isptar u kemm id-dar pero' sabiex nibqgħu fuq il-membri ta' hawn ġew u dawk li kienu hawn ġew nixtieq nirringrazzja lill-President tar-Repubblika u lill-Aġent President Dr. Jimmy Farrugia, lill-Prim Ministru, lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, Ministri u membri miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll ex-Ministri u ex-membri ta' din il-Kamra. Nixtieq ukoll nirringrazzja pubblikament lill-ex żewġ Presidenti Agatha Barbara u Ċensu Tabone li marru jarawh kif ukoll lill-ex Prim Ministru l-Onor. Dom Mintoff li b'paċenzja kbira niżel id-dar sabiex jarah. Ma rridx nonqos li pubblikament ma nirringrazzjax lil seħibna l-Onor. Vincent Moran li barra li trabbejna flimkien għamel dak li seta' matul ħajjet il-familja tagħna, pero' aktar u aktar f'dawn l-aħħar xhur tal-paċenzja u d-devozjoni li wera ma' ħija. F'ismi, f'isem ommi, f'isem il-mara ta' ħija Carmen u f'isem il-familja kollha nixtieq nirringrazzja lil kulħadd. Grazzi, Mr Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Bini Pubbliku u Xogħol - 21.06.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 24.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Karigi
Ministru tax-Xogħlijiet u Sport - 24.09.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Karigi
Ministru tal-Intern - 19.12.1981
Waqqaf: 01.09.1983
Ministru għax-Xogħlijiet u Djar - 02.09.1983
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992