Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Marcell Mizzi

Marcell Mizzi  

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

TIFKIRA TA’  MARCELL MIZZI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

15 ta’ Marzu 1922 – 4 ta’ Frar 2013

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn is-7 ta’ Marzu 1955 u t-23 ta’ April 1958
u bejn is-27 ta’ Lulju 1963 u l-15 ta’ Frar 1966

Marcell Mizzi

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ MARCELL MIZZI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 5 TAL-5 TA’ APRIL 1955 ASSEMBLEA LEĠIŻLATTIVA

 

ONOR. MR. M. MIZZI: Nissekonda l-mozzjoni tal-Onor. DeCesare u ngħid li m’iniex beħsiebni nikkritika lill-Oppożizzjoni għaliex id-dmir ta’ din in-naħa tal-Gvern huwa li jagħmel dak li l-Oppożizzjoni meta kienet fil-gvern ma rnexxilhiex tagħmel u barra minn dan jidhirli li aħjar inżommu mal-Latini li jgħidu de mortuis nil nisi bonum.

L-Onor. Dr DeCesare semma s-Civil Service u qal illi dak l-ispirtu ta’ għażż li kien hemm f’ħafna impjegati li ma riedu jagħmlu xejn qiegħed bil-mod il-mod jitbiddel. Dan l-aħħar kelli ftit ta’ l-esperjenza fis-Civil Service għax mort f’diversi uffiċini. Jiġu jgħiduli minn Għawdex “ara, din il-kwistjoni waqgħet fil-bir tas-skieken” u nsib li waqgħet f’file li jgħadduha min-naħa għall-oħra ta’ l-uffiċju u mbagħad jibagħtuha f’uffiċċju ieħor u l-kwestjoni ma tinqata’ qatt. Jidhirli li dawk il-ħafna files li hemm fid-Dipartimenti għandhom mill-aktar fis jiġu quddiem il-Ministri jew quddiem min hu responsabbli u jiġu deċiżi.

L-Onor. Dr DeCesare semma li mar wieħed fuqu u offrielu somma flus biex isiblu post. Lili wkoll ġratli din l-esperjenza għax ġew fuqi xi erbgħa. Wieħed qalli li joffrili £20 jekk indaħħlu f’post li hu ta’ labourer, u l-oħrajn ġew offrewli tant fil-ġimgħa biex indaħħalhom mal-Gvern f’impieg żgħir bħal hospital attendant.

Dawn l-abbużi jista’ jkun li kienu jsiru u jista’ jkun li ma kenux imma kienu jgħidu li jeżistu. In-National Employment Board li l-Gvern tagħna għamel sejjer jaqtagħhom żgur. Irrid ngħid fuq dan il-Bord li aħna d-Deputati Għawdxin kellna xi lmenti minħabba li fuqu m’hemmx rappreżentant ta’ Għawdex. Nitlob lill-Ministru tal-Emigrazzjoni u Xogħol biex mal-ewwel okkażjoni li jkollu, jekk jista’ jkun, idaħħal rappreżentant ta’ Għawdex biex ikun jista’ jifhem il-problemi ta’ Għawdex.

Kellna wkoll xi tgemgim li r-reġistrazzjoni għax-xogħol ma kenitx timxi b’dik il-ħeffa li kien hemm bżonn u kien ikun hemm queue kbir ta’ nies u xi wħud imorru jistennew mit-3.00 a.m. Jien tlabt lill-Ministru ta’ l-Emigrazzjoni biex iżid in-numru ta’ l-iskrivani biex ir-reġistrazzjoni ssir aktar bil-ħeffa għax qiegħda tagħti l-lok lil dawk tal-partit kontra tagħna li jinku lin-nies tagħna bl-opra tal-Gvern tagħna.

Dan l-aħħar minn skrivan wieħed li kien jirreġistra n-nies saru ħamsa u jekk hemm bżonn, dan in-numru ta’ l-iskrivani għandu jiżdied għax kulħadd jaf li kultant f’xi uffiċini jkun hemm skrivani li ma jkollhomx x’jagħmlu.

Hi x-xewqa ta’ kulħadd li jkun hawn Administration Building li jiġbor dawk l-uffiċini sparpaljati mal-Belt u għandu jkun hemm ieħor ġo Għawdex. Din il-ħaġa mhux biss tkabbar l-effiċjenza ta’ l-amministrazzjoni u tirriżulta f’ekonomija għax jonqsu ħafna impjegati bħal caretakers u messaġġiera imma tkun ta’ ekonomija għax ħafna postijiet li huma mikrijin b’kera għoli ħafna jiġu ritornati lis-sidien u hekk il-Gvern ikun jaqbillu.

Il-Gvern tagħna beħsiebu jkompli d-drive ta’ l-emigrazzjoni li ilha sejra minn mindu ħadna f’idejna l-Gvern Responsabbli, u nixtiequ li ssir spinta kbira biex l-emigranti tagħna jmorru lejn l-Awstralja u l-Kanada u, aktar ‘il quddiem, b’numru ikbar lejn l-Istati Uniti u jkunu jafu s-snajja’ u, jekk jista’ jkun, ikunu armati moralment ħalli jkunu kapaċi jiddefendu ruħhom mill-perikli li jiltaqgħu magħhom. Huwa fatt li ħafna emigranti tagħna, speċjalment fl-Ingilterra, m’huma jagħmlu xejn unur lill-isem ta’ Malta, u nixtieq li dawk id-diskorsi u malafami li kultant il-gazzetti Ingliżi jagħtuna meta tiġri xi ħaġa li fiha jkun imdaħħal xi Malti jinqatgħu darba għal dejjem billi ma jitħallewx isiefru nies li l-kondotta tagħhom turi li mhux sejrin jirnexxu.

Nitlob ukoll lill-Gvern tagħna jieħu passi biex jara jirranġax mal-Gvern Amerikan biex tiġi riveduta l-MacCarran-Walter Act li biha lilna l-Maltin ħallewlna biss 100 emigrant fis-sena. Kif jaf il-President u l-Membri tal-Kamra, qiegħed isir ħafna tgergir fuq din il-liġi speċjalment mill-Italja. Dan l-aħħar qrajt artiklu fiċ-“Civiltà Cattolica” li jgħid li fl-Amerika hemm ħafna ilmenti kontra din il-liġi u jeħduha kontra tagħha għax jgħidu li hija anti-American in spirit. Nixtieq allura illi l-Gvern tagħna – speċjalment il-Ministru ta’ l-Emigrazzjoni – jieħu passi biex flimkien ma’ dawk il-pajjiżi illi ġew maħqurin minn din il-liġi, jipprotesta u jitlob lill-Kungress Amerikan biex jirrevedu din il-liġi u jġibuha aktar favur Malta.

L-edukazzjoni fid-Diskors mit-Tron ġiet imsemmija u l-Gvern tagħna wiegħed illi jsir programm ta’ edukazzjoni aktar bis-serjetà u beda biex qal illi wara l-Għid it-tfal kollha ta’ l-iskejjel elementari, minn standard one sa five sejrin jiġu mogħtija edukazzjoni l-ġurnata kollha u l-ġimgħa kollha.

Jaf kulħadd illi ħafna tfal tagħna kienu joħorġu mill-iskejjel taparsi istruwiti u mhux rari illi kont issib tfal illi jkunu ħarġu mill-fifth standard u lanqas kienu jkunu jafu jiktbu ittra bil-Malti, aħseb u ara bl-Ingliż.

Hemm ħafna xi tgħid fuq l-edukazzjoni però nixtieq ngħid qabel xejn illi hemm bżonn illi l-Bord ta’ l-Edukazzjoni jerġa’ jieħu l-ħajja biex dak il-Bord ma jkunx biss lista ta’ ismijiet għalxejn imma jkun Bord illi jiffunzjona tajjeb, biex jagħti pariri tajba u l-edukazzjoni imexxiha ’l quddiem.

Hemm il-Books Selection Board. Dan il-Bord hu nkarigat biex jikteb it-textbooks. Dan il-Bord nixtieq illi jkun fdat f’idejn l-uffiċċju li jieħu ħsieb il-kotba kollha, mill-kotba ta’ l-iskejjel primarji sa dawk ta’ l-iskejjel sekondarji. Ħafna drabi sar tgemgim fuq il-kwalità ta’ kotba illi qed jintużaw fl-iskejjel sekondarji, speċjalment fl-ewwel tliet snin. Qed jintużaw textbooks illi aktar ikunu tajbin għall-iskejjel Ingliżi, għal dawk it-tfal illi l-lingwa materna tagħhom hija l-Ingliż milli għat-tfal tagħna illi l-Ingliż għalihom hu t-tieni lingwa u ma jkunux jafu l-lingwa biżżejjed biex ikunu jistgħu jistudjaw dawn it-textbooks.

Għalhekk ngħid illi t-textbooks għandhom jiġu riveduti u ma jagħtux lit-tfal textbooks illi fuqhom it-teacher ikollu jaħli ħafna żmien jissupplimenta n-nuqqasijiet u jikkoreġi d-difetti tagħhom.

Il-Gvern ta’ qabel kien beda jaħseb għall-bini ta’ l-iskola teknika ġewwa Għawdex illi ilna ħafna nħossu l-bżonn tagħha. Dan ix-xogħol fl-estimi diġà kien hemm flus għalih u għalhekk nixtieq illi x-xogħol jitlesta mill-aktar fis. It-tfal tagħna jafu illi aktar hemm kamp għalihom fil-postijiet tekniċi milli fil-postijiet bħalma huma dawk ta’ skrivani, teachers u postijiet oħra illi jgħidulhom “white collar jobs”. Għalhekk hemm bżonn illi x-xogħol tat-technical school jinbeda u jispiċċa mill-iktar fis.

Imbagħad skejjel tajbin m’hemmx ħlief in-Nadur u Kerċem. Fl-irħula l-oħra l-iskejjel mhumiex komdi biżżejjed u ma nbnewx għal dak l-iskop illi jservu ta’ skola u ħafna drabi mhumiex kbar biżżejjed u lanqas diċenti biex iservu għal dan. Semmejt fl-interpellanza fuq l-iskola tax-Xewkija illi fuq 600 tifel u tifla qegħdin imqassmin f’sitt postijiet differenti u tista’ taħseb kemm il-head teacher jista’ jagħmel sorveljanza fuq dawk l-iskejjel u kemm il-caretaker għandha xogħol tieħu karti u linka u x’naf jien.

Imbagħad hemm ħafna skejjel fejn m’hemmx playground u t-tfal ikollhom joħorġu jilagħbu barra għall-periklu tat-traffiku.

Dawn huma ftit mill-affarijiet illi l-Gvern tagħna semma fid-Diskors mit-Tron u li l-Gvern tagħna beħsiebu jieħu bis-serjetà u jagħmel. Għalhekk bl-unur kollu ngħid illi nissekonda l-mozzjoni ta’ l-Onor. Dr DeCesare x’ħin irringrazzja lill-E.T. il-Gvernatur fuq id-Diskors mit-Tron. (Hon. Members: Hear, hear).

Kondoljanzi (15 Mar 1922 - 4 Fra 2013)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 4 tat-Tnax-il Leġislatura tat-Tlieta d-9 ta' April 2013

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tfakkar il-mewt tal-ex-membru parlamentari s-Sur Marcel Mizzi li ġrat it-Tnejn, 4 ta’ Frar 2013. Għalhekk nistieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin sabiex jagħmel kelmtejn ta’ tifkira.

ONOR. GEORGE VELLA (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, għal dawk li huma membri ġodda rrid ngħid li hija drawwa sabiħa ta’ dan il-Parlament li meta jiġi nieqes xi ħadd, kemm jekk ikun qarib tagħna kif ukoll jekk ikunu ex-membri parlamentari, insellmu l-memorja tagħhom. Irrid ngħid ukoll li kienet deċiżjoni għaqlija tal-predeċessur tiegħek, Mr Speaker, li meta jkun membru parlamentari nibdew nippubblikaw l-ewwel diskors tiegħu. Illum qed infakkru l-memorja tas-Sur Marcel Mizzi, bniedem li snin twal ilu kien f’dan il-Parlament. Dan kien qiegħed hawnhekk bħala membru tal-Assemblea Leġiżlattiva tal-1955 bħala membru tal-Partit Laburista, imbagħad irriżenja minħabba li kellu problemi minħabba l-integration u eventwalment ħareġ mal-Partit Nazzjonalista. Fl-1963 imbagħad tela’ wara elezzjoni każwali, wara li kien miet l-Ispiżjar George Galea. Però, apparti dan, meta aħna nħarsu lejn l-ewwel diskors li għamel dan l-ex-kollega tagħna naraw x’kienu l-problemi ta’ dak iż-żmien. Pereżempju, kien hemm problemi fiċ-Ċivil, kien hemm il-korruzzjoni, nuqqas ta’ rappreżentanza fuq Għawdex, il-qgħad li kien jeżisti u problemi ta’ emigrazzjoni. Dan kollu joħroġ mid-diskors li għamel dan l-ex-membru parlamentari. Jien lil dan il-bniedem ma kontx nafu. Kien prokuratur legali, kien magħruf anke bħala poeta u kien anke bniedem li kien magħruf li kellu għerf u knowledge tajjeb ħafna kemm tal-liġi kriminali kif ukoll tal-liġi ċivili. Ovvjament il-kollegi tagħna Għawdxin jafuh ħafna aktar milli nafu jien, però li qegħdin nagħmlu huwa li qegħdin infakkru bniedem li kien ta l-kontribut tiegħu f’din il-Kamra. Jien naħseb li rridu nkabbru anke l-kultura fejn il-membri parlamentari tagħna u l-iSpeakers tagħna jiġu kommemorati, għax wara kollox, kif dejjem ngħidu u nemmnu, aħna lkoll qegħdin hawnhekk biex nagħtu l-aħjar li nistgħu u nagħmlu l-almu tagħna biex lil dan il-pajjiż nippruvaw inħalluh aħjar milli sibnieh. Għalhekk nieħu l-okkażjoni biex minn hawnhekk, f’isem in-naħa tagħna u f’isem din il-Kamra nwassal il-kondoljanzi tagħna lill-mara tiegħu u lill-familja tiegħu.

MR SPEAKER: Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. LAWRENCE GONZI (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien ukoll ningħaqad mas-sentimenti li għadu kemm esprima l-Ministru Vella dwar persuna li, irrid nammetti, m’iniex familjari magħha. Qaluli li Marcel Mizzi huwa wieħed mill-ex-deputati li l-iktar kellu età minn dawk li għadhom ħajjin f’pajjiżna. Kif qal tajjeb il-Ministru Vella, din hi drawwa sabiħa ta’ din il-Kamra li ssellem lil min f’perjodu ta’ ħajtu jkun iddedika parti mill-istess ħajtu għas-servizz lejn il-pajjiż. Il-Parlament tagħna, fid-diskors tagħna fil-kuntest demokratiku, huwa meqjus u niddeskrivuh bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u hekk hu, għax jiġbor fih persuni magħżulin mill-poplu tagħna biex ikunu l-vuċi u r-rappreżentanti tiegħu. Allura min iservi fih jew min serva f’dan il-Parlament, kemm il-Parlament li twaqqaf wara l-Indipendenza ta’ Malta fl-1964 kif ukoll fl-esperjenzi demokratiċi parlamentari li l-poplu tagħna għex qabel l-indipendenza, kull min f’xi ħin jew f’perjodu ta’ ħajtu ta kontribut lejn pajjiżna, jixraqlu tislima f’din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa tajjeb li dan li qed ngħidu jiġi reġistrat fl-annali ta’ din l-istituzzjoni bħala rikonoxximent tal-istituzzjoni għall-kontribut li persuna tat għall-mixja kostituzzjonali, politika, ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna. Fil-każ ta’ Marcel Mizzi hemm dimensjoni oħra magħha għax Marcel Mizzi kellu esperjenza politika differenti minn ħafna minna. L-aspetti kollha tal-kontribut politiku tiegħu kienu f’Għawdex u jekk wieħed jara l-istorja marbuta mal-esperjenza ta’ Marcel Mizzi jsib li hu għex l-esperjenza tal-gżira Għawdxija fl-aspetti differenti tagħha. Irrid insellimlu, f’dan il-mument meta l-pajjiż tilef lil dan il-personaġġ, bħala persuna minn dawk li ra f’Għawdex mill-bidu nett il-potenzjal, il-pożittiv, il-fatt li Għawdex jixraqlu d-dinjità tiegħu u li għex perjodu minn ħajtu fil-politika preċiżament biex jara li dak iseħħ.

Is-Sur Mizzi kien beda l-karriera politika tiegħu fil-Partit Laburista, imbagħad eventwalment għażel il-politika tal-Partit Nazzjonalista u, minn dak li sirt naf jien, jidher li l-għażla tiegħu kienet mibnija fuq l-Indipendenza ta’ pajjiżna, imbagħad għaraf ukoll il-qabża li kienet ġrat fil-gżira Għawdxija għax qabel l-Indipendenza l-gżira Għawdxija kienet ikkunsidrata bħala dipendenza ta’ Malta, mentri bl-Indipendenza l-gżira Għawdxija ħadet l-istatura tal-gżejjer Għawdxin. Jidher li, għal Marcel Mizzi, din kienet għal qalbu. Tant hu hekk li jidher li anke fil-kitba tiegħu – għax hu magħruf mhux biss bħala politiku imma bħala awtur u poeta – dan l-aspett ħarġu kemm-il darba. Allura din it-tislima tixraqlu tassew.

Kif għedt, is-Sur Marcel Mizzi kien rikonoxxut ukoll bħala awtur u poeta u l-kontribut tiegħu għal-letteratura u għall-kultura f’pajjiżna għandha tiġi rikonoxxuta wkoll. Jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn malajr lejn il-ktejjeb li tqassmilna u li jinkludi l-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament – ma qrajtux kollu għax tqassam issa – jinduna mill-ewwel li d-delizzju tiegħu kienet preċiżament il-letteratura. F’dak il-każ kien qed jitkellem fuq tagħlim u edukazzjoni tat-tfal u l-importanza tal-edukazzjoni fil-gżira Għawdxija fejn kien qed jgħid li dak iż-żmien kulma kien hemm kienu żewġ skejjel, fin-Nadur u f’Kerċem. Fi kliem ieħor, dan kien personaġġ li ta sehem f’pajjiżna, jixraqlu t-tislima tagħna lkoll u hekk qegħdin nagħmlu lkoll flimkien. Jiena, f’isem din in-naħa tal-Kamra, nibgħat il-kondoljanzi tiegħi lill-familjari tiegħu u nsellem lil dan il-personaġġ kif jixraqlu. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra fis-sentimenti espressi u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Marcel Mizzi.

 

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 27.07.1963
Ġurament tal-Ħatra: 27.07.1963
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966