Tifkira ta' Joseph Saliba fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta' Malta
15 ta' Novembru 2010
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn il-25 ta' Settembru 1976 u t-13 ta' Frar 1987
Joseph Saliba
L-EWWEL DISKORS TA’ JOSEPH SALIBA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 57 TAT-TNEJN, 16 TA’ MEJJU 1977 IR-RABA’ LEĠISLATURA
ONOR. JOSEPH SALIBA: Sur President, illum l-ewwel darba li sejjer nitkellem f'din is-sala. Però rrid nagħmilha ċara mill-ewwel illi sejjer inneħħi dak id-dritt li soltu jkollu kull wieħed illi jitkellem l-ewwel darba, illi l-Oppożizzjoni normalment ma tgħaddilux rimarki. Min irid illi jgħaddi xi rimarka min-naħa l-oħra għalija m'hemmx oġġezzjoni. Ngħidilkom tan-naħa l-oħra mhux b'nuqqas ta' rispett bħalma jiġri bejn tan-naħa ta' tas-Sliema u tan-naħa tagħna, biex nitkellmu ċar. Jiġifieri "tan-naħa l-oħra" għax aħna qegħdin fuq naħa u intom qegħdin fuq in-naħa l-oħra. Però rrid nagħmilha ċara li min-naħa tiegħi m'hemm l-ebda oġġezzjoni min irid jgħaddi rimarki.
Irrid nieħu xi punti prinċipali minn dak li ntqal. L-ewwel kumment li qal ix-shadow Minister ftit ilu kien illi l-iskop ta' din il-liġi m'huwiex eżatt kif inhu miktub wara. Huwa qalilna li qed jinsisti li jgħid li l-iskop huwa servizz aħjar lill-poplu. Però jekk inti taqra l-"Għanijiet u r-Raġunijiet" għalfejn dawn qed isiru, għal liema raġuni, jiġifieri li sejrin iġiegħlu lit-tobba ż-żgħar illi jagħmlu sentejn oħra, dan isib illi l-iskop huwa eżatt biex ikun hemm servizz aħjar lill-poplu Malti. U dan is-servizz aħjar lill-poplu Malti, fl-opinjoni tiegħi, mhuwiex servizz li sejrin nitolbu xi sagrifiċċju l-għaliex dan huwa dmir min-naħa tat-tobba. U niġi għal eżempju prattiku. Irrid ngħid, nieħu għalija personali, li jien wieħed mit-tobba xjuħ - ili li sirt 27 sena - naf kemm batejt biex wasalt biex ħadt il-pożizzjoni ta' tabib. Missieri ma kienx ħaġa oħra ħlief driller id-Dockyard. Illum mejjet. Dan bata kwantità biex wassalni fil-pożizzjoni li qiegħed fiha llum. Mhux bata biss finanzjarjament, il-għaliex fi żmieni kemm l-iskola sekondarja, jiġifieri l-Liċeo, kif ukoll l-Università kienu bil-ħlas. Però barra minn dan, Sur President, kien hemm il-fatt li minħabba raġunijiet finanzjarji illi ma setax iwassal li jħallasli f'dawn l-iskejjel, kien ikollu wkoll jumiljixxi ruħu billi jmur il-qorti u jagħmel affidavit tal-kondizzjoni finanzjarja tiegħu biex jien kont inħallas parti mill-miżata li kienet titħallas ġewwa l-Università, kif ukoll il-Liċeo.
Il-Gvern Laburista dawn il-prinċipji neħħihom. Din l-umiljazzjoni min-naħa tal-missirijiet li riedu jmorru u kważi kważi jistħu, biex ngħid hekk ... (Interruzzjonijiet) Dan mhux qed ngħid li ma hemmx minn tan-naħa l-oħra wkoll. Għalhekk għidtlek....
ONOR. MEMBRU: Il-Gvern Nazzjonalista għamilhom.
ONOR. JOSEPH SALIBA: X'għamel il-Gvern Nazzjonalista?
ONOR. MEMBRU: Edukazzjoni b'xejn.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Intom għamiltuha? Ma jidhirlix li l-edukazzjoni b'xejn saret kollha minnkom. Kien hemm ħafna items oħra li ma għamiltuhomx intom.
Dawn l-affarijiet, Sur President, kienu jġegħluna nħammru wiċċna. Inħammru wiċċna, speċjalment jiena, l-ewwel wieħed ġo l-Università, meta kont naf li rrid immur b'ċerta karta biex kont inħallas parti. Illum, dawn il-prinċipji spiċċaw l-għaliex illum ħadd ma jħallas sold, la fi skola sekondarja, dak li huwa Liċeo, u lanqas f'dik li hija Università.
Per konsegwenza, aħna nafu, Sur President, illi l-Gvern qiegħed iħallas somma ta' - qaltilna l-Oppożizzjoni ftit ilu - Lm1,500, bejn wieħed u ieħor, għal kull student. Tal-mediċina biss qed ngħid. Dan barra minn sussidji oħra indiretti li jieħdu l-istudenti bħala studenti as such, f'dak li huwa għal SRC, għal faċilitajiet ta' soċjetajiet tagħhom u ħwejjeġ oħra simili. Allura ma jidhirlekx, Sur President, li meta l-poplu Malti qiegħed iħallas is-somma, bejn wieħed u ieħor, lill-Università, ta' Lm82,000 fis-sena, presso o poco - hemm xi figuri żgħar differenza - dan id-dritt li tajna lill-istudenti biex jitgħallmu b'xejn, mill-kindergarten nibqgħu sejrin sal-Università, l-istudent, meta jsir tabib, għandu jkollu d-dover, issa - jiġi d-dover - illi jpatti xi ħaġa lil dak il-Gvern li jkun ħallaslu? U meta ngħid "il-Gvern", ma rridx nifhem il-Gvern Laburista. jien qed nifhem, meta qed ngħid "il-Gvern", il-poplu Malti. Il-għaliex il-flus li qed joħroġlu l-Gvern, ħadd minna lkoll ma hu qiegħed joħroġhom minn butu; qed joħorġu mill-kaxxa ta' Malta. U per konsegwenza, dan l-istudent li llum sar tabib, għandu obbligu - u obbligu sagrosant - li jpatti għal dawk il-flus li ħarġitlu Malta billi jagħti s-servizzi tiegħu. U mhux bħalma qed jiġri, fil-fatt, illi malli jsiru tobba, immedjatament li jsiru tobba, dawn jaqbdu t-triq u jaraw kif iparpru. Anke jekk, bħal ma ssuġġerixxa ... (Interruzzjonijiet) Jiena għamilt tliet snin bħalek, ħabib tiegħi. Fi żmienna kienu tliet snin. Bħalek eżatt. Inti, tliet snin hemm bejnietna, sa fejn naf jien.
Barra mill-fatt ... (Interruzzjonijiet) U le, Sur President, ma jimpurtax. Sakemm ma jkunux affarijiet antipatiċi, minix se nieħu għalija billi jkun hemm ftit cross debates żgħar ta' bla ġlied. Ma tantx jimporta wisq. U jiena, sa fejn naf jien, ma jiena qed nipprova niġġieled ma’ ħadd. Mhux il-prinċipju tiegħi illi niġġieled. (Interruzzjonijiet) Ma fhimthiex din ir-rimarka. (Interruzzjonijiet) Oh, I see.
Jiġifieri jien inħoss illi dan huwa dmir, huwa dover ta' dan it-tabib illi jpatti lil Malta billi jagħmel dawn is-sentejn li huma ħaġa żgħira ta' sagrifiċċju għall-ammont ta' flus illi jkun tah il-poplu Malti.
Barra minn dan, nistgħu ngħidu wkoll illi dawn se jservuh għal diversi affarijiet, dawn is-sentejn illi sejjer jagħmel. L-ewwel ma sejrin iservuh huma, bħalma diġà speċifikaw kemm il-Ministru kif ukoll l-Onor. George Hyzler, biex dan ikompli jsir aħjar fil-professjoni tiegħu, il-għaliex irridu nammettu, l-aħwa, almenu t-tobba, kull min għandu sens ta' responsabbiltà, u naħseb illi t-tobba li hawn hawnhekk kollha għandna sens ta' responsabbiltà, irridu nammettu illi meta nsiru tobba u jlibbsuna l-berettin f'rasna, u ċ-ċurkett f'idejna, ir-rożetta f'idejna, u jlibbsuna t-toga, esperjenza ftit li xejn ikollna. Esperjenza ftit li xejn ikollna. Dan nammettuh. Kollox sew, ikollok ċerta prattika l-isptar, però l-esperjenza teħodha meta tiġbed għal snienek, meta jkollok ċerta responsabbiltà, tgħid: "Jien illum tabib". Issa dment li inti għadek student, dik ir-responsabbiltà dejjem hemm il-professur, huwa li scapegoat, biex ngħid hekk, dejjem huwa responsabbli, jew inkella t-tabib, il-houseman illi hemm fuqek. Meta ssir houseman inti, jew house surgeon, hemmhekk tibda tħoss ir-responsabbiltà tat-tabib lejn il-pazjent. Però qabel, dik ir-responsabbiltà - u jiddispjaċini ngħid – tkun minima. Tkun għadek taħseb ta' student. Però meta ssir tabib tibda biex taħseb ta' tabib, għax tabib, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss id-dottorat ifisser tabib, ifisser l-esperjenza taż-żmien kemm ilu tabib. Dik hija ħaġa importantissima u naħseb illi l-kollegi tiegħi, f'din il-ħaġa, jaqblu miegħi. Ma jidhirlix illi hija ħaġa kontroversjali.
Ħaġ'oħra l-għala huwa importanti li jagħmlu dawn is-sentejn, huwa l-fatt illi anke jekk dan l-individwu sejjer imur barra minn Malta wara sentejn biex jieħu post-graduate degree f'xi ħaġa, kemm fil-kirurġija, kemm fil-mediċina, fl-ostetrija, ġinekoloġija u dawn il-ħafna "ġija"- jiet li nitkellmu bihom aħna t-tobba - ma hemmx għafejn noqogħdu, bħalma darba ġara, insemmu ħafna ismijiet kbar bħal meta kellna fuq it-tipjip - anke għal dawn il-post-graduate courses, għal dawn il-gradi speċjali ta' speċjalisti, jekk dan ikun għamel dawn is-sentejn hawnhekk, dawn sejrin iservuh bħala esperjenza barranija li anke meta jmur barra sejjer joħroġ iktar ta' raġel, biex ngħidulu hekk aħna, milli kieku mar mill-ewwel, hekk kif ikun għadu kemm ħa l-grad.
Jekk minix sejjer żball, l-Onor. Hyzler semma l-fatt rigward kif nistgħu nirranġaw din il-problema billi nirrikompensaw aħjar il-housemen. Jien jidhirli illi llum is-salarji li għandhom il-housemen, għalkemm għandhom xogħol ħafna - nammetti li għandhom xogħol ħafna - is-salarji li għandhom huma ferm tajbin a paragun ta' dawk illi naħseb kemm hu kif ukoll jien ... (Interruzzjonijiet) Jien bdejt l-ewwel sena, Sur President, bi Lm15 fix-xahar, imbagħad kelli....
ONOR. MEMBRU: Ħames xelini kuljum kellna.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Il-ħabib tiegħi qed jgħidli ħames xelini. Aħna kellna nofs lira kuljum. Infatti kont nidħak meta fil-għodu kien jiġi l-fattiga u jgħidli: "Buon giorno, sinjur". Kont ngħidlu: "Is-sinjur mhux jien proprjament; is-sinjur int għax għandek paga, a paragun, iżjed minni. Jien it-tabib, inti l-fattiga". U l-fattiga kellu paga iżjed minna. Wara sena, niftakar illi l-paga tagħna kienet saret Lm30. Allura konna sinjuri, kellna lira kuljum. Dan kien fl-1949/50, jekk niftakar sewwa, jiġifieri tliet snin eżatt wara l-kollega tiegħi, Dr Farrugia. Jiġifieri rrid ngħid illi l-compensation tal-houseman hija tajba. Pjuttost li rridu nirranġawlu l-houseman, huma, forsi, is-sigħat tax-xogħol u hawnhekk naqblu. Però iktar inkunu nistgħu nirranġawlu s-sigħat tax-xogħol lill-houseman jekk kemm-il darba dawn it-tobba sejrin inġegħluhom, b'din il-liġi, illi jibqgħu hawnhekk għax, allura, ix-xogħol ikun jista' jitqassam aħjar, ikun hemm numru ta' tobba available biex jimlew il-postijiet, u mhux jiġri, bħalma qiegħed jiġri issa, li bosta drabi jkollna nieħdu tabib minn hawn u npoġġuh 'il hemm jew minn naħa għall-oħra qisna għandna drafts jew inkella chess f'idejna. Jekk ikollna numru ta' tobba biżżejjed, ix-xogħol tagħhom sejjer isir aħjar u iktar fil-libertà. Rigward jekk inħallsulux il-private practice fl-ewwel sena, jew it-tieni sena, din hija problematika. L-ewwel ħaġa, skont ma smajt il-Ministru jgħid ftit ilu... għax jien ma kontx ċert minnha, kont se nistaqsiha, però l-Ministru qal illi bħalissa, it-tobba, ma għandhomx private practice meta jkunu bħala housemen. (Interruzzjonijiet)
ONOR. GEORGE HYZLER: Jekk tagħtini permess, Mr Speaker.....
ONOR. JOSEPH SALIBA: Iva, min-naħa tiegħi tista'.
ONOR. GEORGE HYZLER: Biex tkun ċara biss. Jien ukoll m'għidtx li nixtieqhom ikollhom il-private practice. Ma kienx wieħed mill-inċentivi li tajthom. Jien għidt li jiġri li, billi dawn m'għandhomx private practice, malli jispiċċaw isibu ruħhom b'xejn. Qed nagħmilha ċara.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Iva. Għal dawn qed nalludi jiena. Kieku dawn, però, xi ħadd kellu jissuġġerixxi - kollox sewwa, naqbel li forsi kelli misunderstanding, min-naħa tiegħi, jien u nniżżel in-noti - li kieku allaħares qatt kellna ntuhom il-private practice fl-ewwel sentejn, inkunu se noqtlu l-prinċipju li aħna għamilna dawn is-sentejn għalihom, għar-raġuni, l-ewwel waħda, li dawn ikunu moħħhom pjuttost iktar fil-private practice milli se jkunu fl-isptar, u jiġri li jibdew, 99%, jiskartaw.... Ikunu, per eżempju, erbgħa għassa, tnejn minnhom għandhom biċċtejn xogħol x'jagħmlu, jiftehmu mat-tnejn l-oħra, "Agħmilli pjaċir, agħmilli siegħa, għaliex jien għandi bżonn immur daqsxejn waħda sa Bormla", jew "għandi bżonn immur sa Bormla", jew: "għandi bżonn immur sa Ħal-Lija, minix se ndum, imbagħad inpattihielek darb'oħra jien". U jiġri, f'dawn iċ-ċirkostanzi, Sur President, illi, allura, l-isptar se jiġi undermanned, l-istess ħaġa daqs li kieku aħna m'għamilniex din il-liġi li jridu jagħmlu sentejn bilfors, obbligatorja.
Barra minn dan, kieku kellna ntuhom - "kieku", dejjem. Naf illi ma qbilniex, jiġifieri, f'din il-ħaġa qegħdin naqblu, biex ngħid hekk, li ma ntuhielhomx il-private practice - 99%, dawn, ħadd minnhom ma kien sejjer joqgħod biex jagħmel dawn is-sentejn. Għax jgħidlek: "La jien nista' naħdem il-private practice, b'mod jew ieħor, naħdem il-private practice u l-isptar ma jinteressanix".
Ħaġ'oħra. Ftit ilu smajt kumment ieħor, kien interessanti wkoll, fejn kien hemm id-diskussjoni rigward il-Council, fejn - jekk minix sejjer żball, jekk ikolli żball ikkorreġini - l-Onor. ħabib tiegħi, tan-naħa l-oħra, semma li l-Kunsill se nneħħulu xi drittijiet, il-għaliex waqt li qabel kien jagħti parir lill-Gvernatur-Ġenerali - fil-preżent jiġi l-President, s'intendi - issa, il-Kunsill għandu biss il-fakultà li jiġi kkonsultat mill-Ministru. Però fl-aħħar mill-aħħar xi ħadd irid ikun hemm biex jagħti l-aħħar direttiva. Kien hemm xi ħadd li semma l-kelma suprema lex. U naqbel magħha. Irid ikun hemm suprema lex, x'imkien. Anzi jien inżid mas-suprema lex, xi ħaġa iżjed. Ngħidlu: Vox populi hija vox Dei, mhux suprema lex. (Interruzzjonijiet) U iva. Vox populi hija vox Dei. Jiġifieri l-poplu għandu dritt, fl-aħħar mill-aħħar, illi jiddeċiedi f'ċerti affarijiet. U lill-poplu min qiegħed jirrappreżentah? Qed tirrappreżentah il-Kamra kollha, il-Membri kollha tal-Kamra, però speċifikament min hemm fil-gvern li qiegħed biex jillidja lill-poplu, u dak li qiegħed biex jillidja lill-poplu bħalissa huwa din in-naħa tal-Kamra. Jekk 'il quddiem għad ikun hemm in-naħa l-oħra biex tillidja, tillidja n-naħa l-oħra. Imma dejjem jibqa' l-fatt li d-deċiżjoni jrid jeħodha l-Ministru, fl-aħħar mill-aħħar, u mhux sempliċement il-Council as such. Għax jekk jiġu at loggerheads, il-Ministru u l-Kunsill, nibqgħu status quo? Ma jsir xejn? L-ebda deċiżjoni allura ma tittieħed? Nieqfu?
ONOR. VINCENT C. MORAN: Jiddeċiedi l-Kunsill.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Jew jiddeċiedi l-Kunsill? Kif jiddeċiedi l-Kunsill? Allura l-minoranza, li hija aħna t-tobba - qed ngħid għalija, wieħed mit-tobba - il-minoranza tagħna t-tobba, irridu niddettaw għall-maġġoranza ta' 300,000 tal-popolazzjoni? Kif jista' jkun? Il-bżonnijiet ta' Malta jiġu qabel dawk ta' 300 ruħ, ta' 300 u ftit, bejn wieħed u ieħor, ma niftakarx in-numru preċiż ta' kemm aħna tobba, imma n-numru ta' 300 huwa ferm fil-minoranza ħdejn 300,000. Id-differenza hija enormi. As 1 is to 1,000 qed nagħmilha jien, bejn wieħed u ieħor. Jiġifieri hija impossibbli li l-minoranza tikkmanda lill-maġġoranza.
ONOR. GEORGE HYZLER: Inti taħseb li l-agreement ma kellux isir?
ONOR. JOSEPH SALIBA: Liema agreement? (Interruzzjonijiet) Jien nammetti li kull agreement ... (Interruzzjonijiet) Imma hemm parti minnhom tobba wkoll. (Interruzzjonijiet)
Jien nammetti, l-aħwa, illi kien hemm dawn ir-regolamenti, però kull regolament li jsir, jien jidhirli li mhijiex l-ewwel darba li kemm ili hawnhekk fis-Sala, kien hemm diversi regolamenti li ġew emendati. Allura qed neħduha bi kbira illi dawn ir-regolamenti ġew emendati skont il-bżonnijiet tal-lum ta' Malta? Biddilna tant regolamenti, mhux wieħed u tnejn! Kemm ili hawn jien xbajt nara karti quddiemi jgħidu: "Din hija emenda ta' l-emenda ta' l-emenda ta' l-artikolu tant, u faċċata tant", u għaddew. Issa qed neħduha tant bi kbira għax qed nagħmlu emenda tar-regolamenti illi saru f'ċertu żmien! All right. Kull regolament għandu d-dritt illi jiġi emendat skont il-bżonn tal-pajjiż fil-ġurnata. Infatti, jekk nosservaw tajjeb, f'biċċa, f'waħda min-noti illi għandna hawnhekk, hemm nota li tgħid ... (Interruzzjonijiet) Mhux għal dik qed nalludi. Qed nalludi illi minn żmien għal żmien - ma nistax insib fejn hija preċiża però qrajtha d-dar - huwa l-Ministru li jiddeċiedi l-bżonn, kemm ikun hemm bżonn: jekk hemm bżonn jibqgħu sentejn, jekk hemm bżonn forsi jsiru inqas, skont iċ-ċirkostanzi. Jekk ikollna staff biżżejjed ġo l-isptar, jekk ikollna ammont ta' nies suffiċjenti kif jaħdmu, allura l-Ministru jista' jnaqqas minnhom, jista' ma jibqax jinsisti fuq is-sentejn. Din diġà żammha bħala prerogattiva l-Ministru. Qalilna. (Interruzzjonijiet) Yes, yes, yes, fire away, tibżax.
ONOR. GEORGE HYZLER: ... fil-bidunett li qed titlef l-iskop tagħha li l-liġi qiegħda magħmula biex it-tabib jittrejnja, kif għidtilna inti, wara li jkun tabib, spiċċa, iktar ma jieħu training, iktar ikun tajjeb.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Eh, jien għidtlek li hemm żewġ skopi.
ONOR. GEORGE HYZLER: Għalhekk qed ngħidlek.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Le, le, sorry. Jien mhux eżattament hekk għidt. Jien għidtlek illi l-iskop prinċipali kien eżatt għall-bżonnijiet ta' Malta. U dawk huma l-għanijiet li ser inżommu t-tobba hawnhekk illi jagħmlu sentejn oħra. Però, fl-istess ħin, it-tabib sejjer jiggwadanja u sejjer jiggwadanja minħabba l-fatt li dan sejjer ikompli jagħmel qisu post-graduate course hawnhekk, sejjer ikompli jispeċjalizza, ser jieħu dawk il-privileġġi kollha. U, fl-istess ħin, qed iħallas parti mid-dejn illi għandu lejn il-poplu Malti. Huwa l-poplu li qed iħallaslu. Huwa int, jien, dawk u kemm-il wieħed hawn fil-Kamra illi qed iħallas; mhux wieħed biss qed iħallas. Qabel kien iħallas it-tali missier. Illum Malta kollha qed tħallas. Aħna m'għandniex obbligu lejn missierna u lejn ommna? Allura, dan l-individwu, illi ommu hija Malta kollha, li hija l-kaxxa ta' Malta, m'għandux ikollu obbligu lejha, m'għandux iħoss id-dmir illi jagħmel sagrifiċċju u jagħmel sentejn, illi jgħid ser jagħmel sagrifiċċju għal Malta biex jara l-isptarijiet mimlija, biex jara li l-pazjenti jkunu moqdija bis-serjetà! Dan huwa importantissimu, fl-opinjoni tiegħi. (Interruzzjonijiet) Għaddi, għaddi rimarki, tibżax. Tibżax, iftaħlu, iftaħlu.
THE DEPUTY SPEAKER: Ma nistgħux nippermettu dan.
ONOR. GEORGE HYZLER: Le, le, kemm niċċaraw punt.
THE DEPUTY SPEAKER: Qed niċċaraw ħafna, però dan mhux il-Committee Stage, taf.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Jien mill-ewwel għamiltha ċara, Sur President, illi jekk kemm-il darba jridu jgħaddu rimarki ma tantx inħabbel rasi għal dak li huwa ...
THE DEPUTY SPEAKER: Hemm stadju ieħor mhux issa. Dr Saliba kompli.
ONOR. JOSEPH SALIBA: L-obbligu ta' l-Istat huwa li jħobb l-edukazzjoni bħalma qed tgħid inti, però huwa l-obbligu u d-dmir tiegħu illi jpatti għal dik l-edukazzjoni illi jagħtih l-Istat. Għax jekk missieri għamilni raġel, illum, jien m'għandix dmir lejn missieri? Naħseb li kulħadd jammetti li għandi dmir u dover lejn missieri li nirrispettah u nagħmel li nista' għalih. Kieku għadu ħaj, taf, għax ġol-qabar qiegħed, biex niftehmu. Imma jibqa' l-fatt illi jekk allura dan l-individwu ħa xi privileġġi minn Malta, mill-kaxxa ta' Malta, minn kull wieħed minna ħa dawn il-privileġġi, dan m'għandux iħoss id-dmir li għandu jagħmel sentejn jaħdem u ser jitħallas? Dan mhux qed ngħidulu: "Isma', inti ser taħdem u ma titħallasx". Imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar, jekk nikkomparawha din il-ħaġa, l-aħwa, jekk nikkomparawha mal-fatt illi mhux l-ewwel darba illi l-Gvern jagħti scholarships, jibgħat wieħed barra jistudja għal sentejn jew tliet snin, u jħallaslu l-Gvern, u l-Gvern ġeneralment jagħmillu kondizzjoni, fejn jgħidlu: "Inti għandek kondizzjoni illi kemm-il darba inti sejjer l-Ingilterra biex tistudja għat-tali u t-tali degree, meta tiġi trid tagħmel mill-inqas sentejn taħdem għalija".
ONOR. MEMBRU: Imma din m'għandhiex x'taqsam.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Le, le, hija kondizzjoni indiretta mhux m'għandhiex x'taqsam. Din qed inġibha bħala paragun. Hija kondizzjoni indiretta. (Interruzzjonijiet) Tant hija kondizzjoni tajba din, li jekk kemm-il darba ma ġġibx id-degree, erġa' rrifondi l-flus lejn il-Gvern. Issa aħna qed ngħidulu: "Mhux irridu dan kollu; kull ma rridu minn għandek", aħna qed ngħidulu, lil dan l-istudent, "illi meta inti sirt tabib..." (Interruzzjonijiet) Le, le, tabib sar, però m'għandux warrant. Le, skużi, tabib sar. Infatti, skont din ser joħorġulu l-warrant, ser joħorġulu liċenzja speċjali biex jaħdem ta' tabib. Qed ngħidu li sar tabib għax id-diploma ħadha. Iċ-ċertifikati ħadhom u libes ir-rożetta u ċ-ċerimonjal sar. Dak sar tabib, però ma jistax jaħdem barra qabel ma jkollu ftit prattika oħra. U fl-istess ħin l-iskop prinċipali mhux il-prattika biss, illi jagħti servizz lill-pubbliku għaliex dak għandna bżonn. Għandna bżonn nibdew naħsbu daqsxejn waħda lejn Malta in ġenerali. Mhux inkunu artifiċjali. Mhux naħsbu fl-arja biss.
U biex ma ntawwalx, għax naħseb li wasalna għad-9.00 p.m., irrid nagħmel appell għall-koperazzjoni min-naħa l-oħra tal-Kamra. Jien nieħu gost meta nisma' li ma għandniex bżonnha, nieħu pjaċir. Effettivament, fil-veru sens tal-kelma ma għandniex bżonnha għaliex aħna biżżejjed fin-numru fuq din in-naħa illi ma għandniex bżonn li jkollna koperazzjoni diretta. Però ħaġa li tidħak meta tisma' min-naħa ta' l-Oppożizzjoni fejn jgħidulek illi jridu jikkoperaw imbagħad tiġi biex tisma' l-kummenti.... Mhux kulħadd, ħalli niftehmu, għax hemm parti mill-Oppożizzjoni illi jafu jagħmlu kummenti b'ċerta prudenza, b'ċertu sens ta' responsabbiltà, illi jien napprezzahom, però jiddispjaċini ngħid illi hemm parti mill-Oppożizzjoni illi fil-kummenti tagħha mhijiex ħaġa oħra ħlief distruzzjoni, mhijiex dik il-koperazzjoni illi aħna qegħdin nistennew. Kieku kien hemm koperazzjoni bis-serjetà aħna rridu l-pariri tagħkom. Infatti mhux l-ewwel darba li jien kont hawn fis-Sala u kien hemm kummenti min-naħa ta' l-Oppożizzjoni u l-Gvern irranġa parti minn liġi biex ħadhom bħala tiegħu. Jiġifieri kien hemm koperazzjoni f'affarijiet li huma leċiti, f'affarijiet li huma dritti. Imma mhux l-ewwel darba li smajt kummenti li huma assolutament redikoli. Dik mhijiex koperazzjoni bis-serjetà. Kont nistenna li jkun hemm koperazzjoni bis-serjetà bħalma għamel anke llejla stess il-ħabib tiegħi Dr Hyzler - ma nafx, qed jismagħni fir-rokna hemmhekk. Il-bidu tad-diskors tiegħu ħadt pjaċir nisimgħu għaliex qal illi qed jaqbel f'dawn l-affarijiet kollha. Is-soltu... issa kważi, kważi, biex ngħid hekk, tgħallimtha bl-amment illi nibdew l-ewwel b'daqsxejn taż-żiżi, ftit, ftit, imbaħgad wara ż-żiżi jibdew ħerġin il-labar. U l-labar, ħalli niftehmu, mhux labar żgħar, splenguni kbar, waħda wara l-oħra. Allura fejn hija din il-koperazzjoni?! Fejn hija l-koperazzjoni?! (Interruzzjonijiet) Jekk irridu koperazzjoni...
THE DEPUTY SPEAKER: Dr Saliba, ejja għal-liġi, jekk jogħġbok.
ONOR. JOSEPH SALIBA: Jekk irridu koperazzjoni, koperazzjoni rriduha bis-serjetà u mhux koperazzjoni bil-fomm, minbarra l-ewwel biċċa, imbagħad f'daqqa waħda nibdew inweġġgħu jew inkella nagħmlu rimarki li nafu li l-Gvern ma jistax jaċċettahom għax huma kontra l-prinċipji sagrosanti tagħna. Qabel nagħlaq, Sur President, irrid nitlob lill-Oppożizzjoni, però qabel ma nitlob lill-Oppożizzjoni, nifraħ lill-Ministru ta' dan l-Att importanti ħafna għaliex bih...
THE DEPUTY SPEAKER: Sar il-ħin.
ONOR. JOSEPH SALIBA: .... ser inkunu nistgħu ... (Interruzzjonijiet) U le, m'hemmx għalfejn noqogħdu npaċpċu iżjed. Nifraħ lill-Ministru talli għamel dan li hu tant importanti għal Malta u fl-istess ħin nawgura lill-Oppożizzjoni li fl-speeches tagħha tkun iżjed kostruttiva bis-serjetà mingħajr labar. Grazzi, Mr Speaker.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 284 tal-Ħdax-il Leġislatura tal-15 ta' Novembru 2010
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Sur President, ftit tal-ġimgħat ilu tħabbret il-mewt tal-ex deputat ta’ din il-Kamra Joseph Saliba. Jien ma kellix ix-xorti li nkun naf ħafna lill-Onor. Saliba. Niftakru ftit għax kont dejjem nieħu interess fil-politika, anke dak iż-żmien, għax hu serva mill-1976 sal-1987, 11-il sena deputat f’dan il-Parlament.
Għandi quddiemi l-kopja tal-maiden speech tiegħu li kien sar proprju fil-bidu tar-raba’ leġislatura fl-1977. Nixtieq nifraħlek, Mr Speaker, li bdejna din it-tradizzjoni li meta jiġi nieqes xi ħadd li huwa deputat jew kien deputat ta’ din il-Kamra jiġi ppubblikat dan il-ktejjeb żgħir li fih ikun hemm kopja tal-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala deputat kif ukoll kopja tal-ewwel jew tal-aħħar diskors tiegħu. L-impressjoni li nieħu minn dan id-diskors hija li huwa bniedem skjett, bniedem li għalih l-abjad hu abjad u l-iswed huwa iswed, bniedem li kien viċin il-kostitwenza tiegħu, partikolarment tal-Kottonera. Fl-aħħar mill-aħħar dak hu li jagħmel deputat tajjeb, mhux li tkun ministru jew inkella li tkun b’xi kariga oħra importanti. L-iktar ħaġa importanti għalija, għall-inqas jien hekk naraha, hija li tkun deputat elett mill-poplu għax huwa l-poplu li jagħtik il-fiduċja u l-poplu ta l-fiduċja għal żmien twil lil Dr Saliba sabiex ikun membru ta’ din il-Kamra.
Dr Saliba kien ukoll attiv f’materji li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa. Hu stess kien anke lecturer fis-civil defence school u anke acting resident medical officer fl-Isptar San Luqa, li kien jgħinu ħafna wkoll fix-xogħol tiegħu tal-Parlament għax kien viċin ħafna tan-nies. Tant hu veru li kien jipparteċipa f’affarijiet mhux biss politiċi imma anke affarijiet li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-Birgu u mal-każin tal-banda ta’ hemmhekk.
Jien qed nieħu gost li hawn membri tal-familja tiegħu llum preżenti hawnhekk. Nispjegaw li m’għamilniex mal-ewwel din il-kommemorazzjoni għax fil-House Business Committee ħadna d-deċiżjoni li nibdew din it-tradizzjoni li nippubblikaw malajr dan il-ktejjeb li jiġi ċċirkolat bħala tifkira tiegħu. Allura nixtieq li, kif is-soltu jsir f’dawn il-każijiet, tagħti struzzjonijiet lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex tibgħat il-kondoljanzi lill-membri tal-familja tiegħu wkoll. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Insejjaħ issa lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Grazzi, Sur President. Naħseb li kull min kien preżenti għall-funeral tat-Tabib Saliba seta’ jinduna kemm il-ħajja tiegħu kienet mifruxa mhux biss fil-politika, fejn ir-rispett kien ċar ħafna mill-kostitwenti tiegħu kif ukoll mill-kollegi tiegħu, imma wkoll fil-ħajja komunitarja tiegħu, speċjalment fil-qasam tas-saħħa kif ukoll fil-qasam tal-għaqdiet mhux governattivi. Ir-rwol li kellu għal diversi snin f’St John’s Ambulance u f’għaqdiet oħra juri kemm fil-fatt kien membru attiv u li l-politika mhux talli ma kenitx ixxekklu talli kienet tgħinu.
Jien ma kellix ix-xorti li niltaqa’ aktar minn darbtejn miegħu imma minn dak li qaluli nies li kienu jafuh fil-verità kien jaf imur lil hinn mill-barrieri politiċi minkejja li, kif irrimarka l-Viċi Prim Ministru, l-kopja tal-ewwel diskors tiegħu li għandna llum kienet seduta pjuttost imqanqla, karatterizzata minn cross-debate li fil-verità tqanqal ftit tbissima mhux ħażin għall-mod naħseb ġenwin ta’ kif kien isir allavolja mqanqal.
It-Tabib Saliba kien meqjus bħala wieħed mill-kolonni tal-komunità tal-Birgu, speċjalment tal-parroċċa tan-naħa ta’ San Duminku, fejn mhux biss kien attivissimu fil-każin tal-banda imma kien ukoll benefattur kbir, benefattur enormi tal-komunità Dumnikana tal-Birgu. Kien ukoll attivissimu fil-qasam artistiku fejn kien artist free. Il-Partit Laburista għandu x-xorti li kellu fi ħdanu lil dan il-membru li anke tah għadd ta’ donazzjonijiet u għadd ta’ xogħlijiet tal-arti li fost oħrajn kienu fl-ex-kwartieri ġenerali tagħna fil-Maċina.
Naħseb li waħda mill-aktar affarijiet li tolqotni fit-Tabib Saliba hija l-oriġini umli tiegħu. Fil-fatt fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament jagħmel riferenza għall-oriġini tiegħu u hawnhekk nikkwota:
“Missieri ma kienx ħaġa oħra ħlief driller id-Drydocks, id-Dockyard, illum mejjet. Dan bata kwantità biex wassalni fil-pożizzjoni li qiegħed fiha llum, mhux bata biss finanzjarjament għax fi żmieni kemm l-iskola sekondarja, jiġifieri l-Liċeo kif ukoll l-università kienu bi ħlas. Però barra minn dan, Sur President, kien hemm il-fatt li minħabba raġunijiet finanzjarji li ma setax iwassal li jħallasli dawn l-iskejjel kien ikollu jmur ukoll jumilja ruħu u jmur il-qorti u jagħmel affidavit tal-kondizzjoni finanzjarja tiegħu biex jien kont inħallas parti mill-miżata li kienet titħallas ġewwa l-università kif ukoll il-Liċeo.”.
Naħseb li l-kisbiet li għamel f’ħajtu jagħmlu ġieħ lill-ġenituri tiegħu, jagħmlu ġieħ ngħid jien lill-klassi tal-ħaddiema. Ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru biex nagħtu l-kondoljanzi formalment lill-familja tiegħu li l-membri tagħha jinsabu hawnhekk. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER (Onor, Michael Frendo): Grazzi ħafna. Is-Sedja wkoll tingħaqad mad-diskorsi li saru mill-Viċi Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Nixtieq ukoll nagħmel riferenza għat-tradizzjoni li bdejna li l-Parlament joħroġ dan il-ktejjeb biex nuru r-ringrazzjament tagħna.
Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil Dr Joseph Saliba, li m’għadux magħna, allura lill-membri tal-familja tiegħu għas-sagrifiċċji li kull membru parlamentari jagħmel biex iservi lil pajjiżu. Ħafna drabi dawk is-sagrifiċċji jagħmluhom anke l-familjari tiegħu, li nieħdu gost li laqgħu l-istedina tagħna biex ikunu hawnhekk ukoll.
Naturalment filwaqt li ningħaqad ma’ dawn is-sentimenti nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex formalment tgħaddi l-kondoljanzi ta’ din il-Kamra lill-familjari ta’ Dr Joseph Saliba li serva f’din il-Kamra mhux biss bħala deputat imma wkoll bħala Viċi President tal-kumitati ta’ din il-Kamra bejn l-1982 u l-1987. Allura kellu wkoll l-okkażjoni li mhux biss jagħmel id-diskorsi tiegħu imma, bħalma tagħmel is-Sedja wkoll, jisma’ ħafna mid-diskorsi li jsiru minn ħaddieħor. U ta’ dan ukoll naħseb li għandna nagħtu r-ringrazzjament tagħna. (Onor. Membri: Hear, hear)
Ġie elett: | 04.10.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ġie elett: | 09.01.1982 |
Ġurament tal-Ħatra: | 15.02.1982 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |