Tifkira ta' Freddie Micallef fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta' Malta
18 ta' Marzu 1939 - 7 ta' April 2011
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn il-31 ta’ Marzu 1966 u t-23 ta’ Settembru 1996
Freddie Micallef
L-EWWEL DISKORS TA’ FREDDIE MICALLEF FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 20 TAS-16 TA’ ĠUNJU 1966 IT-TIENI LEĠISLATURA
ONOR. FREDDIE MICALLEF: Hija ħaġa magħrufa minn kulħadd li l-agrikoltura għandha tkun waħda mill-kolonni tal-ekonomija ta’ Malta u għalhekk hemm bżonn li kemm il-Gvern Nazzjonalista, kif ukoll ‘il quddiem jekk ikun Gvern Laburista, għandhom jieħdu ħsieb sabiex jibnu l-ekonomija b’mod sod billi ma jħallux l-agrikoltura tmur lura. Hija ħaġa magħrufa li l-agrikoltura f’Malta f’dawn l-aħħar snin marret lura minn ġurnata għall-oħra. Qegħdin naraw li mill-11% tal-popolazzjoni li kienu bdiewa telqu r-raba’ erbgħa fil-mija u llum qegħdin naraw li minn dawn in-nies li jaħdmu r-raba’ qegħdin jitilquha ż-żgħażagħ. Għaliex? Għaliex jaraw lil missirijiethom li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-għelieqi u mill-prodotti li jkabbru fir-raba’ tagħhom, ma jistgħux lil uliedhom kull nhar ta’ Sibt ituhom xi ħaġa anke bħala pocket money. Paga ma jistgħux ituhom lil dawn iż-żgħażagħ li għandhom id-dritt li jkollhom xi ħaġa tal-flus fil-but sabiex ikunu jistgħu jmorru jagħmluha ma’ sħabhom wara li jkunu batew il-ġimgħa kollha. Kif jaf kulħadd ix-xogħol tal-biedja huwa xogħol mill-aktar iebes u trid tkun drajt minn żgħir taħdmu biex tkun tista’ tiċċekkjah. B’dana kollu missier il-bidwi żagħżugħ ma jistax jaffordja li jtih xi ħaġa tal-flus biex dan iż-żagħżugħ bidwi jkun jista’ joħroġ ta’ nies ma’ sħabu f’ħanut meta jiltaqgħu hemm jew biex imur jara xi film jew f’xi okkażjonijiet oħra biex ikun jista’ jkompli ma’ sħabu. Għaliex għandu jkun dan? Speċjalment taħt il-ħakma tal-Gvern Nazzjonalist rajna, u din hija verità, mhux biss l-aħjar raba’ tal-bdiewa jittieħed mill-barrani imma anke lill-bidwi jitlef il-profitti li għalihom kien stinka u ħadem ix-xhur u staġuni sħaħ. Meta lill-bidwi teħodlu r-raba’ ifisser li tkun ċħadtlu l-għixien tiegħu u ma jagħmilx ġid għall-ekonomija tagħna.
Jiena kont għamilt interpellanza rigward il-prezzijiet tad-tadam u tal-għeneb. Dan kien meta jiena rfist l-ewwel darba f’dan il-parlament u staqsejt lill-Gvern huwiex beħsiebu jiffissa l-prezz tal-għeneb u tat-tadam bħal ma kien għamel is-sena l-oħra, wara tliet snin li fihom dawn il-prodotti ġew għal sena wara l-oħra mormija. Fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni u biex b’din il-miżura forsi jiġu miġbuda l-voti favur il-Partit Nazzjonalista sar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti u għalhekk jiena ġustament staqsejt lill-Gvern Nazzjonalista huwiex beħsiebu jerġa’ jiffissa dawn il-prezzijiet dis-sena wkoll. Ir-risposta għall-interpellanza tiegħi kienet li għadu ‘l bogħod wisq biex wieħed jgħid jekk il-Gvern did-darba huwiex ser jiffissa dawn il-prezzijiet, kif jixtiequ l-bdiewa kollha. Jiġifieri b’dana kollu r-risposta kienet li għadu ma jafx x’ser jagħmel il-Gvern. Għaldaqstant jiena l-lum nieħu din l-okkażjoni biex, billi naf li ser indumu xahar ma niltaqgħu fil-Parlament, inpoġġi on record din ix-xewqa tal-bdiewa rigward l-iffissar tal-prezzijiet. Il-bdiewa qegħdin jitolbu li jkunu ffissati l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom u speċjalment fil-każ tal-għeneb u tat-tadam billi jkunu l-bdiewa li għamlu ljieli sħaħ jorqdu fl-għelieqi għassa mal-prodotti għal xhur sħaħ, u għalhekk aħna nisperaw li bħalma kien sar is-sena l-oħra, li kienet is-sena ta’ qabel l-elezzjoni, il-Gvern jerġa’ jiffissa l-inqas prezzijiet għal dawn iż-żewġ prodotti partikolari. Din hija neċessità kbira għaliex jekk ma jkunx hemm dan il-kontroll, l-agrikoltura tibqa’ sejra lura kif ġa rajna sejra lura taħt il-ħakma Nazzjonalista, kif jiddispjaċini ngħid, u bħala konsegwenza mhux ser nitilfu biss ħafna żgħażagħ imma ser nitilfuhom kollha għaliex m’hemmx inċentiv.
Għamilt interpellanza wkoll għal dawn l-istess bdiewa fejn staqsejt xi protezzjoni għandu l-bidwi li forsi mill-prodott tar-raba’ tiegħu ma jdaħħalx il-prezzijiet li jixirqulu biex jista’ jgħajjex lill-familja u jżomm lill-ibnu miegħu. Staqsejt ukoll biex il-Gvern jipproteġi lill-bidwi li jrabbi l-majjali. Il-lum majjal iridu jżommuh għal erba’ xhur sħaħ jitimgħuh għat-trobbija u l-prezzijiet tal-ġwiż hu mgħola s-sema, imma b’dana kollu jrabbuhom għaliex jittamaw li ‘l quddiem jistgħu jsibu prezzijiet tajba meta jaslu biex joqtluhom, iżda aktar ma jirnexxux milli iva għaliex saħansitra fl-istess biċċerija meta l-bdiewa jbigħu l-qżieqeż tagħhom hemmhekk, il-biċċier li jixtrihom jirranġahom b’mod li jkun ta’ dannu għal bidwi għaliex fil-waqt li jkun qed jirranġa majjal jaqta’ t-truf esaġeratament u sakemm iddawwar wiċċek in-naħa l-oħra, il-biċċier jisraqlek l-isbaħ wiżintejn minnu!
Għalhekk jiena nissuġerixxi li fil-biċċerija għandu jkun hemm nies tal-Gvern biex jagħmlu dan ix-xogħol tal-irranġar tal-majjali imparzjalment kif isir għal barranin, sabiex il-bidwi jieħu l-flus li jistħoqqlu tal-piż eżatt li jkun fih il-majjal.
Qajjimt dawn iż-żewġ ilmenti importanti għaliex fiż-żmien li ġej l-bdiewa jkunu qed jistennew li jieħdu prezzijiet xierqa għall-bhejjem li jrabbu u għall-prodotti li jipproduċu fl-għelieqi tagħhom.
Nagħmel appell lill-Gvern biex jieħu din il-kwistjoni bl-akbar serjetà għaliex fl-erba’ snin li għaddew rajna lill-biedja, li hi l-kolonna tal-ekonomija ta’ Malta Indipendenti, sejra mill-ħażin għall-agħar u dan hu dovut għar-raqda li raqad il-Gvern Nazzjonalista għal dik li hi agrikoltura fl-erba’ snin li dam fil-Gvern id-darba l-oħra.
Nispera li lil dawn il-bdiewa l-Gvern jipproteġihom u jara l-miżerja li jinsabu fiha u jgħinhom għaliex f’Malta l-agrikoltura sservi mhux biss biex il-bdiewa żgħażagħ tagħna jibqgħu jaħdmu l-art, imma għax minnha sa ċertu punt jiddipendi wkoll it-turiżmu u ħafna mill-prodotti agrikoli tagħna jkunu meħtieġa mil-lukandi li telgħin issa.
It-tieni punt tiegħi hu fuq it-turiżmu. Ħadt gost nisma’ lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura u Turiżmu jgħid li ser jagħmel leġislazzjoni fuq it-turiżmu. Ħadt gost għaliex sew l-Oppożizzjoni kemm l-istampa għal snin sħaħ ilhom itambri fuq il-bżonn ta’ din il-leġislazzjoni fuq it-turiżmu u issa sa fl-aħħar waslet.
Però b’dana kollu lest pajjiżna sabiex jilqa’ lit-turisti u jittrattahom bħal ma jittrattawhom f’pajjiżi oħra? Edukajnih biżżejjed lill-poplu għal dan l-iskop? Edukajnihom biżżejjed lill-waiters? It-television qed juri programmi ta’ tagħlim għal dan il-għan? Jew qed juru biss films li jdejqu lil kulħadd? Issa bl-istallazzjoni elettriku tista’ tgħid ma’ kull naħa ta’ Malta u b’settijiet tat-television ma’ kullimkien, il-Gvern għandu ċans li dan il-medium jużah biex jgħallem u jipprepara lill-poplu ħalli jżomm it-toroq indaf, iżomm il-pajjiż nadif u mhux per eżempju tmur l-Għadira u tiltaqa’ ma’ inċidenti bħal ma ġara nhar il-Ħadd li għadda. Wara tant talbiet biex jitnaddfu x-xtut u l-bajjiet ta’ Malta, nhar il-Ħadd tifel ta’ sitt snin ġewwa l-bajja tal-Għadira kien għoddu għereq minħabba l-alka li daħlet ġo ħalqu, dik l-alka li għad fadal hemmhekk. Għaliex għandu jiġri dan wara dak it-tambir kollu biex jitnaddfu x-xtut tal-bajjiet tagħna speċjalment fejn jiffrekwentaw it-turisti? Waħda mill-affarijiet l-aktar essenzjali hi li jkollna bajjiet li jixirqu lill-pajjiżna, pajjiż żgħir imma li għandna ċans nagħmluh ġawhra tal-Mediterran għat-turiżmu.
Xtaqt ukoll nitkellmu fuq l-edukazzjni tal-pulizija in konnessjoni mat-turiżmu biex ma jiġrux inċidenti deplorevoli kif kien ġara fi żmien is-sessjoni l-oħra tal-Parlament meta mara stranjiera għaliex kienet liebsa ftit ħafif ġiet meħuda l-għassa tal-pulizija. Dan l-inċident kien ġie rapportat f’gazzetta estera li għandha ċirkolazzjoni nhar ta’ Ħadd ta’ xi sitt miljuni bir-riżultat li miljuni ta’ stranjieri jaqraw dawn l-affarijiet b’dannu kbir għall-futur turistiku ta’ pajjiżna.
Għalhekk hemm bżonn li l-pulizija tiġi istruwita sewwa u hemm bżonn li dan jifhmu kulħadd anke saċerdoti għax il-pulizija jkunu mqabbda.... Hemm bżonn li ma niddisgustawx lit-turisti bl-esaġerazzjonijiet. Mhux billi qed intellgħu lukandi u nimlew lil Malta bir-restaurants; irridu nkunu realistiċi u nimxu skond il-ħtiġijiet tat-turisti jekk irridu li t-turiżmu verament ikun is-suċċess li aħna lkoll nixtiequ.
Anki l-permessi għall-ħinijiet tal-bars u night clubs hemm bżonn li jiġu rranġati. Per eżempju tara sitt turisti mdawrin ma’ mejda jordnaw d-drinks, jonfqu l-liri, imbagħad f’ċertu ħin jiġi pulizija qisu manigold u lil tal-ħanut jgħidlu: “Agħlaq, kulħadd barra!” Għaliex għandu jiġi pulizija, f’post li ma jkun qed idejjaq lil ħadd, u lil tal-ħanut jgħidlu: “Agħlaq, barra!”? Għandna postijiet il-Mosta, per eżempju, bħal Armada u l-Whisper Farm House li kollha ilhom is-snin jitolbu biex il-permess kemm idumu miftuħin jiġi estiż sas-sagħtejn jew is-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu. Fl-Isvezja hemm ħinijiet permessi b’mod li n-nies ikun jistgħu jgawdu fil-libertà tagħhom mingħajr ma ħadd jerfagħlhom salibhom. Hawn Malta dan mhux biss il-Maltin ma jistgħux jagħmluh imma lanqas il-barranin li jiġu hawnhekk espressament biex jirrikreaw ruħhom.
Billi m’għandix ħin se jkolli nagħlaq id-diskors tiegħi, però nispiċċa kif bdejt fuq l-agrikoltura u t-turiżmu illi huma żewġ affarijiet mill-aktar essenzjali għal pajjiżna.
Ma rridx ninsa ngħid li jekk kemm-il darba rridu naraw lil Malta tqum fuq saqajha hemm bżonn li nneħħu l-għamad u l-preġudizzji tal-imgħoddi. Id-darba l-oħra kellna tnejn min-nies ġo Burmarrad li misshom £26,000 mentri n-naħa l-oħra, tal-Manikata, ma misshom lanqas mutur ta’ £50 għall-bexx. Għaliex dan?
Hemm aspetti oħra importanti f’pajjiżna iżda l-agrikoltura u t-turiżmu huma ż-żewġ pilastri li fuqhom trid tinbena l-ekonomija ta’ Malta. Għalhekk hemm bżonn li l-Gvern jara x’neċessitajiet hemm fl-agrikoltura u t-turiżmu, jara wkoll dwar il-permessi ta’ kemm idumu miftuħin il-ħwienet u jara affarijiet oħra bħal li nedukaw lill-poplu minn fuq it-television billi nuruh kif għandu jmur mat-turisti. Nedukawh, ninqdew bit-television, redifusion u anke bil-gazzetti u jkun hemm kordinazzjoni mhux inħallu kollox għall-aħħar meta jkun tard wisq.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru. 338 tal-Ħdax-il Parlament tat-Tlieta, 12 ta’ April, 2011
KONDOLJANZI
ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Sur President, fil-ħajja tagħna l-politiċi jiġu mumenti meta, għal ċirkostanzi, kultant sbieħ u kultant mhux daqstant sbieħ, inwarrbu dak li jiddistingwina. Ħafna drabi aħna l-politiċi, għall-ħsebijiet ta’ impenn u kontribut għall-ġid tas-soċjetà tagħna - għax il-politika min-natura tagħha bilfors tfisser argumentazzjoni ta’ min hu favur u ta’ min hu kontra xi ħaġa, jew anke jekk ikunu favur l-istess ħaġa hawn min ifassal triq differenti biex tasal għaliha - ħajjitna ngħixuha spiss wisq fl-argumentazzjoni ta’ x’jaqsamna minn xulxin. Imma jiġu mumenti fil-ħajja tal-politika li jgħaqqduna flimkien u huma mumenti li jġiegħluna nieqfu, nirriflettu u nistaqsu lilna nfusna jekk l-impenn u s-sagrifiċċju li kultant jinvolvu l-familji tagħna, kenux worth it jew le. Dawn il-mumenti joħorġu l-aktar bil-qawwa - issa bl-esperjenza tiegħi f’karigi differenti li okkupajt f’dan il-parlament għext numru minnhom – meta jqum xi ħadd minna biex jikkommemora personaġġ politiku li jkun iddedika ħajtu jew parti minn ħajtu, u allura lilu nnifsu u lill-familja tiegħu, biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor.
Il-lejla qegħdin hawnhekk biex f’dan il-parlament nikkommemoraw ħabib kbir tal-Kamra kollha, anke jekk fil-każ tiegħi tan-naħa l-oħra tal-Kamra u ħabib żgur tan-naħa tal-Oppożizzjoni. Qegħdin nikkommemoraw lill-Freddie Micallef li l-ġimgħa li għaddiet tħabbret il-mewt tiegħu. Jiena għandi rikordji sbieħ ta’ Freddie li jmorru lura għall-perijodu ta’ żmien meta jiena kont fis-Sedja bħala Speaker. U niftakar li dan Freddie, b’passjoni kbira kien jitkellem fuq suġġett li kien ovvju li kien iħobbu ħafna, jiġifieri mhux għax bilfors jew għax xi ħadd inkarigah b’dik ir-responsabilità, imma għax kien in-namur tiegħu. Qed nirriferi għall-qasam marbut mal-agrikoltura u man-natura ta’ pajjiżna. Niftakar li fl-interventi tiegħu, f’dan il-parlament, kienu joħorġu ċerti valuri partikolari, li naħseb li jixraq li jinżlu fir-record ta’ dan il-parlament. Veru li kultant, bħalma jiġri fil-kas tal-profeti, l-apprezzament isir wara li l-istorja ta’ dak li jkun tkun ingħalqet, imma xieraq ukoll li issa li l-kapitolu tal-ħajja ta’ Freddie Micallef ingħalaq, aħna f’dan il-parlament niktbu paġna żgħira dwaru.
Jiena għandi l-unur u l-privileġġ li nagħmel dan billi noħroġ dawk li naħseb li kienu l-aktar aspetti sbieħ ta’ din il-persuna. L-ewwel nett m’għandix dubju li hu kien bniedem sinċier għall-aħħar. Anke jekk ma taqbilx miegħu, tkun taf li l-passjoni li jkun qed jitkellem biha, tkun qed toħroġ is-sinċerità sħiħa u t-twemmin sħiħ tiegħu. Il-persważjoni li kellu fl-argumentazzjoni tiegħu kienet xi ħaġa li hija ta’ ġid għas-settur, ta’ ġid għall-komunità u ta’ ġid għas-soċjetà. Anke l-irġulija tiegħu hija xi ħaġa li tissemma minn min kien sar jafu mill-viċin għal ħafna snin. Hi xi ħaġa li jiena smajtha mingħand numru ta’ persuni li ħadmu viċin ta’ Freddie Micallef tul il-perijodu tal-karriera politika tiegħu, f’mumenti li nsejħulhom “sbieħ”, li għalina l-politiċi dawn ukoll ikunu mumenti challenging, kif ukoll f’mumenti diffiċli. Kull min jitkellem fuq Freddie Micallef jispjega dan il-valur partikolari ta’ xi ħadd li għandu sens ta’ irġulija kbira mal-prinċipji tiegħu u sens ta’ irġulija mat-twemmin tiegħu.
Freddie Micallef żgur li kien bniedem tal-familja. Jien ma kontx nafu daqshekk mill-viċin, għax nerġa’ ngħid li sirt nafu fil-performance tiegħu fil-parlament u hawnhekk il-kelma “performance” nużaha fis-sens it-tajjeb tal-kelma, jiġifieri fil-qadi tad-doveri tiegħu f’dan il-parlament, però ma kontx nafu familjarment. Minn dak li qrajt, speċjalment f’dawn il-ġranet, huwa fatt sabiħ li għandna eżempju ta’ persuna li għalih il-familja kienet dejjem il-mimmi ta’ għajnejh, li hija waħda mill-isbaħ espressjonijiet Maltin li nużaw għal xi ħaġa li tkun verament prezzjuża u għal qalbna. Kien hemm artikolu partikolari u ritratti partikolari ta’ Freddie Micallef man-neputijiet tiegħu u kien ovvju li din hija xi ħaġa li hu kien japprezzaha u li kien ipoġġiha bħala dawl quddiemu biex hu stess jiggwida l-ħajja politika tiegħu fuq din il-prijorità partikolari.
Freddie Micallef hu bniedem li poġġa lill-familja fil-qalba tal-politika li hu ħaddem tul is-snin. Naf żgur li kien jinġieb ħafna mal-Ministru Lawrence Gatt li kien shadow minister tiegħu u kont niggustahom narahom jiċċajtaw bejniethom meta jiena kont nippresjedi lil din il-Kamra. Kienu kopja ħelwa t-tnejn li huma, wieħed jinki lill-ieħor, qisek qed tixgħel sulfarina u f’daqqa waħda tarahom jargumentaw. Però għalkemm kienu jargumentaw b’dik is-saħna, kienu jargumentaw b’rispett ukoll lejn xulxin. Għalhekk ngħid li aħna l-politiċi li ġejna wara din il-ġenerazzjoni ta’ nies, forsi għandna nżommu quddiem għajnejna dawn l-affarijiet iżjed minn qatt qabel, il-fatt li nkunu kapaċi nżommu r-rispett lejn xulxin anke f’mumenti ta’ argumentazzjoni partikolari.
Sur President, hija drawwa sabiħa li inti ntroduċejt, li meta nqumu biex nikkommemoraw il-mewt ta’ wieħed mill-ex-deputati, jew mid-deputati tagħna, inti tippubblika u tqassam lill-Kamra, kopja tal-ewwel diskors li dak id-deputat ikun għamel f’din il-Kamra. Din hija verament idea sabiħa. U ħadt pjaċir li x’ħin dħalt f’din il-Kamra sibt quddiemi kopja tal-ewwel diskors li kien għamel Freddie Micallef fis-16 ta’ Ġunju, 1966. Huwa interessanti li dak iż-żmien pajjiżna kien għadu fil-fisqija, kien għadu bil-ħarqa, konna ilna indipendenti sentejn u konna għadna ħerġin minn ekonomija li kienet tiddependi fuq il-preżenza tal-forza militari f’pajjiżna. Kellna sfidi kbar biex b’xi mod f’pajjiżna tinħoloq industrija ġdida li tagħti l-postijiet tax-xogħol. U proprju fl-aħħar paragrafu tal-ewwel diskors tiegħu, Freddie Micallef kien qal hekk:
“Hemm aspetti oħra importanti f’pajjiżna, iżda l-agrikoltura u t-turiżmu huma ż-żewġ pilastri li fuqhom trid tinbena l-ekonomija ta’ Malta.”
Fl-1966, Freddie Micallef induna li l-agrikoltura u t-turiżmu huwa żewġ pilastri li jmorru flimkien. Illum fl-2011 nafu li biex it-turiżmu jirnexxi, miegħu jrid ikollu ambjent agrikolu li jidher biċ-ċar bħala parti mill-ambjent naturali li jitgawda minn min jasal f’pajjiżna. Dak iż-żmien żgur li Freddie Micallef kien qed jara l-agrikoltura bħala strument qawwi li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, bħala strument li jimpjega bdiewa, raħħala u sajjieda. Żgur li kien qed jarah f’dak il-kuntest. Għaddew ħafna snin minn dak iż-żmien u għalkemm il-kontribuzzjoni tal-agrikoltura bħala valur miżjud għal pajjiżna naqas, il-kontribuzzjoni tal-agrikoltura għall-ambjent, għal-landscape, għal dak li jagħmel tipikament il-kwalità tal-ħajja Maltija, baqa’ hemm u żgur li huwa marbut mhux biss mal-kwalità tal-ħajja tagħna, imma anke mat-turiżmu.
Sur President, naħseb li dawn il-ftit ħsebijiet f’dan il-mument partikolari jippermettulna biex insellmu persuna li tat kontribut għal pajjiżna u li jixirqilha din it-tislima f’dan il-mument partikolari. Din hija tislima li nixtiequ nwasslu bħala apprezzament lill-familja kollha tas-Sur Freddie Micallef, għax aħna li ngħixu fil-ħajja politika, nafu li ċ-ċirku l-aktar viċin tal-familja jkunu l-aktar li jakkumpanjawna fil-ferħ u fid-dmugħ. U allura t-tislima li qed nagħmlu llejla hawnhekk f’din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, hija tislima lil Freddie Micallef, però ringrazzjament ukoll lill-familja kollha li kienet miegħu tul il-ħajja kollha tiegħu fil-politika. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzoni): Sur President, hija kważi ironija li llum qegħdin infakkru lil seħibna Freddie Micallef, 45 sena neqsin ġimgħatejn minn mindu ħa l-ħalfa tiegħu tal-ħatra f’dan il-parlament fejn serva għal 30 sena sħaħ. Bin-nuqqas tiegħu qiegħda tonqos parti oħra minn dik il-ġenerazzjoni ta’ politiċi li għenu biex jissawwar in-nazzjon Malti. Fil-lat storiku nazzjonali, l-elezzjoni tal-1966, kienet sinifikantii għal numru ta’ fatti.
L-ewwel ħalfa li kien għamel seħibna Freddie Micallef fl-1966 kienet il-ħalfa ta’ lealtà lejn ir-Reġina Eliżabetta II, lill-werrieta u lis-suċċessuri tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, pajjiżna sar repubblika, għandna kap ta’ Stat Malti u l-Istat ipprogredixxa ferm ’il quddiem. Dik l-elezzjoni hija wkoll sinifikanti għal din in-naħa tal-Kamra għax fl-1966 ma kienx faċli li toħroġ kandidat mal-Partit Laburista. Dak iż-żmien kellna l-kundanna tad-dnub il-mejjet u l-affarijiet l-oħra kollha li kien hemm fuq il-Labour Party għal żewġ elezzjonijiet fuq xulxin. Naħseb li llum, aktar minn qatt qabel, għandna nirrikonoxxu l-kuraġġ ta’ dawk il-persuni li kienu jpoġġu isimhom fuq quddiem minkejja dawn ir-realtajiet li llum kulħadd jirrikonoxxi li kienu barra minn lokhom u li llum, bħala stat u bħala nazzjon, poġġejniehom warajna. Illum nemmen li qegħdin infakkru dak li jien dejjem kont inqisu bħala ġgant b’qalb tad-deheb.
Nistqarr li l-ewwel darba li ltqajt mal-isem ta’ Freddie Micallef bħala tfajjel li kont naqra ftit il-gazzetti, jidhirli li kienet l-elezzjoni tal-1982 meta fid-djar kienu jirċievu dawk il-famużi ballot papers li għadna nirċevuhom sal-lum. Niftakar li meta kont nara l-isem “Micallef Alfred sive Freddie”, kienet tiġini kurżità kbira u ta’ tifel li kont, ma kontx naf xi tfisser il-kelma “sive”. Niftakar li meta kont staqsejt lill-missieri kien qalli li l-kelma “sive Freddie” kienet tfisser li kien magħruf bħala “Freddie”. U naħseb li n-naħat tagħna, ta’ fejn twieled, għex u serva Freddie Micallef, għandhom ħafna x’iroddulu ħajr. Naħseb li l-ewwel diskors tiegħu, kif semma’ tajjeb il-Prim Ministru, jixhed il-karattru tiegħu u dak li serva għalih, għax jirriferi għal tliet punti ewlenin; il-biedja, it-turiżmu – fuq il-biedja se nitkellem minn hawn u ftit tal-ħin ieħor – u l-Mosta. Id-diskors tiegħu kien iċċentrat prattikament fuq l-esperjenza tiegħu fost il-kostitwenza tiegħu, fejn twieled, għex u serva b’lealtà assoluta għal tant snin.
Naħseb li l-biedja kienet personifikata f’seħibna Freddie, fejn il-valuri tal-komunitajiet agrikoli kienu riflessi fih; dak tal-bżulija, fejn l-għażż jiġi mwarrab u jiġi ppremjat min jaħdem, l-valur tal-prossimità, li inti dejjem tkun qrib in-nies u qrib sħabek u qatt ma titkabbar, u l-valur tal-onestà, li jiena konvint li fil-kas ta’ Freddie Micallef kienet waħda disarmanti, fejn bniedem ta’ korporatura pjuttost kbira tarah ma jiddejjaq xejn juri s-sentimenti u l-ħsebijiet tiegħu. Dan kollu jwassal għal kelma waħda, l-irġulija. Jiena kelli x-xorti li sirt naf ħafna mill-viċin lill-sieħbi Freddie Micallef f’dawn l-aħħar għaxar snin, fejn minn żmien għall-ieħor kont inqatta’ ħinijiet pjuttost twal miegħu. Nistqarr li fl-aħħar tliet snin ukoll, kull meta Freddie kellu s-saħħa, konna niltaqgħu jew inċemplu lil xulxin imqar darba fix-xahar, biex nitkellmu dwar dak kollu li jkun qed jiġri taħt il-kappa tax-xemx.
Freddie kien bniedem moderat, bniedem li lest li jirrikonoxxi t-tajjeb fl-avversarju politiku tiegħu, imma mbagħad bniedem ta’ prinċipju sod, li jekk jemmen f’xi ħaġa, se jibqa’ jsostniha. Kien bniedem li kkontribwixxa għall-iStat Malti permezz tad-doveri tiegħu bħala ministru f’għadd ta’ oqsma, ewlieni fosthom il-biedja. Matul is-snin tiegħu bħala ministru, seħibna Freddie kien mogħni wkoll b’segretarjat fil-ministeru tiegħu li kien fost l-iktar nies effiċjenti u kompetenti, li wħud minnhom spiċċaw ambaxxaturi, trejdunjonisti u oħrajn fost l-ogħla karigi fiċ-ċivil, fejn f’moħħhom ma kellhomx il-politika imma li jaqdu d-dover tagħhom lejn in-nazzjon.
Seħibna Freddie Micallef kien baqa’ attiv sal-aħħar u mpressjonani l-fatt li l-aħħar li rajtu ġewwa l-isptar, kien baqa’ konxju ħafna ta’ dak li kien għaddej madwaru. Hu kien jippreferi jitkellem dwar dak li kien għaddej minnu l-pajjiż milli dwar il-kondizzjoni tiegħu. Kienet l-għaxqa tiegħu li wara li nkunu spiċċajna xi diskussjoni serja u mbagħad ngħaddu għal diskussjoni aktar ħafifa kien jitkellem, għall-inqas miegħi, dwar tliet affarijiet. L-ewwel ħaġa kienet bla dubju ta’ xejn il-familja u minħabba l-mod ta’ kif żviluppat saħħtu matul l-aħħar sentejn, tlieta, kien konċernat ħafna dwar x’se jiġri minnha wara li jmut hu. Ovvjament meta wieħed jitkellem f’dak it-ton u jgħidlek dawn l-affarijiet, awtomatikament tgħidlu biex ma jinkwetax. Imma hu kien ġenwinament kull darba jqajjem dan l-inkwiet tiegħu fil-konfront tal-familja b’sens ta’ mħabba u b’sens ta’ lealtà lejn il-familja tiegħu.
Imbagħad kien jieħu tant pjaċir jitkellem dwar ir-rikordji tiegħu bħala ministru, speċjalment dawk li kien isejħilhom “il-famużi għajtiet” li kien ilaqqat mingħand l-ex Prim Ministru Mintoff tard bil-lejl ġewwa Kastilja. Kien jgħidli li dak iż-żmien kien iħares lejhom with some concern, imma aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar kien jimmissjahom għax dak iż-żmien kien hemm team magħqud li kien lest li jitkellem u jaħdem għall-pajjiż. B’nostalġija kbira kien isemmi wkoll il-ħbiberija ġenwina li kellu ma’ numru ta’ persuni, kemm membri minn din in-naħa tal-Kamra, anke ma’ dawk li minħabba s-sistema li kellna fil-passat forsi kienu avversarji tal-istess naħa aktar milli tan-naħat opposti, imma fuq kollox ukoll il-ħbiberija ġenwina li kellu ma’ numru ta’ persuni fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra, li kien jirrispettahom għall-irġulija tagħhom. Kien isemmi kemm-il darba lill-ex-Ministru Lawrence Gatt, li qed insemmih għax diġà rrifera għalih il-Prim Ministru, fejn kien jitkellem b’ċerta nostalġija fil-konfront taż-żmenijiet fejn kienu jinku lil xulxin, mhux ta’ b’xejn spiċċaw it-tnejn li huma xhieda tal-inkoronazzjoni tat-titular tal-Mosta ftit tas-snin wara.
It-tielet punt li fuqu kien jieħu pjaċir jitkellem huwa dak li jiena ma nifhem assolutament xejn dwaru u hawnhekk qed nirriferi għat-tiġrijiet tal-ħamiem. Kien jipprova jgħidli kif kien isemmi lill-ħamiem tiegħu, speċjalment kellu trio li kien għal qalbu ħafna. U rrid ngħid li fil-funeral tiegħu tbissimt ftit meta rajt kuruna li kienet mibgħuta minn club partikolari li tikkommemora lil dawn it-tliet ħamimiet li jisimhom Lolek, Pantani u Valentina. Nimmaġina li l-ewwel wieħed kien imsemmi għan-nickname tal-Papa, it-tieni għall-ġerrej u t-tielet għal xi ħadd familjari. U dan kollu kien juri wkoll il-karattru ta’ Freddie, il-paċenzja, il-fatt li wieħed ikun kommess lejn xi ħaġa u l-imħabba lejn in-natura li baqgħet sal-aħħar miegħu.
Jiena minn din in-naħa tal-Kamra nixtieq nagħti lis-Sinjura Micallef, lill-uliedu kif ukoll lill-kumplament tal-familja, ewlenin fosthom ħutu li naf kemm kien iħobbhom, l-għomor, il-kondoljanzi u ngħidulhom li r-rikordju ta’ Freddie Micallef se jibqa’ għal dejjem f’qalbna. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad mal-membri fil-kondoljanzi espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Freddie Micallef għamel 30 sena servizz f’din il-Kamra u serva fil-gvern u fil-parlament lin-nazzjon tiegħu u naħseb li lkoll għandna nsellmu lil din il-persuna fil-politika għas-sinċerità, l-irġulija u s-servizz li tat għal pajjiżna. Jiena wkoll nitlob l-Iskrivan tal-Kamra biex twassal il-kondoljanzi b’mod formali lill-familjari tas-Sur Micallef, filwaqt li nirringrazzjahom li laqgħu l-istedina tagħna biex ikunu preżenti wkoll għal din il-kommemorazzjoni. (Onor. Membri: Hear, hear)
Ġie elett: | 31.03.1966 |
Ġurament tal-Ħatra: | 25.04.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: | 24.04.1971 |
Ġie elett: | 17.06.1971 |
Ġurament tal-Ħatra: | 16.08.1971 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.08.1976 |
Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Kummerċ, Industrija, Agrikoltura u Turiżmu
- 28.08.1971
Waqqaf: 31.08.1974 |
Ministru tal-Agrikoltura u Sajd - 01.10.1974 |
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976 |
Ġie elett: | 24.09.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ministru tal-Industrija Parastatali u tal-Poplu
- 24.09.1976
Waqqaf: 17.10.1978 |
Ministru tas-Sajd u Agrikoltura - 17.10.1978 |
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981 |
Ġie elett: | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 15.02.1982 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ministru tal-Agrikoltura u Sajd
- 19.12.1981
Waqqaf: 01.09.1983 |
Ministru tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali - 02.09.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987 |
Ġie elett: | 13.05.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Ġie elett: | 22.02.1992 |
Ġurament tal-Ħatra: | 04.04.1992 |
Xoljiment tal-Parlament: | 23.09.1996 |