Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr Daniel Micallef

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

TIFKIRA
TA’ DANIEL MICALLEF
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA

 

8 TA’ ĠUNJU 1928  - 9 TA’ DIĊEMBRU 2022

 

MEMBRU TAL-ASSEMBLEA LEĠIŻLATTIVA
bejn
IS-26 TA’ APRIL 1962 U L-20 TA’ SETTEMBRU 1966

 

MEMBRU TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
bejn
IL-21 TA’ SETTEMBRU 1964 U L-10 TA’ JANNAR 1966

IS-17 TA’ ĠUNJU 1971 U L-20 TA’ JANNAR 1992

 

SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
bejn

IL-15 TA’ FRAR 1982 U L-14 TA’ LULJU 1986

 

MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U L-AMBJENT
bejn
IL-15 TA’ LULJU 1986 U T-13 TA’ MEJJU 1987

 

Daniel Micallef


ĠURAMENT TA’ LEALTÀ
BĦALA
MEMBRU TAL-ASSEMBLEA LEĠIŻLATTIVA



L-EWWEL DISKORS
TA’ DANIEL MICALLEF
FL-ASSEMBLEA LEĠIŻLATTIVA
(KOSTITUZZJONI TAL-1961)

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 34
tat-Tlieta, 27 ta’ Novembru 1962
L-EWWEL LEĠIŻLATURA
L-EWWEL SESSJONI

 

NATIONAL ASSISTANCE (AMENDMENT) BILL, 1962

ABBOZZ TA’ LIĠI TAL-1962 LI JEMENDA L-ATT DWAR L-GĦAJNUNA NAZZJONALI

 

ONOR. DR D. MICALLEF: Mr Speaker, xtaqt nibda d‑diskors tiegħi billi nuri li naqbel għal kollox mal‑abbozz ta’ liġi li hawn quddiemna. Biss irrid nidħol mill‑ewwel fis‑suġġett li xtaqt nitkellem fuqu. Nibda biex nagħmel domanda biex mhux biss tiżdied ir‑rata ta’ assistenza minn numru sitta sa tmienja f’familja li hemm imniżżel fl‑abbozz tal‑liġi, jiġifieri li ż‑żieda ssir biss sa familja ta’ tmienja minn nies għaliex inħoss li dan mhux biżżejjed. Għaliex? Jien nifhem li familja li jkun fiha tmienja, disgħa jew aktar, hemm aktar raġuni għaliex dik il‑familja għandha jkollha żieda fir‑rati. Barra minn hekk, meta n‑numru tal‑familja huwa kbir, u dawn huma każi rari ħafna, ikun hemm aktar ċans li wieħed minn dik il‑familja kbira jkun wasal biex jibda jaħdem u hekk inaqqas il‑piż minn fuq il‑Gvern, u b’hekk jillimita dejjem in‑numru ta’ familji kbar intitolati għall‑assistenza.

Nixtieq ukoll nagħmel suġġeriment ieħor rigward il‑financial assessment mhux biss ta’ dawn il‑familji li ser jibbenefikaw minn din il‑liġi, imma ta’ kull financial assessment li jsir fil‑Welfare Office. Il‑Welfare Officer jistaqsi x’tippossjedi u meta xi ħadd jgħidlu li jippossjedi d‑dar li jkun joqgħod fiha, din id‑dar tiġi mnaqqsa bi żvantaġġ għal dak l‑individwu u jtellfu dik l‑għajnuna li f’ħafna każi, kif naf jiena bħala tabib, tkun tistħoqq lilhom bis‑sewwa, għaliex ikunu verament fqar. F’każ ta’ familja li tippossjedi d‑dar li joqogħdu fiha, jien inħoss li d‑dar ma għandhiex tiġi mnaqqsa u meqjusa bħala ħaġa ta’ lussu, bħala ħaġa li bniedem jista’ jgħaddi mingħajrha u li jista’ jbigħha u juża r‑rikavat.

Dan id‑diskors naf li sar minn Welfare Officers ma’ nies li jiġu wara jitkellmu miegħi. Jiena nħoss li din hija ħaġa li ma għandhiex tkun u nħoss li għandha tiġi meħuda inkonsiderazzjoni mill‑Ministru u għandha tiġi emendata l‑liġi f’dan ir‑rigward tal‑Means Test.

DR A. V. HYZLER: Agħmel emenda fil‑Kumitat.

ONOR. DR D. MICALLEF: F’waħda mid‑domandi li għamilt illum, jiena staqsejt jekk television set hux konsidrat li jtellef il‑benefiċċju tal‑assistenza. Qaluli “iva”. Illum ikoll nafu li television għandu valur edukattiv u għalhekk jiena npoġġi valur ta’ television set fuq l‑istess bażi ta’ meta wieħed jippossjedi librerija. Għaliex set tat‑television ukoll jagħti ċans biex wieħed jeduka ruħu f’ħafna rigwardi, u naħseb li l‑Onor. Dr G. M. Camilleri jista’ jweġibni għalih, għal dan l‑elezzjoni kienet viċina ħafna, u ċertament m’għandux jitqies bħala ħaġa ta’ lussu.

Nixtieq issa nsemmi l‑każ ta’ dawk li se jkunu assistiti għax sejrin jemigraw, speċjalment dawk il‑familji li ma għandhomx lanqas xogħol hawnhekk. Dawn in‑nies meta se jmorru f’art oħra u se jissugraw kollox billi jieħdu dan il‑pass mingħajr l‑ebda sigurtà li sserħilhom rashom, għandhom ikollhom dik is‑sigurtà li mhumiex sejrin ibatu. Hawnhekk ma nafx forsi kemm għandi raġun, imma nixtieq nagħmel suġġeriment lill‑Onor. Ministru biex jagħti “special” grants lil dawn in‑nies li sejrin jiġu assistiti u dan jista’ jservi ta’ inċentiv lil dawn il‑familji li hawn Malta ma jistgħux isibu xogħol u li għal xi raġuni jew oħra, jekk ma jeħdux dan il‑pass, ikunu kundannati biex jibqgħu jgħixu fl‑għaks hawn Malta.

Nidħol issa għal punt ieħor u nixtieq hawn ukoll nagħmel suġġeriment għar-rigward ta’ dawk il‑familji li sejrin, jew li             ̓l quddiem jistgħu, jiġu milquta mis-social assistance. Pereżempju jiena għandi wliedi nibgħathom fi skola privata. Tiġi diżgrazzja fil‑familja u l‑kap tad‑dar imut jew inkella b’xi diżgrazzja oħra l‑mezzi ta’ dik il‑familja jispiċċaw. Xi tkun il‑konsegwenza? Dik it‑tifla jew dak it‑tifel jew dawk it‑tfal li jkunu sa dakinhar tad‑diżgrazzja attendew skola privata, ma jkunux jistgħu jkomplu f’dik l‑iskola? X’jiġri? Għaliex hawnhekk nitlob lill‑Gvern li jikkonsidra f’każi simili l‑possibbiltà li tingħata jew għajnuna lil din it‑tifla jew tifel biex ikompli l‑iskola fl‑iskola privata, jew inkella din it‑tifla jew tifel jiġu mdaħħla fl‑iskejjel sekondarji tal‑Gvern. Qed nirreferi għall‑iskejjel sekondarji u mhux elementari.

ONOR. DR A. PARIS: S’issa ma kellix domandi bħal dawn. 

ONOR. DR D. MICALLEF: Qed nimmaġina l‑possibbiltà, speċjalment issa li ġejjin is‑sensji, tal‑bżonn ta’ dan li qed ngħid. Qed inġib quddiem għajnejja dawk il‑kapijiet ta’ familji li jkunu impjegati mas‑Servizzi, li forsi għamlu minn kollox biex iżommu ̓l uliedhom fi skejjel privati għax forsi ma kellhomx iċ‑ċans li jieħdu edukazzjoni fi skejjel tal‑Gvern. Forsi fl‑eżamijiet ma kellhomx ix‑xorti li jgħaddu u jidħlu fl‑iskejjel tal‑Gvern. Jista’ jkun hemm każi ta’ wieħed li jiġi discharged mix-xogħol wara snin li jkun ilu jibgħat lil uliedu fi skejjel privati u jsib fuqu l‑isfortuna tas‑sensji.

Bħala tabib jiena nara ħafna każi ta’ tfal immankati li jkunu fid‑djar; familji li fihom hemm każi ta’ mard fit‑tul u li għal xi raġuni jew oħra dawk il‑familji jkunu jixtiequ jżommu dak il‑membru tal‑familja li jkun immankat jew marid id‑dar u ma jibagħtuhx l‑isptar. Dak il‑membru ta’ dik il‑familja li tkun, li qiegħed id‑dar, ikun qed jiffranka lill‑Gvern man‑nofs lira kuljum. Il‑Ministru lili infurmani li dan li qed ngħid sejjer jiġi kkunsidrat f’Budget ieħor. Infaħħru ta’ dan. Hu assigurani li tingħata għajnuna lil familji bi tfal immankati. Bħala tabib jien naf b’xi sitta jew tmien każi. Hemm familji fejn hemm tnejn u tlieta mmankati f’dar waħda u dawn il‑familji ġieli talbu imqar ħaqq bott ħalib kuljum għajnuna, imma dan ġie lilhom miċħud. M’iniex qed nalludi għaż‑żmien li ilu hemm dan il‑Gvern.

X’jiġri jekk dawn il‑familji jibagħtu l‑morda tagħhom bil‑mard kroniku fl‑isptarijiet tal‑Gvern? Il‑Gvern ikollu joħroġ ferm aktar flus biex ikun jista’ jżomm dak in‑numru kollu fl‑isptarijiet. Għalhekk nara li din ħaġa ta’ min jagħmilha, għax anzi tkun qed tinkoraġġixxi lil dawn l‑istess familji biex ikomplu jżommu            ̓l uliedhom immankati magħhom id‑dar u mhux iwarrbuhom, mhux għax ikunu jixtiequ, imma għax ikunu kostretti mil‑lat finanzjarju.

Jien nifraħ mill‑ġdid lill‑Ministru tal‑pass li ħa meta ressaq din il‑liġi. Nirrepeti dak li qal il‑Leader tiegħi, li aħna sejrin nivvutaw favur din il‑liġi mhux għax aħna kuntenti b’din il‑liġi sa fejn tasal, għax ma nħossux li hija biżżejjed - u nixtiequ li darb’oħra jkun hemm passi aktar ̓il quddiem - imma għax inħossu li kull pass li jittieħed ̓il quddiem hu pass ta’ min ifaħħru.

Issa nagħmel appell ċkejken. Ilna f’din il‑Kamra seba’ xhur u ħassejtni dejjem ikkonfondut u intimidat, u għalhekk qatt ma xtaqt inqum nitkellem. Intimidat bl‑aġir ta’ ħafna mill‑membri li għandna hawn ġew, kemm mil‑lat tal‑Oppożizzjoni u kemm mil‑lat tal‑Gvern. Jiddispjaċini nisma’ t‑tgħajjir li jsir. Jiena forsi nista’ ma naqbilx mal‑aġir ta’ membru jew ieħor, ma naqbilx ma’ membru Laburista, imma jiena l‑membri ta’ din il‑Kamra nħares lejhom bħala kollegi tiegħi u nagħmel distinzjoni bejn dak li nara ħażin u dak li nara tajjeb.

Nispiċċa billi ngħid li jekk għandek tuffieħa bdiet titħassar ma tarmihiex kollha, imma tneħħi l‑ħażin minnha u l‑kumplament iżżommu. Meta aħna ma naqblux wieħed mal‑ieħor nagħmel appell biex, jekk jista’ jkun, nimxu b’mod aħjar. Dejjem ħassejtni diżorjentat u kważi stħajt li qiegħed ġewwa parlament fejn l‑imġiba ta’ ħafna mill‑membri mhix dik l‑imġiba li tintitolahom li jkunu hawn ġew. (Onor. Membri: Hear, hear). 

 

 

Ritratt ta’ inkwatru li jikkontjeni poeżija ta’ Dr Daniel Micallef bl-isem “Is-Sur ta’ Tfuliti” li ġiet iffirmata minnu fit-8 ta’ Ġunju 1982 wara li ġie mogħti l-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati fil-15 ta’ Frar 1982.

Dan l-inkwatru ġie mogħti lill-Uffiċċju tal-Ispeaker fejn baqa’ jinżamm tul dawn l-aħħar 40 sena.

Kondoljanzi (8 Ġun 1928 - 9 Diċ 2022)

Estratt mis-Seduta Parlamentari 71 tal-Erbatax-il Parlament tat-Tnejn id-19 ta' Diċembru 2022

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER: Skont il-ftehim milħuq, il-Kamra issa se tgħaddi għall-kondoljanzi wara t-telfa tal-eks Membru Parlamentari u eks Speaker tal-Kamra Dr Daniel Micallef li ħalliena l-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022. Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, meta jien kont attiv fil-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, il-bniedem li aħna konna nqisu bħala l-kumpass morali tal-Partit kien it-Tabib Daniel Micallef. Bir-raġun, għaliex Daniel kien bniedem ta’ prinċipju, kien bniedem ta’ valur u kien bniedem uman ħafna, imma kien bniedem rasu iebsa u ma tantx kien se jirnexxilek tbiegħdu minn xi valur jew xi prinċipju tiegħu.

Dan li qed insemmi kien iż-żmien ta’ qabel u ta’ wara l-elezzjoni ta’ Diċembru tal-1981. Kienet elezzjoni li ħalliet ħafna tensjoni fil-pajjiż għax għalkemm il-Partit Laburista kien ġab il-maġġoranza tas-siġġijiet, ma kienx ġab il-maġġoranza tal-voti. Kien hawn ċerta tensjoni u kien hemm ukoll il-fatt li d-deputati tal-Partit Nazzjonalista kienu ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu boycot fuq din l-Istituzzjoni, fuq il-Parlament. L-Ispeaker maħtur għal dik il-Leġiżlatura kien l-Onor. Daniel Micallef u dan minkejja li kien elett mal-Partit Laburista. Il-prinċipji tiegħu ta’ sodezza u ta’ dak li jemmen li huwa ġust urieh anke bħala Speaker f’dik il-Leġiżlatura diffiċli.

Minkejja, nerġa’ ngħid, li kien elett f’isem il-Partit Laburista, kien ġust u imparzjali ħafna fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Speaker. Fil-fatt nista’ ngħid li hu kien wieħed mill-persuni li kienu strumentali biex wara sitt xhur id-deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħu ħadu posthom fil-Parlament. Imbagħad eventwalment bdew it-taħditiet biex saret il-bidla fil-Kostituzzjoni li permezz tagħha daħal il-mekkaniżmu korrettiv tal-voti li bqajna nużawh anke għal elezzjonijiet oħra sussegwenti. Kieku ma kienx is-sens ta’ dak li huwa sewwa, ta’ dak li jemmen fih minkejja li l-Partit tiegħu seta’ kellu x’jitlef, kieku ma kienx għal Daniel Micallef, kieku x’aktarx dak il-ftehim qatt ma sar u l-istorja ta’ Malta kienet tkun differenti.

Daniel kien verament bniedem b’karattru li ma kienx ta’ konvenjenza imma ta’ konvinzjoni. Bħala eżempju se nsemmi fatt li ma tantx hawn nies li jiftakruh. Daniel Micallef kien elett l-ewwel darba fl-1962 mhux f’isem il-Partit Laburista. Dik l-elezzjoni għadha magħrufa sal-lum fl-istorja bħala l-elezzjoni tad-dnub il-mejjet, għax skont il-Knisja Kattolika ta’ dakinhar li tivvota lill-Partit Laburista kien dnub mejjet. Kien hemm moviment biex jippruvaw iżommu lil Mintoff milli jitla’ fil-Gvern u f’dak l-isfond kien nibet partit magħruf bħala l-partit ta’ Pellegrini, li huwa l-Christian Workers’ Party. Daniel Micallef ikkontesta għall-ewwel darba fl-1962 f’isem dak il-partit u kien elett minn fuq ir-Rabat. Però, għax Daniel kien jemmen verament fis-sewwa u għax ma ħassux komdu mal-leader ta’ dak il-partit, Pellegrini, wara sitt snin irriżenja mhux biss mill-partit imma anke minn deputat parlamentari. Kien tela’ fl-Assemblea Leġiżlattiva tal-1962, li mbagħad wara l-elezzjoni saret l-ewwel leġiżlatura tal-Parlament wara l-Indipendenza, imma għax ma ħassux komdu mal-partit tiegħu, Daniel Micallef mhux telaq il-partit u baqa’ jokkupa siġġu fil-Parlament, imma saħansitra telaq mill-Parlament. L-elezzjoni ta’ wara, jiġifieri dik tal-1966 ma kkontestahiex, imbagħad ikkontesta l-elezzjoni tal-1971 mal-Partit Laburista u baqa’ jitla’ għal elezzjoni wara l-oħra.

Sur President ,jiena semmejt diġà li kien Speaker matul il-leġiżlatura ta’ wara l-elezzjoni tal-1981. Lejn l-aħħar tal-leġiżlatura ta’ qabel l-elezzjoni tal-1987 kien ukoll Ministru tal-Edukazzjoni, il-Kultura u l-Ambjent. L-ambjent kien wieħed mill-affarijiet li kien iħobb Daniel Micallef.

Lil Daniel ma nafux biss mill-qrib bħala persuna fil-Partit u bħala politiku, imma nafu wkoll bħala pazjent. Darba dan Daniel daħħalha f’moħħu li jmur jgħum u jaqbeż minn fuq blata, u minflok ġie fil-baħar fond ġie fil-baħar baxx, lewa għonqu, u kien għamel perjodu ta’ ġimgħat fl-Isptar San Luqa. Jien kont għadni tabib żgħir naħdem mal-mibki Professur Anġlu Psaila - li nsellem minn hawnhekk il-memorja tiegħu wkoll - u Daniel kien pazjent tagħna. Matul dawk il-ġimgħat li kont immur narah ta’ kuljum u nqatta’ ftit ħin miegħu, kien jiġbidni lejh u jgħidli: Toqgħodx temmen dak li taqra fil-kotba, ħa ngħidlek l-affarijiet li trid tagħmel biex inti tfejjaq il-pazjenti. Daniel, li t-tfal tiegħi jafuh, kien iħobb juża ħafna affarijiet naturali. Pereżempju, kien qalli: Għall-feriti ħallik mill-creams, għax dawk bl-għasel trid tfejjaqhom. Kien qalli li jekk ikolli bżonn nuża garża naqbad pala tal-bajtar tax-xewk, naqsamha min-nofs, u nagħmilha fuq il-ferita. Ir-rimedju tal-pala tal-bajtar tax-xewk qatt ma użajtu. Ma nafx forsi Isabelle tagħmilx xi pala tal-bajtar tax-xewk fuq il-ferita meta jkollha xi ċesarja! Jiena qatt ma użajtha, però r-rimedju tal-għasel swieni ħafna. Meta jien eventwalment sirt kirurgu tat-tfal ftakart f’dan li kien għallimni Daniel. Kelli pazjent li kellu ferita li ma riedet tfieq b’xejn, u wara li fittixt ftit sibt li vera jekk titfa’ z-zokkor – mhux għasel – fuq ferita li ma tridx tfiq, iz-zokkor idub u s-saħħa li toħroġ minnu jfejjaq il-ferita. Din bqajna nużawha u għadhom jużawha sal-lum fis-sala tat-trabi. Din hija xi ħaġa li ġiet mill-għasel ta’ Daniel Micallef!

Apparti l-politika u l-ambjent u l-pazjenti tiegħu, naturalment Daniel kellu fuq kollox l-imħabba lejn il-familja. L-aħħar li żortu fil-Milied tal-2020 kien imdawwar bis-sebat itfal tiegħu li f’ħajjithom kollha għamlu suċċess u kollha huma ħbieb tiegħi. Marika, Denise, Isabelle, Bernardette, Mark, Paul u Daniel huma kollha nies tal-affari tagħhom u kollha jagħtu kontribut kbir lis-soċjetà tagħna, grazzi għall-valuri li ommhom Pauline u Daniel nisslu ġo fihom meta kienu għadhom tfal.

Sur President, jien ningħaqad ma’ sħabi ta’ din in-naħa tal-Kamra, u ċert li mal-membri kollha ta’din il-Kamra, biex nagħti l-kondoljanzi lill-familja, qraba u ħbieb tal-mibki Daniel Micallef. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien qrajt l-ewwel diskors li għamel il-mibki Daniel Micallef ġewwa l-Parlament. Meta taqra dan l-ewwel diskors, tifhem il-viżjoni li kellu dwar l-aspett soċjali mhux f’din il-leġiżlatura, imma f’dik tal-1962, qabel ma Malta saret indipendenti. Kienet viżjoni mhux tiegħu biss imma tal-politiċi Maltin ta’ dik l-era li kienu qegħdin ifasslu s-sisien ta’ Malta indipendenti. L-indipendenza mhux biss mill-aspett politiku imma wkoll dak personali. Din Daniel kien jemminha ħafna għax l-indipendenza personali twassal għall-iżvilupp tal-persuna. Proprju huwa dan li tkellem dwaru Daniel Micallef fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament fl-1962, liema diskors għandna hawnhekk f’idejna, diskors li għadu relevanti u validu anke għaż-żminijiet tal-lum.

Fi ftit kliem, Daniel Micallef fl-1962 kien qiegħed jinsisti fuq kwalità ta’ ħajja ġusta għall-poplu. Kien qed jitkellem fuq il-ġustizzja soċjali. Kien qed jitkellem fuq il-politika soċjali. Kien qed jenfasizza l-għajnuna obbligatorja li aħna rridu nagħtu lill-persuni vulnerabbli. Kien qed jitkellem dwar il-persuni b’abilitajiet differenti, il-persuni li għandhom bżonn l-appoġġ. Forsi kien qed jifhem ir-rabta li għandu jkun hemm bejn il-Gvern, l-awtoritajiet u l-entitajiet li tant jaħdmu f’dan is-settur.

F’dan l-ewwel diskors tiegħu, Daniel Micallef wera dak li kien jemmen fih. Tkellem dwar leħen lil dawk li ftit jistgħu jinstemgħu u vuċi lil min huwa vulnerabbli. Bla dubju, dan huwa messaġġ importanti saħansitra għalina lkoll illum. Daniel Micallef daħal fil-politika għal dan l-iskop, biex ikun ta’ servizz għall-vulnerabbli u huwa baqa’ sinonimu u marbut ma’ dan is-settur.

Kif qal id-Deputat Prim Ministru, Daniel serva wkoll bħala Speaker tal-Parlament bejn l-1982 u l-1986, perjodu ferm diffiċli fil-politika Maltija u perjodu diffiċli wkoll għall-ħidma parlamentari. Iżda proprju fl-ewwel diskors tiegħu fl-1962, huwa wassal messaġġ ieħor importanti. Il-politiku dak iż-żmien ġdid, Daniel Micallef, kien qed iħossu kkonfondut u anke intimidat li jqum jitkellem fil-Parlament minħabba l-atteġġjament ta’ diversi membri fil-Kamra. Jgħid ukoll li kważi jistħi bil-komportament ta’ ċerti deputati fil-Parlament. Kemm huwa messaġġ importanti għalina l-politiċi u messaġġ li jibqa’. Aħna rridu nsaħħu l-ispazju lill-politiċi l-ġodda li jkollhom l-entjużjażmu neċessarju biex ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma politika. F’dan l-ewwel diskors tiegħu Daniel Micallef kien qed juri li hu kien lest jiġġieled għad-dinjità tal-Parlament, għar-rispett lejn din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Dan huwa diskors li bla dubju għadu relevanti anke għal-lum. Jagħmel appell li jien ukoll ningħaqad miegħu: Ejjew ilkoll kemm aħna naħdmu biex il-Parlament ikun l-aqwa pjattaforma tad-demokrazija, Parlament li l-poplu Malti jħares lejh bħala t-tarka tad-drittijiet tiegħu.

F’isem il-grupp parlamentari Nazzjonalista, f’isem il-Partit Nazzjonalista, f’isem ukoll il-poplu Malti u Għawdxi, insellem il-memorja ta’ Daniel Micallef li ta servizz lill-poplu Malti, lil dan il-Parlament, imma wkoll bla dubju lill-politika. Filwaqt li nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, ejjew ilkoll nibqgħu nitgħallmu minn kull persuna li ħadmet fil-politika u żgur li ħalliet ħafna ġid warajha. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Insellem lill-familjari kollha ta’ Daniel Micallef li huma preżenti hawnhekk. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti li twasslu f’din is-seduta tal-lum mid-Deputat Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Nixtieq ngħid li fil-ktejjeb li għamilt referenza għalih inti, Onor. Kap tal-Oppożizzjoni, hemm ukoll ritratt ta’ inkwatru li fih poeżija li Dr Daniel Micallef kien kiteb. Hija intitolata: ‘Is-Sur ta’ Tfuliti’ u ġiet iffirmata minnu meta sar Speaker tal-Kamra fit-8 ta’ Ġunju 1982. Dan l-inkwatru ilu mwaħħal fil-binja tal-Parlament - anke f’din il-binja stess, fejn wieħed jista’ jarah – għal dawn l-aħħar 40 sena. Irrid ngħid li din il-poeżija ħassejt li għandi nagħmel referenza għaliha għaliex meta taqraha joħroġ il-karattru tal-mibki Dr Daniel Micallef. Fil-poeżija hemm riflessjoni dwar il-mixja tal-ħajja u r-riflessjonijiet tal-ħajja tiegħu. Jien nixtieq li naqra l-aħħar strofa ta’ din il-poeżija għaliex kif jgħidu bl-Ingliż, it says it all:

“Kien baqa’ biss xħin sebaħ
Dak li jien issa fid-dawl qed nara,
Kif fi tfuliti niftakar sabiħ.
Erġajt mill-ġdid inħossni sirt tfajjel.
Ara għadhom hemm l-għasafar, jgħannu.
Hemm il-bufula, hemm il-kappara,
U l-irziezet rieqda mkenna minn ġmielek
U qalbi għadha tħabbat
Bħal meta ċkejken ixxabbatt miegħek.
Iż-żmien m’hu xejn għalik u għalija.”

Meta jien kont tifel żgħir missieri kellu spiżerija l-Imġarr u niftakar lit-Tabib Daniel Micallef bħala tabib kariżmatiku li jħobbu kulħadd. Kien imur fil-villaġġi jara n-nies. L-ewwel darba li ltqajt miegħu kien meta, kellem lil missieri fuq xi riċetta jew fuq xi mediċina, għax dak iż-żmien il-mediċina kienu jħalltuha fl-ispiżerija stess u jaraw liema doża għandek tagħmel, eċċ. Dan niftakru tajjeb.

Naf li kien persuna deċiża u kull meta kien jgħid xi ħaġa kien ikun jaf x’inhu jgħid. Ma kienx joqgħod jiċċaqlaq. Niftakru ftit ukoll meta dħalt fil-politika għax kelli x-xorti niltaqa’ miegħu hemmhekk ukoll.

Minn hawnhekk ningħaqad magħkom u nwassal il-kondoljanzi lill-familja kollha. Se ngħid lill-Iskrivan tal-Kamra biex jibgħat id-diskorsi li saru llum għal din l-okkażjoni lill-familjari ta’ Daniel Micallef. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Ta r-riżenja tiegħu mill-Partit: - 10.01.1966
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Karigi
President tal-Kamra tad-Deputati
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992