Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr Joseph Micallef Stafrace

Joseph Micallef Stafrace  

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

TIFKIRA TA’ JOSEPH MICALLEF STAFRACE
FIL KAMRA TAD DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA


25 TA’ MEJJU 1933  -  29 TA’ JANNAR 2021

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn
l-4 ta’ April 1962 u t-13 ta’ Awwissu 1976

Joseph Micallef Stafrace

Ġurament ta' Lealta

L-EWWEL DISKORS TA’
JOSEPH MICALLEF STAFRACE
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA


ESTRATT MIS SEDUTA NUMRU 23 TAL-20 TA’ OTTUBRU 1962

L-EWWEL SESSJONI
L-EWWEL LIĠIŻLATURA

ESTIMI ĠENERALI 1962/63

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Xtaqt li nagħmel ftit osservazzjonijiet rigward din il-mozzjoni li għandna quddiemna. Nibda biex ngħid li jekk fiż-żminijiet normali konna ngħidu illi l-biedja hija ta’ ġid u importanza kbira u konna ngħidu li hija ta’ importanza għaliex tħaddem xi tmint elef ruħ full-time farmers u barra minn dawn, hemm ukoll dawk li jaħdmu mal-Gvern u mas-Servizzi u li wara xogħolhom imorru jagħmlu part-time job fil-farming, illum din l-importanza tikber immens u biex taċċerta ruħek minn dak li qed ngħid, biżżejjed wieħed iħares lejn il-budget minn fejn jirriżulta li dan is-settur waħdu jirrappreżenta 28% tad-domestic exports. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, il-biedja, flimkien mas-sajd, għandhom jieħdu l-importanza kollha, partikolarment għaliex ħafna drabi nisimgħu bin-neċessità li għandu jkun hawn industrji ġodda biex joffru alternative employment minħabba r-run down fis-Servizzi u jiġri li ħafna drabi ninsew il-biedja li hija antika daqskemm Malta ilha bil-ħamrija u s-sajd li huwa wkoll antik daqs il-baħar li jdawwar Malta.

L-ewwel suġġeriment li nixtieq nagħmel lill-Gvern hu illi jara fost dawk il-ħaddiema tan-Naval Base u tas-Servizzi li ser jieħdu s-sensja kemm minnhom huma part-time farmers, għaliex jiena li niffrekwenta ż-Żejtun fejn għandi uffiċċju naf ħafna nies li jaħdmu t-Tarzna u fl-istess ħin huma part-time farmers u għalhekk il-Gvern għandu bżonn jieħu statistika ta’ dawn in-nies li jaħdmu fin-Naval Base u mas-Servizzi u jara jsibx mezz li b’inċentiv adegwat lil dawn in-nies, meta jasal il-mument għas-sensja tagħhom, jibgħathom lura lejn ir-raba’, jekk jista’ jkun. Dawn huma nies li qabel daħlu jaħdmu fin-Naval Base kienu farmers bir-raba’ tagħhom.

ONOR. DR A. PARIS: Kien is-Sur Cole li għamel dan.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Mr Chairman, jiena ma interrompejt lil ħadd u nispera li ma jinterrompini ħadd. Rigward is-Sur Cole nista’ ngħid li hemm ħafna eloġji li wieħed jista’ jagħmel. Jiena nħoss li l-Gvern, lil dawn in-nies, mhux jaqbad meta jasal il-mument jgħidilhom hemm is-Sliema Regional Road li għalija huwa l-akbar eżempju ta’ ħela, imma għandu jkun hemm l-inċentiv neċessarju biex, kemm jista’ jkun, dawn in-nies li huma part-time farmers meta jispiċċaw minn mas-Services, imorru lura fir-raba’ fejn jista’ jkollhom full-time occupation.

Issemma s-Sur Cole. Kienet sfortuna għall-Partit Laburista li tilef is-servizzi tiegħu, għaliex kien bniedem li dam tliet snin f’dan il-ministeru. Kulħadd jaf kif kien jidħol f’dawn l-affarijiet, f’kull branka kif kien jidħol fiha. Nafu pereżempju li l-mekkanizzazzjoni tar-raba’ bdiha hu u ħadha bis-serjetà. Niftakru li kien hu bil-ħila u bix-xogħol tiegħu li kienu ġew kumpensati l-bdiewa ta’ Burmarrad. Dawn u ħafna xogħlijiet oħra saru fi żmien is-Sur Cole.

Rigward l-afforestation li ssemmiet illum, kien il-Labour Party meta kien fil-Gvern li beda hawn Malta l-afforestation scheme fuq bażi serja bil-proġett tal-Miżieb li jaf bih kulħadd. L-eluf ta’ siġar li tħawlu hemmhekk ma tħawlux f’post fejn kien hemm it-trab u ġebel, imma tħawlu f’post fejn hemm blat biss, biex dawn barra milli jservu biex isebbħu Malta, prinċipalment l-iskop kien - u dan niħduh mill-Budget speech ta’ dak iż-żmien - biex l-ilma jkun jista’ jipperkola u ma jibqax iżjed jitlaq jiġri lejn il-baħar. Jiena nħoss li qiegħed nipprova nkun kostruttiv mill-aħjar li naf u ma nixtieq nattakka personalment lil ħadd, għaliex fuq kulħadd wieħed jista’ jsib xi ħaġa xi jgħid.

Anke f’dan il-ħin, jiena nħoss li jkun aħjar li n-nies li jispiċċaw minn mas-Services jintefgħu biex ikomplu jipproduċu affarijiet meħtieġa u nirripeti mhux ir-Regional Road li donnu kienet tant neċessarja għal ċerti individwi biss!

Jiena nħoss li l-provvedimenti li hawn fil-Budget huma xi ftit miżeri meta wieħed jikkonsidra ċ-ċirkostanzi. Pereżempju fil-paġna 195 tal-estimi, tara ċerti voti miżeri bħal incentive grants £6,000. Grants għall-farmers - £10,000; afforestation - £15,000…

ONOR. DR C. CARUANA: Aqra paġna 184 taħt Fisheries.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Meta għandna Budget ta’ għoxrin miljun lira – u kien hawn kemm kien hawn flus fi żmien l-integration qatt ma kien hawn Budget ta’ għoxrin miljun – u meta nafu l-importanza ġdida li ħadu l-biedja u s-sajd fl-ekonomija futura ta’ Malta, inħoss li l-Ministru kellu jiġġieled fil-Cabinet biex ikollu a bigger slice mill-Budget. Jiena nħoss li l-Gvern imissu ppompja aktar flus sew fil-biedja u sew fis-sajd.

Issemmiet il-kwistjoni tal-majjali. Jiena kelli ċans inżur diversi rziezet iż-Żejtun meta kien hemm il-kwistjoni tal-majjal fl-aqwa tal-kriżi tagħha. Ftit ilu l-Ministru ħa ċerta attitudni f’din il-Kamra li ma naraha kostruttiva xejn. Ftit ilu l-Ministru qalilna: “Il-bdiewa dawk li jrabbu – kelma Maltija m’għandniex eżatta – batew meta l-majjal ma kienx qed iġibilhom prezz tajjeb”. “Issa”, qalilna l-Ministru “li l-prezz beda jogħla” ma jridx jisma’ tgergir li dawn qed iġibu prezzijiet tajba. Qabel ma tkellimt, erġajt rajt id-debates u deherli li l-Ministru qed jieħu attitudini li qed jaħsel idejh minn banda u mill-oħra. Meta l-prezz kien baxx ħafna għal min irabbi, qal li mhux tort tiegħu. Illum li hemm il-prospetti li l-prezz tal-majjal jogħla u forsi jkun hemm ʾil quddiem tgergir min-naħa tal-konsumatur, il-Ministru qalilna: “Jiena nżomm quddiem għajnejja li l-istess bdiewa ftit ilu batew”. Jiena nħoss li l-Ministru għandu mhux ikun onlooker f’dawn l-affarijiet imma għandu, kemm jista’ jkun, jara li la jbati l-bidwi u lanqas il-konsumatur.

ONOR. DR C. CARUANA: Timxi fuq ix-xifer ta’ sikkina, l-Onor. Mr Soler jaf il-parti tiegħu fuq il-kwistjoni tal-bacon.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Naf li f’dak għamilt il-parti tiegħek u ħaqqek prosit. L-ewwelnett donnu l-Ministru kien ċert wisq li l-konsumatur gawda ħafna fil-kriżi tal-majjal li kien hawn. Jiena ngħidlu li gawda xi ħadd li qiegħed bejn min irabbi u l-konsumatur imma mhux il-konsumatur, għax il-majjal xorta baqa’ jinxtara bit-sitt xelini u bis-sitt xelini u nofs ir-ratal nonostante l-mieta li ġiet iffissata. Jiena nħoss li l-Ministru, fil-kwistjoni tal-majjal li sejjer jogħla, forsi għandu xi mertu imma mhux daqs kemm jaħseb. L-ewwelnett għax il-fabbrika tal-bacon has gathered momentum u dak li qed tieħu issa mingħand il-breeders mhux l-istess bħal dak li kienet qed tieħu tliet xhur ilu u anki hemm l-effett li semmejt f’interpellanza li fl-ekonomija ta’ din l-industrija jissejjaħ the pig cycle. Meta min irabbi l-majjal ra li qed jitlef, jekk kellu flus il-bank kellu joħroġhom biex ma jiddejjinx u min ma kellux kellu jara kif jagħmel biex ma jiddejjinx ma’ tal-ġwies. Issa allura meta għandek il-fatt li s-supply naqset, u l-fabbrika tal-bacon qed titlob aktar pigs u d-domanda min-naħa tal-konsumaturi hija constant, skont ir-regola tas-supply and demand il-pożizzjoni tal-pig-breeders ameljorat.

Issa nixtieq ngħid xi ħaġa fuq it-tqassim tal-ilma li kien hawn. Nippremetti – għax jiena dak li hu abjad ngħidlu abjad u dak li hu iswed ngħidlu iswed anqas jekk ikolli nkisser rasi mal-ħajt – il-Ministru għandu mertu li sab ilma xi jqassam lill-bdiewa. Anki kieku dan sar għal sena waħda u anke jekk ħaduh kif ħaduh, dejjem għandu mertu, imma niskanta kif bniedem tal-esperjenza bħall-Onor. Dr Caruana ħalla l-lima jitqassam bit-tgerfix kif tqassam. Ma kinitx ħaġa serja li biex tieħu l-ilma kont trid tmur jew għand Kumitat Nazzjonalista, jew għand kappillan, jew għand deputat Nazzjonalista, jew għand xi Agricultural Officer, jew xi uffiċjal tal-biedja, jew għand Ministru, jew forsi ssib deputat Laburista u tara kif iqabdek, jew inkella, meta jkunu qed iqassmu bil-bowser fit-triq, lil dak li jkun qed iqassam tgħidlu: “Meta sejjer iġġibli l-ilma, hi?” Din mhix serjetà. Inħoss li t-tqassim tal-ilma kellu jkun strettament u unikament f’idejn id-Dipartiment tal-Biedja. Din mhux xi ħaġa diffiċli. Din ħaġa li fi żmien tmint ijiem l-Agricultural Officers u uffiċjali oħra tad-dipartiment kienu jeħilsuha jekk iduru l-għasses tal-pulizija u jieħdu l-ismijiet. Hawnhekk saret interpellanza anki mill-Onor. Dr Muscat, li bħal issa qiegħed Lagos, rigward xi flus li tħallsu fil-każ ta’ xi bdiewa biex jieħdu l-ilma; (Interruzzjonijiet) biex ixaħħmu. Jiena wkoll għamilt interpellanza u staqsejt, biex inpoġġiha pulit, jekk kienx permess li jirċievu tips.

ONOR. DR C. CARUANA: Tajtek risposta.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: L-Onor. Ministru qalilna li dan kien asssolutament ipprojbit u li jekk nafu lil xi ħadd ngħidulu. Lill-Onor. Ministru jiena nikkumpatih li wieġeb hekk għar-raġuni li t-tqassim tal-ilma kien bla kontroll u bit-tgerfix. Hu eżattament ma jafx x’sar, u forsi aħna nafu aktar minnu, però hu jifhimni u jemmini f’dan li ser ngħid. Ġew fuqna nies li qalulna li kellhom jagħtu xi ħaġa biex ġabilhom l-ilma u lilna ma tawniex il-permess li niżvelaw isimhom. U din hija ħaġa naturali, għaliex kieku tawni l-permess li niżvela isimhom jiena kont ngħidilhom li jridu jagħmlu affidavit, imma dawn in-nies ma ridux jaslu sa hawn. Biss, Mr Chairman, jiena ngħid illi l-fatt li t-tqassim sar bit-tgerfix lil dawn in-nies iġegħilna noqogħdu fuqhom. Kieku t-tqassim tal-ilma flok sar bit-tgerfix sar b’ċerta dixxiplina, u kieku dan it-tqassim kien esklussivament f’idejn l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Biedja kieku jiena bħala premessa kont ngħid li impossibbli li sar hekk u kont inkun irrid aktar provi biex nikkonvinċi ruħi, però meta dan it-tqassim sar bit-tgerfix il-premessa tiegħi hi li l-informazzjoni li tawni hi bbażata u ta’ min jorbot fuqha għaliex fejn ikun hemm it-tgerfix, jiddeġenera f’dawn l-affarijiet.

ONOR. DR D. PISCOPO: Din bħal tal-football.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Mr Chairman, kienet sfortuna għalina f’dan il-mument storiku, meta aħna qegħdin nagħmlu minn kollox biex intejbu l-ekonomija ta’ pajjiżna, li minn Malta skappat patata li ġo l-Ingilterra waslet bis-susa u li kellha tmur l-Olanda, ġiet fumigata u mbiegħed hemmhekk bi prezz ridott ħafna. Jien nixtieq nieqaf hawn biss u ngħid li kienet sfortuna ħafna għal Malta li ġara dak li ġara f’dan il-kamp hekk importanti tal-esportazzjoni meta wieħed jiftakar, skont ma qalilna l-Onor. Ministru, li aħna nesportaw b’xi £400,000 patata.

Mr Chairman, jiena nħoss li dak li qal l-Onor. Sur Soler rigward il-prodotti canned tal-biedja lokali l-Gvern ma għandux jaqbad u jwarrbu kif ġieb u laħaq. Jien ma nistax nifhem kif aħna nistgħu nagħmlu dan il-lussu, jiġifieri li tmur is-suq tal-Belt, tal-ħanut ikollu xi sitt kwalitajiet ta’ piżelli tal-bott, ngħidu aħna tlieta ta’ ditti lokali u erbgħa ta’ ditti barranin, u inti meta titolbu dan ma joqgħodx jgħidlek ta’ liema ditta tridu, imma jaqbad bott li jiġi f’idejh u jagħtihulek. L-istess ħaġa fuq il-bottijiet tal-kunserva ż-żgħar. Jiena jidhirli li l-Ministru għandu jkun bold enough li din il-ħaġa jittekiljaha bis-serjetà għaliex aħna nemmnu li la darba l-prodott lokali huwa tal-istess kwalità bħal ta’ barra u jinstab fis-swieq bl-istess abbundanza bħal ta’ barra – għaliex lili ħadd ma jgħidli li l-piżelli tal-marka Vernon, Eagle u Gozitano hi b’xi mod inferjuri għall-oħra li hawn fis-suq – il-Gvern għandu jsib mezz u ma jħallix lill-fabbriki lokali tal-piżelli jgħidulu li għandhom stock għal tliet snin u kellhom iwaqqfu l-produzzjoni għaliex għandhom biżżjjed to meet the demand. Jiġifieri dan ma għandux isir.

Nispiċċa l-kummenti tiegħi fuq l-agrikoltura u ngħid xi ħaġa fuq il-Common Market. Jiena nħoss illi rigward il-biedja u l-Common Market il-Gvern għandu, kemm jista’ jkun, jimmatura l-opinjoni pubblika għall-eventwalitajiet u l-bżonnijiet kollha jekk Malta tidħol fil-Common Market sabiex il-poplu inġenerali u l-bdiewa b’mod speċjali ma jiġu meħuda bl-ebda sorpriża.

Nigħid xi ħaġa dwar is-sajd. Quddiemi għandi r-rapport tal-1960 rigward is-sajd li jiena nippresumi li dan huwa l-aħħar rapport li ħareġ. Dan ir-rapport jiġġustifika l-politika tal-Gvern Laburista li jiġu akkwistati trawlers għas-sajd bit-tkarkir. Fl-1960 kellna biss seba’ trawlers u dawn bejniethom kienu responsabbli għal-landjar ta’ 27.19% mill-ħut. Jiena jidhirli li din il-figura hija ġustifikazzjoni biżżejjed biex il-Gvern ikompli fuq din il-linja.

ONOR. DR C. CARUANA: Complete failure.

ONOR. DR J. MICALLEF STAFRACE: Rigward il-vot li semma l-Onor. Ministru rrigward il-Fisheries, u semma li din id-darba għandna vot ta’ £63,000 li minnhom £47,000 ser jingħataw fi grants u loans, jiena nirrivolġi ruħi għall-interpellanza li għamilt u għat-tweġiba li tani l-Onor. Ministru b’ħafna dettalji. U jiena ma nafx, għalkemm forsi xi ħafna deputati jgorru, però lili l-Onor. Ministru dejjem irrispondieni bid-dettalji neċessarji. Pereżempju, nafu li fl-1957 biex jiġu akkwistati l-Mastalfo u Stella del Mare, il-Gvern fuq dawn it-tnejn, ta self ta’ £31,800. Jiġifieri biex jiġu akkwistati dawn iż-żewġ trawlers inħarġet is-somma ta’ £31,000, self. Fl-istess ħin, f’interpellanza oħra, għandi li fl-1956-57 is-self, eskluż is-self għat-trawlers, kien ta’ £43,518, u meta ngħoddhom dawn jiġu mal-£75,000. Jiġifieri l-flus provduti għas-self illum trid tirduppjahom biex jiġu daqs tal-1956-57 għaliex barra t-£43,518 li semmejt trid tikkunsidra li kien hemm £600 grants, £2,819 għall-equipment u kien hemm anke £2,000 għall-fuel.

Rigward l-equipment, il-biċċa l-kbira minnhom jidhirli li ġew introdotti fi żmien il-Labour Government fil-waqt li s-sussidju fuq il-fuel ġie introdott mill-Onor. Dr Caruana meta kien Ministru qabel fi żmien il-Gvern ta’ Koalizzjoni. Jiġifieri fl-1956-57 meta n-neċessità li jiġu ppumpjati flus f’dik l-industrija ma kinetx kbira daqs kemm hi llum, ġew ippumpjati flus ferm aktar mil-lum.

Nixtieq nispiċċa b’kumment. Dan l-aħħar qrajna f’ġurnali lokali u anke esteri rigward il-qagħda tas-sajd fil-Mediterran, li l-prospetti tas-sajd huma koroh ħafna u li jew isir kontroll internazzjonali fuq is-sajd jew inkella jibqa’ sejjer l-indiscriminate fishing u l-Mediterran ikompli jiftaqar fil-ħut.

Jiena nistaqsi lill-Gvern jekk b’xi mod jaħsibx fuq il-prospetti li s-sajjieda ta’ Malta jintramaw bi trawlers għal fishing fl-Atlantiku bħalma qed jagħmlu l-Italja, it-Turkija, Israel u kont ser ngħid Franza imma din għandha kosta mal-Atlantiku. Għaliex wisq nibża’ li skont dak li naqraw, nistgħu niġu konfrontati f’daqqa waħda b’xi sitwazzjoni li jew il-Mediterran assolutament jiftaqar f’daqqa waħda mill-ħut jew inkella jkun hemm kontroll riġidu ħafna biex dan ma jsirx u ż-żewġ kawżi jirriżultaw f’li l-provvista tal-ħut frisk tonqos u dan ifisser li jew inġibu l-ħut frisk mit-trawlers Taljani li jkunu stadu fl-Atlantiku jew inkella jkollna nżidu l-importazzjoni tal-ħut chilled u canned.

Jiena nħoss li jekk il-Ministru jaf b’xi defiċjenza fir-rigward tat-trawlers eżistenti hu fid-dover li jinforza dixxiplina fuq it-trawlers li ma ġġustifikawx l-eżistenza tagħhom – għaliex ma nafx kif aħna għandna nibqgħu biss bis-sajd tal-lampuki u l-ħut ta’ madwar il-kosta. Jekk tnejn mit-trawlers, dawk ta’ Borg, iġġustifikaw l-eżistenza tagħhom sinjal li hemm defiċjenza fl-oħrajn li minħabba fiha mhumiex jistgħadu tajjeb bħall-oħrajn. Kont qed ngħid li minn banda waħda l-Gvern għandu jkompli jinsisti biex it-trawlers li hemm jistgħadu bi profitt jiżdiedu u mill-banda l-oħra l-Gvern għandu jara x’jagħmel biex jaħseb għal din l-eventwalità, ma rridx ngħid prossima imma lanqas ma hija remota ħafna, li jkun hemm in-neċessità li jsir anke fishing fl-Atlantiku minn trawlers Maltin.

Dawk huma l-kummenti li xtaqt nagħmel fuq dan il-Vot.

Kondoljanzi (25 Mej 1933 - 29 Jan 2021)

ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI TAT-TLETTAX-IL PARLAMENT

NRU 424 TAL-ERBGĦA 3 TA' FRAR 2021 

 

TISLIMA LID-DOTTOR JOSEPH MICALLEF STAFRACE

L-ISPEAKER: Illum il-Kamra tad-Deputati se tfakkar il-memorja tal-Avukat Joe Micallef Stafrace li ħalliena nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar, 2021. Dr Micallef Stafrace serva bħala Membru Parlamentari fi tliet leġiżlaturi bejn l-1962 u l-1976. Hu kien ukoll għal xi żmien Ministru responsabbli mill-kummerċ, industrija, agrikoltura u turiżmu fl-1971. Bħalma nagħmel kull darba li jkollna kommemorazzjoni, noħorġu wkoll fuljett bħala tifkira, f’dan il-każ tal-Membru Parlamentari Joe Micallef Stafrace li għandi r-ritratt tiegħu hawnhekk. Insellem lill-membri kollha tal-familja Stafrace li qegħdin preżenti hawnhekk. Hija prassi li hawnhekk nippubblikaw l-ewwel diskors tiegħu, diskors li kien sar fl-20 ta’ Ottubru, 1962 fuq l-Estimi Ġenerali għall-Baġit ta’ dik is-sena.

Insejjaħ issa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa biex jagħmel kelmtejn dwar Dr Joe Micallef Stafrace.

ONOR. CHRIS FEARNE: Sur President, meta kont student fis-sekondarja kont nattendi l-iskola ta’ San Alwiġi. Dak iż-żmien l-Iskola ta’ San Alwiġi ma kenitx daqstant magħrufa għall-istudenti Laburisti. Il-bankijiet kienu tnejn, tnejn għax dak iż-żmien ma kellniex social distancing, imma għal numru ta’ snin kelli bilqegħda ħdejja lil Simon Micallef Stafrace li kien wieħed mit-tfal ta’ Dr Joe Micallef Stafrace flimkien ma’ Yana u Kirill. Ma nissuspettax li poġġewna fuq l-istess bank għaliex konna probabbilment l-uniċi żewġ Laburisti tal-klassi tagħna, imma naħseb poġġewna fuq l-istess bank għaliex riduna nkunu quddiem, taħt għajnejn il-form master, għaliex it-tnejn li aħna konna daqsxejn imqarqċin. Però għamilna snin flimkien u jien u Simon konna sirna l-aqwa ħbieb. Fil-prize days u fil-parents days, għaliex konna dejjem inkunu flimkien, konna nafu l-ġenituri ta’ xulxin u dik kienet l-ewwel okkażjoni biex niltaqa’, ta’ tifel li kont, ma’ dan il-karattru li kien Dr Joe Micallef Stafrace.

Din ma kenitx l-unika okkażjoni għaliex eventwalment meta jiena sirt tabib u kont iċ-Chairman tal-Kirurġija f’Malta, wieħed mill-kollegi kirurgi tiegħi kien it-tifel l-ieħor iż-żgħir ta’ Dr Joe Micallef Stafrace li kien Kirill. Jien u Kirill konna u għadna ħbieb u fil-fatt madwar għaxar snin ilu kien ikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista u jien kont wieħed milli kien talabni nissekondah. Kont nattendi numru ta’ attivitajiet tiegħu u reġa’ kelli l-opportunità li nerġa’ nagħmel il-konoxxenza ma’ Dr Micallef Stafrace li sa dak iż-żmien kont naf li dan kien persuna ta’ fibra u ta’ karattru kbir li kellu warajh storja kbira fil-politika Maltija.

Fil-fatt għalija – u dejjem hekk kelli f’moħħi u hekk għadu f’moħħi sa-lum – Dr Joe Micallef Stafrace huwa l-epitomija, huwa x-xempju, huwa l-kristalizzazzjoni ta’ dak li għadda minnu l-Partit Laburista fiż-żmenijiet turbolenti tas-snin sittin u s-snin sebgħin u ta’ dak li għaddew minnu l-militanti u l-partitarji Laburisti. Dr Micallef Stafrace ta’ 22 sena kien sar Editur tal-gazzetta “Is-Sebħ” li kien organu tal-Partit Laburista. Ma kienx żmien faċli, kien l-1955. Kien żmien fejn il-Partit Laburista kellu kontrih mhux biss il-partiti tal-Oppożizzjoni, imma kellu kontrih l-establishment governattiv kollu, l-establishment tal-kolonja tal-Imperu Ingliż u l-establishment tal-Knisja Kattolika ta’ dak iż-żmien. Il-grazzi li ħa Dr Joe Micallef Stafrace talli kien l-Editur ta’ Is-Sebħ ħadu sentejn wara, fl-1957, talli ppubblika karikatura ta’ Gvernatur Sir Robert Laycock. Din il-karikatura lill-Gvernatur m’għoġbitux u spiċċa li l-qrati Maltin bagħtuh erbat ijiem ħabs. Dan l-editur ta’ ġurnal tal-Partit Laburista talli ppubblika karikatura ta’ Gvernatur. Immaġina kieku din tiġri llum, li Editur ta’ ġurnal, għaliex ippubblika karikatura ta’ politiku jispiċċa erbat ijiem ħabs! Dak iż-żmien hekk ġralu Dr Joe Micallef Stafrace. Barra minn hekk l-organu tal-partit kien spiċċa għal xahrejn sħaħ sospiż milli jiġi pubblikat.

Sur President, mhux hekk biss ġralu Dr Micallef Stafrace. Fl-1961 il-partitarji kollha, l-Eżekuttiv, kull min kien jaqra l-ġurnali tal-Partit Laburista, kull min kien kandidat mal-Partit Laburista kien ingħata l-interdett mill-Knisja Kattolika tal-Arċisqof Gonzi. L-interdett ifisser li ma tistax tipparteċipa fis-sagramenti, fosthom li ma tistax tmur tqerr, allura l-interdett kien ifisser li se tmur l-infern. Forsi jekk illum ngħid lit-tfal tiegħi li se jmorru l-infern jidħku bija, imma fl-1961 kienet xi ħaġa kbira ħafna li jhedduk bl-infern. Dr Micallef Stafrace, qala l-interdett on two counts, talli kien l-editur ta’ “Is-Sebħ” u talli kien Membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista. Din swietlu immedjatament. Swietu immedjatament mhux għax kien igħid li xi darba jmut u jmur l-infern, għaliex kważi ħadd minna ma jaħseb li se jmut allavolja lkoll irridu ngħaddu minnha, imma għaliex ftit ġimgħat jew ftit xhur wara, meta wasal biex jiżżewweġ - u ż-żwieġ dak iż-żmien kważi kollu kien sagrament - fil-Knisja Parrokkjali tar-Rabat, ma ħallewhx. Dr Micallef Stafrace għamel appuntament biex imur ikellem lill-Isqof Gonzi u talbu biex iħallih jiżżewweġ fil-Knisja. Din mhux qed ngħidha jien, qalha Dr Micallef Stafrace f’numru ta’ intervisti. L-Isqof Gonzi qallu: Inżewġek jien fil-Palazz b’kondizzjoni waħda, li toħroġ minn hawnhekk tgħid li inti m’għadekx Laburist. Dr Micallef Stafrace għaliex kien bniedem ta’ prinċipju u kien bniedem ta’ fibra qallu li jippreferi jiżżewweġ fis-sagristija milli jiċħad dak li jemmen fih.

L-interdett baqa’ sal-1969 u kien grazzi għall-isforz tal-Isqof Awżiljarju Gerada li eventwalment kien tneħħa. Lil Dr Micallef Stafrace dawn id-daqqiet ma kissruhx, ma beżżgħuhx, anzi kien bniedem li aktar ma kien jaqla’ fuqu, aktar jissoda u fil-fatt ikkontesta u ġie elett fl-elezzjoni tal-1962 f’isem il-Partit Laburista, reġa’ ġie elett fl-elezzjoni tal-1966 u reġa’ ġie elett fl-elezzjoni tal-1971 fejn imbagħad anke għall-perijodu ta’ ftit xhur kien ukoll maħtur Ministru tal-Industrija, l-Agrikoltura u t-Turiżmu.

Anke wara li ma baqax fil-Parlament, Dr Micallef Stafrace baqa’ attiv. Jiena ta’ kull ġimgħa, sal-ġimgħa li għaddiet kont għadni nfittex u naqra l-artikoli tiegħu fuq il-ġurnal “it-Torċa”, dejjem artikli inċiżivi, attwali u li jġegħluk taħseb. Dr Micallef Stafrace kien ukoll lecturer fl-Università ta’ Malta, kien espert tat-traffiku li ħafna drabi kien jiġi mqabbad mill-qrati Maltin biex jagħti l-veduti esperti tiegħu u kien ukoll chairman tal-Broadcasting Authority. Jiġifieri żgur li Dr Micallef Stafrace huwa wieħed mill-bnedmin li ħalla impatt qawwi fuq is-soċjetà Maltija.

Il-familja tiegħu tilfet missier, tilfet ħabib, tilfet bniedem li tafu ta’ kuljum u ta’ dan nagħtiha l-kondoljanzi f’ismi u f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-Partit Laburista u f’isem din in-naħa tal-Parlament, f’isem il-Gvern kif ukoll f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dr Micallef Stafrace ovvjament se jħalli vojt kbir f’qalbkom u se jħalli vojt kbir ukoll mhux biss fil-Partit Laburista, imma fis-soċjetà Maltija għaliex kien bnedmin ta’ prinċipju. Il-poplu Malti għandu ħafna bżonnhom bnedmin li jpoġġu l-interess tal-pajjiż qabel l-interess tagħhom bħalma kien Dr Micallef Stafrace. Grazzi Dr Micallef Stafrace.

L-ISPEAKER: Grazzi. Insejjaħ lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, min kien jaf lil Dr Joe Micallef Stafrace jaf li minkejja dawn l-episodji koroh li semma l-għażiż kollega l-Onor. Chris Fearne, Dr Micallef Stafrace kien persuna li rnexxielu jmexxi ‘l quddiem, bl-Ingliż ngħidu “he moved on”. Meta jien bdejt naħdem fil-professjoni ta’ avukat 26 sena ilu, Dr Micallef Stafrace kien ġgant fil-kamp legali. Jien kont persuna insinifikanti. Minkejja dan, nista’ ngħid li rajt u għext rispett kbir minn għandu. Dan hu li nixtieq li ħaddieħor jiftakar dwar Dr Micallef Stafrace għaliex minkejja li kien ġgant u jien kont insinifikanti, sibt ir-rispett ġenwin minn għandu mingħajr ċiniċiżmu.

Din il-persuna li jien ma kontx naf kienet persuna stmata ħafna u għadha stmata ħafna fil-Qorti. Kont tiltaqa’ miegħu kważi f’kull seduta bħala espert jew inkella biex proprju jmexxi s-seduti bħala l-espert tekniku. Kont tħoss li dan il-bniedem filwaqt li jaf li hu kapaċi u li rnexxa, f’ħajtu kellu post għal kulħadd u jista’ jkun li dan tgħallmu mid-diffikultajiet ebsin li għadu kif semma l-Onor. Chris Fearne.

Hawn toħroġ tagħlima li fil-ħajja, li minkejja li naqilgħu fuq wiċċna u li nbatu, inkunu kapaċi nikbru b’mod matur u nelevaw lilna nfusna minn kull pettegolezza anke f’dan il-kamp politiku. L-aħħar li kellimt lil Dr Joe Micallef Stafrace kien proprju fl-1 ta’ Jannar li għadda. Kien iċempilli regolarment mid-dar tal-anzjani fejn kien rikoverat u jkellimni u jien kont nieħu pjaċir li jiftakar fija. Kont ili ħafna snin ma narah u nqattgħu dak il-ftit ħin nitkellmu. Kien għad hemm dik il-ġenwinità, dak ir-rispett ġenwin ta’ persuna li għaddiet ħajja li fiha tat ħafna u li kienet tħoss li għad fadlilha x’tagħti.

Naħseb li dawn il-kwalitajiet, Yana, Simon u Kirill irnexxielhom jisirquhom lil missierhom u fuq dan jien b’mod ġenwin ngħidilhom prosit. M’għandix dubju li dawn il-kwalitajiet waslu wkoll għand uliedhom li jiġu wlied uliedu. Jien anke minn għandkom dejjem rajt rispett kbir u dejjem ħassejt li tajtkom rispett kbir għaliex aħna qabel kollox umani u persuni. Qabel kollox aħna lkoll aħwa Maltin.

Joe, insellimlek u nirringrazzjak tax-xogħol politiku kbir li għamilt għall-ġid ta’ pajjiżna. Nirringrazzjak għax-xogħol legali kbir li għamilt għal pajjiżna kif ukoll nirringrazzjak għall-umanità tiegħek u għar-rispett li permezz tagħhom irnexxielek ukoll tbiddel ħafna persuni għall-aħjar. Insellimlek.

L-ISPEAKER: Grazzi. Ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Irrid ngħid kif sirt naf lil Dr Joe Micallef Stafrace. Meta kont tifel infetaħ il-każin tal-Partit Laburista fil-Mosta. Niftakar missieri kien l-ewwel segretarju tal-Partit Laburista tal-Mosta u dak iż-żmien kien hemm Mintoff, l-Ispiżjar Joe Camilleri u oħrajn. Xi ħadd kien semma lil Dr Joe Micallef Stafrace u niftakar lil missieri d-dar jispjega fuq kif Dr Micallef Stafrace u Agatha Barbara marru l-ħabs. Dak iż-żmien Mintoff bagħat lil Lorry Sant ġewwa l-Kajr għaliex ma kenux iħallu l-Partit Laburista jxandar il-kelma tiegħu fuq ir-Rediffusion u kien ixandar bix-short wave. Hekk sirt nafu lil Dr Joe Micallef Stafrace. Dak iż-żmien bix-short wave kienu jxandru. Nasser kien ta permess lil Mintoff biex jibgħat lil xi ħadd ġewwa l-Kajr biex ixandar ix-short wave biex il-kelma tal-Partit Laburista tasal fil-gżira ta’ Malta, għaliex l-Ingliżi ma ħallewx il-Partit Laburista jxandar permezz tar-Rediffusion.

Ovvjament meta kbirt u dħalt fil-Korp tal-Pulizija bdejt niltaqa’ ma’ Dr Joe Micallef Stafrace fuq xogħol. Niftakar meta sirt fizzjal kont niltaqa’ miegħu bħala espert tat-traffiku. Ovvjament meta sirt avukat konna narawh bħala ġgant, imma l-iktar – għax issa dalwaqt nagħlaq 25 sena fil-Parlament - Dr Micallef Stafrace dejjem kien iċempilli għax baqa’ dejjem jirriċerka u jitlobni niċċekkjalu fuq ħafna dokumenti. Sirna tant ħbieb li żied id-doża, kont immur id-dar għandu u anke kont immur id-dar tal-anzjani biex nikkomunikaw dokumetazzjoni li jitlobni. Min jaf kemm kont ngħid lill-Iskrivan tal-Kamra biex isibli xi dokumenti għax filgħaxija nkun sejjer ħdejn Dr Micallef Stafrace.

Dr Micallef Stafrace kien ukoll jikteb b’mod regolari fil-ġurnal “it-Torċa”, għax kellu l-artikolu tiegħu. Fil-Leħen is-Sewwa kien jikteb artikli verament ta’ valur kbir anke f’dak li huwa moralità u kien jagħti spjegazzjoni fuq il-fidi u fuq ir-reliġjon tagħna. Kien jidħol f’dan b’mod profond. Kien jibgħat l-artikli mhux lili biss imma wkoll lil diversi nies. Kien għadu attiv u kellu raġun il-Kap tal-Oppożizzjoni meta qal li kien bniedem li jħoss li fadallu x’jagħti. Dan l-aħħar deher artiklu tal-Isqof George Frendo li ippubblika ittra ta’ Ċensu Tabone li n kien President ta’ Malta, fejn qallu li hu telaq mill-politika imma Malta għad għandha bżonnu għax huwa persuna li jista’ jagħmel ħafna ġid fis-soċjetà. Huwa ċar li Dr Micallef Stafrace kien bniedem konsistenti, moderat imma kien ukoll ħanin fil-ħsibijiet tiegħu irrispettivament mill-kulur politiku.

Jien ningħaqad magħkom fil-kondoljanzi insellem lill-familjari kollha li qed narahom hawnhekk hawn, lil Yana u Kirill u Simon u membri oħra tal-familja u u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi permezz tat-trażmissjoni ta’ dak kollu li ntqal f’din il-Kamra. Nirringrazzjakom.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 19.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.04.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Kummerċ, Industrija, Agrikoltura u Turiżmu - 21.06.1971
Waqqaf: 31.10.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976