TIFKIRA TA’ GEORGE HYZLER FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
20 ta' Jannar 2011
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-22 ta’ Frar 1962 u s-17 ta' April 1995
George Hyzler
L-EWWEL DISKORS TA’ GEORGE HYZLER FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 61 TAL-ERBGĦA, 10 TA’ APRIL 1963 ASSEMBLEA LEĠISLATTIVA
ONOR. GEORGE HYZLER: Mr Speaker, nieħu din l-okkażjoni tal-money bill biex nagħmel il-maiden speech tiegħi u nispera, peress li ma baqax wisq ħin, li nkun nista’ nkompli f’seduta oħra billi nkun għadni in possession of the House.
Xtaqt nibda billi ngħid xi haġa fuq dawk l-affarijiet l-aktar li jolqtuni u l-aktar li nisimgħu lmenti fuqhom fil-professjoni tiegħi bħala tabib. Waħda minn dawk l-affarijiet li nisimgħu tgergir fuqha hija l-għoti ta’ mediċini b’xejn mill-Isptar Ċentrali. Fl-antik, il-mediċini kienu jiġu mogħtijin biss lill-fqar tal-irħula fil-bereġ, u dawn il-mediċini kienu ftit ħafna u limitati għal xi ftit dlik, mistura tas-sogħla u tajjar. Meta l-mediċini b’xejn bdew jingħataw mill-Isptar Ċentrali l-pożizzjoni tjiebet ħafna però l-ilmenti baqgħu ħafna. Baqa’ ħafna affarijiet x’jirranġaw. Ngħid li l-pożizzjoni tjiebet l-għaliex filwaqt li qabel il-mediċini kienu jistgħu jiġu preskritti biss mid-District Medical Officers issa, barra li dawn il-mediċini żdiedu, qegħdin jiġu preskritti mit-tobba kollha. Fl-opinjoni tiegħi, waħda mill-affarijiet li għandha bżonn tiġi rranġata mill-aktar fis hi t-telf ta’ żmien li jintilef meta xi ħadd imur iġib il-mediċina mill-isptar. In-numru ta’ ġranet li fih jistgħu iġibu dawn il-mediċini huwa ftit wisq, fix-xitwa hemm xi sitt nofs ta’ nhari u fis-sajf hemm xi erbgħa biss. Dan in-numru ta’ ġranet għal dawk il-folol ta’ nies li jkun hemm biex iġibu l-mediċini huwa ftit wisq u biex wieħed jieħu l-mediċina jrid jitlef nofs ta’ nhar. Billi ż-żmien ikun qasir u l-ispiżjara jkunu jridu jlaħħqu ma’ dik il-folla li jkun hemm, mhux l-ewwel darba li saru żbalji u tingħata mediċina b’oħra. Dan qiegħed ngħidu għax ġew nies għandi u wrewni l-mediċini li jkunu kompletament differenti minn dak li nkun ktibtilhom.
ONOR. VINCENT MORAN: Mr Speaker, mhux biex ninterrompih …
ONOR. MEMBRU: Ħallih jitkellem. Dan il-maiden speech tiegħu.
ONOR. VINCENT MORAN: Naħseb li l-Onor. Dr Hyzler jaf li mhux l-ewwel darba li n-nies jaqbdu u jieħdu l-mediċini huma.
ONOR. GEORGE HYZLER: Dana veru li qiegħed jgħid l-Onor. Dr Moran, però jiena naċċertah li mhux l-ewwel darba li l-ispiżjara taw mediċini bi żball. Jiena kelli każ fejn ordnajt mediċina Progesterone 25 mgm, u dawn, għaliex raw “25mgm”, f’rashom immedjatament ġiethom Testosterone 25mgm u tawhom din flok l-oħra. L-Onor. Ministru jaf li waħda hija totalment differenti mill-oħra.
ONOR. PAUL BORG OLIVIER: Jiena naħseb li l-Onor. Dr Hyzler jaqbel miegħi illi kieku flok erba’ spiżjara kien hemm għoxrin, u flok kien hemm mitt ruħ kien hemm wieħed, l-ispiżjar xorta jista’ jieħdu l-iżball, il-għaliex dan żball lapsus u mhux għax minħabba l-għaġla ma qarax ir-riċetta sewwa.
ONOR. GEORGE HYZLER: Imma meta inti mgħaġel, iktar tista’ tieħu żball. Jiena mhux qiegħed nipprova nallarma l-pubbliku li l-ispiżjara jieħdu l-iżbalji imma qiegħed nipprova nagħmel kritika, kemm jista’ jkun kostruttiva, biex kemm jista’ jkun jiġu evitati l-iżbalji.
Ilment ieħor huwa li n-nies ta’ spiss imorru l-Isptar Ċentrali biex iġibu l-mediċini kif ikunu preskritti mit-tabib u ma jsibux minnhom. Dan jiġri l-għaliex it-tobba ma jiġux avżati, minn żmien għal żmien, b’lista tal-mediċini li jkollhom in stock. Ilment ieħor hu li l-kwantità ta’ mediċina li tiġi mogħtija lin-nies tkun inqas minn dik li tiġi preskritta lilhom, u dawn in-nies ikollhom jibqgħu mingħajr mediċina għal ħafna ġranet il-għaliex ma jkollhomx minn fejn jixtruha. Aħna ġieli nippreskrivu mediċina illi sservihom għal xahar u jekk jagħtuhom anqas, dawn jew iridu joqogħdu mingħajrha jew inkella jridu jixtruha minn buthom.
Mr Speaker, f’wieħed mid-diskorsi li għamel l-Onor. Pellegrini kien qal li l-Gvern biex jiffranka qed jagħti xi Procaine penicillin Iżraelit li huwa ordinarju u li mhuwiex tajjeb. Jiena ma naħsibx li l-Onor. Pellegrini kien qiegħed jgħid hekk biex jipprova jippanikkja lin-nies. L-Onor. Membru wasal għal din il-konklużjoni mhux il-għaliex analizzah, iżda għax dan sema’ illi dan il-penicillin jagħqad fil-labar. Naċċerta lill-Onor. Pellegrini illi min tah l-informazzjoni ma tahielux tajba, jew inkella min tah din l-informazzjoni m’għandux prattika biżżejjed li juża dan il-penicillin. Kull penicillin jista’ jagħqad fil-labra jew il-għaliex min jużah ma jagħmilx ilma distillat biżżejjed jew inkella min jagħmlu ma jkunx ħafif biżżejjed. U din semmejtha l-għaliex lill-Onor. Pellegrini kont għidtlu mill-ewwel li din tista’ titfa’ dell ikrah fuq il-Gvern li donnu qiegħed jagħti prodotti ħżiena biex jiffranka.
U fl-aħħarnett, waqt li qiegħed nitkellem fuq il-mediċini, nitlob biex, kemm jista’ jkun, isir aktar kontroll fuq il-mediċini li jingħataw fil-bereġ. Dawn il-mediċini huma intenzjonati biss għal min ma jistax iħallas. Jiena jidhirli li dawn il-mediċini, eccetto l-insulina, li l-Onor. Dr. Borg Olivier għamel pass kbir li beda jagħtiha mill-bereġ, huma żejda.
MR SPEAKER: Ninforma lill-Onor. Membru li sar il-ħin.
ONOR. GEORGE HYZLER: Inkompli darb’oħra.
Ikompli f’Seduta 62 tal-Erbgħa, 17 ta’ April 1963
MR SPEAKER: The Hon. Dr George Hyzler is in possession of the House.
ONOR. GEORGE HYZLER: Mr Speaker, l-aħħar darba kont qed ngħid li hemm bżonn isir kontroll fuq l-għoti tal-mediċini mill-bereġ il-għaliex milli jidher dawn il-mediċini qegħdin jiġu mogħtija lin-nies li jistgħu jħallsu. Il-fatt hu li l-karta roża, jiġifieri dik il-karta li turi li biha tkun tista’ tmur tieħu l-free drugs, mhux qed tiġi murija qabel ma tiġi mogħtija l-mediċina, u l-fatt li fuq din il-karta ma tinkitibx il-mediċina li jagħtuhom iġiegħelni nissuspetta li dawn il-mediċini mhux qed jagħtuhom lin-nies li huma intitolati għal free drugs.
La darba qiegħed nitkellem fuq il-bereġ ser ngħaddi fuq suġġett importanti ħafna li nixtieq li neħduh aktar bis-serjetà. Din tirrigwarda l-pożizzjoni ħażina li jinsabu fiha dawn il-povri dijabetiċi, li għaliex ma jkollhomx minn fejn iħallsu jkollhom ta’ kull filgħodu jmorru fil-berġa biex jieħdu l-injection tal-insulina. Jiġri li f’ċerti ġranet il-bereġ, jew għax ikun il-Ħadd jew għax tkun festa, ma jiftħux u allura dawn il-poveri dijabetiċi jkollhom jgħaddu mingħajr l-injection. Jiġri wkoll li kultant ma jkunx hemm morning session u dawn id-dijabetiċi jmorru jieħdu l-injection wara l-ħamsa ta’ wara nofsinhar li huwa ta’ perikolu kbir għalihom il-għaliex jistgħu jmorru f’coma bil-lejl. Jien nissuġġerixxi li parti mill-bereġ isiru diabetic centres, u dawn jinfetħu kull filgħodu anke fil-Ħdud u fil-festi. L-Onor. Ministru tas-Saħħa dan l-aħħar ħa ħsieb dawn id-dijabetiċi billi fetaħ diabetic clinic ġo St Luke’s Hospital. F’din il-clinic qiegħed isir ix-xogħol kif suppost isir, però bir-rata ta’ għaxra fil-ġimgħa m’aħna sejrin nispiċċaw qatt. Jiena nixtieq, anzi dan qiegħed nagħmlu bħala suġġeriment, li tinfetaħ diabetic clinic bħal dik li hemm St Luke’s ġo Victoria Hospital, Għawdex.
F’wieħed mill-istatements li għamel dan l-aħħar l-Onor. Ministru tas-Saħħa, u li ġie rrapportat fit-“Times of Malta” u fir-“Review”, qal li l-persentaġġ tad-dijabetiċi ġo Malta huwa l-ogħla fid-dinja. Għalkemm in-numru eżatt mhux magħruf il-għaliex din il-marda mhijiex notifikata bħal mard infettiv, jiena naqbel miegħu li l-persentaġġ tad-dijabetiċi huwa għoli ħafna u li huwa l-akbar problema medika li għandna fi żmienna. Jiena nispera li kif drabijiet oħra kellna problemi kbar ta’ mard ieħor, bħalma huwa d-deni irqiq, u rnexxielna nilqgħu għalih, hekk ukoll inkomplu nagħmlu mill-aħjar biex din il-marda nikkontrollawha aktar. Jiena nixtieq li l-Onor. Ministru jara kif jagħmel biex isir survey sabiex ikollna n-numru eżatt tad-dijabetiċi. Nitlob ukoll, li billi din il-marda hija marda kronika u tirrikjedi dieta speċjali u mediċini, irrispettivament jekk jistgħux iħallsu jew le, lil dawn in-nies nagħtuhom facilities aktar, bħalma huma l-eżami tad-demm u mediċini b’xejn.
Waqt li qiegħed nitkellem fuq il-Ministeru tas-Saħħa nixtieq nitlob lill-Onor. Ministru li jsib ir-raġuni l-għaliex l-incidence of infectious diseases hija daqshekk għolja ġo Ħal-Qormi. Fl-aħħar rapport li ġie ppubblikat fl-1960, f’paġna 30, insibu li minn 117-il każ tat-TB li ġew irrapportati f’dik is-sena, kien hemm 10 minn Ħal-Qormi; minn 42 każ tat-tifojde kien hemm 10 minn Ħal-Qormi; u minn 68 każ tal-ġidri r-riħ kien hemm 46 minn Ħal-Qormi.
Nitlob lill-Onor. Ministru tas-Saħħa, il-għaliex dalgħodu inkwetajt ħafna, li jara kif jagħmel biex jeqred dak il-ħmieġ li hemm ġo St Luke’s Hospital li qed jiġi kkaġunat min-nugrufun. Dalgħodu mort l-isptar għall-ħabta ta’ nofsinhar u mal-bitħa kollha u anke fl-entrata kien hemm bċejjeċ tan-nugrufun mal-art. Dan in-nugrufun imur mas-saqajn u allura jirrendi l-isptar kollu maħmuġ.
Issa ngħaddi biex ngħid xi ħaġa fuq it-turiżmu. Kulħadd jirrealizza li t-turiżmu sejjer ikun ta’ importanza kbira għall-għajxien ta’ Malta u la darba huwa hekk, jidhirli li qabel ma nipprovaw nattiraw it-turisti naraw kif nagħmlu biex nirranġaw lil pajjiżna. Dan, Mr Speaker, ma jfissirx li biex nirranġaw lil pajjiżna rridu ta’ bilfors nibnu postijiet ġodda. L-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu huwa li nirranġaw dak li għandna, jiġifieri¸ nirranġaw it-toroq, il-lukandi, il-beaches u nibżgħu għall-monumenti li għandna. Mr Speaker, f’dan iż-żmien kollu li ilna taħt il-bandiera Ingliża n-numru ta’ monumenti ftit li xejn żdiedu, u kultant nasal biex niskanta u ngħid: “X’kien ikollna nuru lit-turisti kieku konna dejjem kolonja Ingliża?” F’dawn il-mija u tlieta u sittin sena, il-lista tal-monumenti żdiedet biss għal xi monument għal xi baħri jew suldat Ingliż, bħalma hu dak ta’ Ball fil-Barrakka t’Isfel u dak tar-Royal Air Force li hemm barra Putirjal. Jekk l-Ingliżi għamlu xi bini, għamluh għall-iskop tagħhom, bħalma huwa s-St Paul’s Cathedral li qiegħed quddiem l-Auberge. Mr Speaker, digà għidt li hemm bżonn nibżgħu għall-monumenti li għandna u ma nħalluhomx jiġu distrutti jew li jsir fihom xi att vandalu, bħalma kellna dan l-aħħar fil-każ tal-Palazz tal-Inkwiżitur, magħruf bħala l-Palazz tal-Girgenti. Minn dan il-palazz insterqu ħafna bibien u twieqi. Dawn il-bibien u t-twieqi nsterqu minn nies vandali, mhux għall-ħaġa oħra ħlief jew biex jagħmlu użu minnhom jew biex isarju bihom.
Nistaqsi lill-Onor. Ministru tal-Edukazzjoni jekk teżistix lista dettaljata tal-monumenti antiki u ta’ tempji preistoriċi ta’ Malta u Għawdex u jekk din il-lista ma teżistix, nitolbu biex jagħmel mill-aħjar biex din il-lista tiġi stampata u tiġi ppubblikata.
Ftit xhur ilu jien ġejt informat minn persuna illi ħdejn Manoel Island, il-Gżira, hemm xi katakombi li kien ġie midfun taħt il-bini. Jiena mort mad-Direttur tal-Mużew fuq il-post però ma stajniex insibu d-dħul tiegħu. Li l-katakombi kienu jeżistu hija ħaġa ċerta għaliex dan ġie deskritt minn Caruana fil-ktieb tiegħu, u hawnhekk għandi l-pjanta tiegħu stess. Billi ma teżistix lista, anke ta’ dawn il-monumenti żgħar u katakombijiet, qed jiġri li biż-żmien dawn qed jintnesew u jintilfu.
Jien nerġa’ nistaqsi, x’qed nagħmlu biex nibżgħu għal dawn il-monumenti, fosthom Ħaġar Qim u t-tempji preistoriċi li jinsabu mingħajr ħajt madwarhom. Is-Salini hemm katakombi illi tidħol fihom minn ġo ħofor ġo għalqa. Dawn ukoll ma għandhomx ħajt biex iħarishom.
X’qed nagħmlu? Il-mitħna ta’ Ħal Safi qiegħda fi stat ħażin ħafna u ma ndumux ma narawha taqa’ minħabba l-istat ħażin ħafna li tinsab fiha. Biex nirranġawha hemm bżonn is-somma ta’ £800, u jiena nispera illi l-Gvern isib xi mod kif iwarrab din is-somma biex insalvawha. Jiena naf li l-pożizzjoni finanzjarja ta’ Malta ma tippermettix li jsir kollox f’daqqa, imma forsi ‘l quddiem ir-ranġar neċessarju jkun jista’ jsir.
Dan l-aħħar fil-Budget ħadt gost nara illi hemm maħsub £13,900 biex jiġu rranġati s-swar tal-Imdina. Wara li dawn jiġu rranġati, jien nispera illi jiġi wkoll rranġat u salvat il-Connaught Hospital, illi fl-opinjoni tiegħi huwa post adattat ħafna biex jintuża bħala a natural history and folklore museum u bħala a war museum.
Barra s-swar tal-Imdina, jiena nixtieq li kieku l-Gvern isib mnejn iġib xi ftit tal-flus biex anke jsewwi s-swar tal-Belt, Valletta u s-swar tat-Tlett Ibliet.
Wara li nirranġaw pajjiżna b’dan il-mod, għandna nipprovaw inpoġġu lil Malta fuq il-mappa tat-turisti. Dan jista’ jsir permezz ta’ films u ta’ pamphlets f’diversi lingwi, bħalma huma l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Ispanjol. Darba kien hemm talba minn xi aġent tal-vapuri biex isiru pamphlets bl-Ispanjol imma dawn ma sarux. Mhuwiex l-ewwel darba li kien hawn turisti Spanjoli għaliex ġieli daħlu vapuri Spanjoli bħalma daħlu s-San Rocco u s-San Vincent u vapuri oħrajn Spanjoli. Ikun hawn turisti Spanjoli illi jinteressaw ruħhom li jżuru Malta.
Importanti li min ikun inkarigat jagħmel il-pamphlets għall-anqas għandu jkun jaf sewwa l-lingwi. Jiena minix qiegħed ngħid xi ħaġa ridikola. Ftit ta’ żmien ilu kienu ġew pubblikati xi pamphlets bil-Franċiż u bit-Tedesk, u dawn il-pamphlets kienu ġew mibgħuta lil xi aġenzija barra minn Malta. Jien iddubbajt waħda minn dawn il-pamphlets u wrejtha lil wieħed Franċiż u eżaminatur tal-Franċiż. Huwa baqa’ skantat bil-ħmerijiet u bl-iżbalji li dan il-pamphlet kien fih. Kien hemm ‘il fuq minn ħamsin żball f’dak il-pamphlet. Dan il-pamphlet irridikolana. Wara li daħħakna n-nies bina, il-pamphlets ġew irtirati. Il-Ministru konċernat għandu jara illi min huwa responsabbli jħallas biex isiru pamphlets ġodda.
Meta aħna nġibu t-turisti Malta, aħna għandna ntuhom lukandi deċenti u servizz tajjeb bi prezz raġunat. Lill-Onor. Ministru tat-Turiżmu jiena kont għamiltlu d-domanda 990 li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-hotels. Ir-risposta illi huwa tani hija din:
“Il-Malta Government Tourist Board ġieb hawn Malta espert, li huwa s-Sur H. E. Hills, C.B.E., id-Deputy Director tal-British Hotels and Restaurants Association.
F’konsultazzjonijiet li Mr Hills kellu mat-Tourist Board kif ukoll mal-Malta Hotel Association ġie deċiż li, minħaba l-istat preżenti tal-lukandi f’Malta u Għawdex, ma kienx possibbli li tiġi segwita klassifikazzjoni formali bħal dik li topera f’ċentri turistiċi żviluppati ...”
Qalli wkoll illi kellha ssir lista dettaljata “tal-lukandi skond il-lokalità u l-prezz li jiċċarġjaw u indikazzjoni tal-faċilitajiet li l-lukanda toffri; per eżempju garage u parking areas, lift, cocktail bar, night porter, xatt privat, ġonna, swimming pool, eċċ, eċċ,”.
Il-hotel survey ġie stampat u huwa preżentat tajjeb hafna, però jiena ċert illi ħafna mill-facilities illi huma mniżżlin f’din il-lista tal-hotels ma jeżistux. Dan il-fatt narah illi huwa agħar mil-lat turistiku għax jagħmel reklam ħażin.
Is-sena l-oħra jiena kont f’lukanda Marsalforn li għandha nofs qamar imniżżel fuq din il-lista, jigifieri li hemm issib night porter, b’dankollu meta mort inħabbat domt minn għoxrin minuta sa nofs siegħa sakemm tal-lukanda fetħuli. Jien ċert illi l-istess hotel li jiena mort fiha m’għandhiex il-private beach illi hawn imniżżel f’din il-lista. Għalhekk jiena jidhirli illi l-Gvern għandu jagħmel iktar kontroll biex jara illi dik l-informazzjoni illi hemm imniżżla fil-lista tkun vera u l-amenities verament jeżistu, u jkunu ta’ standard għax altrimenti jkun wisq aktar ta’ ħsara mill-lat turistiku.
Waqt li jiena qiegħed nitkellem fuq it-turiżmu ma nistax ma nsemmix xi ħaġa fuq il-beach concessions. Milli jidher la darba l-concession tkun ingħatat, l-awtoritajiet iħalluhom jgħassdu huma. Jiena wkoll skantajt bil-miżerja ta’ ċerti concessions, qed nalludi speċjalment għal concession ta’ ħdejn il-Fortizza ta’ Għar id-Dud, tas-Sliema. Nilmenta wkoll mill-atteġġjament ta’ ċerti nies. Ġurnata waħda jiena kont għaddej minn hemm u rajt erba’ teddy boys. Kien hemm xi ftit tan-nies fil-concession u dawn it-teddy boys bdew ikantaw u jsaffru lil wieħed li suppost kien qed ikanta ġol-concession. Jiena ċert illi kieku dan l-inċident ġara barra minn Malta, il-manager kien jaqbad lil dawn it-teddy boys u jew jixħethom il-baħar jew inkella ma jħallihomx jirridikolaw il-post, li għaliha lanqas ħaqqu l-isem ta’ beach concession.
Nixtieq nikkommenta fuq in-numru tan-neon signs illi kulma jmur qed jiżdied fit-toroq tagħna. In-neon signs, barra milli huma dekorattivi ħafna, huma wkoll il-ħajja tat-toroq bil-lejl. Hemm bżonn nammettu illi mingħajr in-neon signs it-toroq bil-lejl huma mejta. Dan l-aħħar, rappreżentant tal-Alitalia talab lill-Bord tal-Estetika biex iwaħħal neon sign tal-Alitalia fuq in-naħa ta’ barra tal-arkati ta’ Kingsway Palace. Il-Bord tal-Estetika, illi għad għandu l-ideat ta’ żmien il-Kavalieri, irrifjuta l-permess għax qalu illi n-neon sign iħassar is-sbuħija tal-inħawi u jagħmel għajb lill-bini stess. Jiena naħseb illi kienu jkunu iktar loġiċi kieku qalu l-istess meta taw permess illi jitwaħħlu neon signs ma’ xi post storiku bħalma huma l-Auberges. Meta taw permessi biex jitwaħħlu neon signs tal-B.E.A., Triang Railways, Olivetti, eċċ., mal-Auberge de Provence ma dehrilhomx li dawn is-signs qed iħassru s-sbuħija tal-inħawi?
Għad-domanda li għamilt lill-Ministru, dan qalli li n-neon signs li hemm mwaħħlin mal-Auberge de Provence ġew imwaħħla bl-approvazzjoni tad-Direttur tal-Mużew. Jien ċert li din ir-risposta mhijiex eżatta, anzi, biex inkun preċiż ngħid li mhux veru li qallu hekk. Ngħid ukoll li mhuwiex id-Direttur tal-Mużew li għandu jindaħal f’dawn l-affarijiet għaliex id-Direttur tal-Mużew ikun qed jirrappreżenta lill-Antiquities Committee u quindi l-approvazzjoni trid tkun tal-Antiquities Committee. Ngħid aktar li mhux veru li ġiet mogħtija l-approvazzjoni li jitwaħħlu dawn in-neon signs mal-Auberge de Provence għaliex l-Antiquities Committee stess talab li dawn in-neon signs jitneħħew sal-1965. Fl-aħħar biċċa tal-istess domanda li għamiltlu, l-Onor. Ministru qalli li n-neon signs ġew modifikati skond kif talab l-Antiquities Committee. Nerġa’ ngħid li mhux veru dan li qalli għaliex id-disinn oriġinali tan-neon signs tal-B.E.A. kien kbir u baqa’ kbir avolja l-Antiquities Committee ordna li jsiru iżgħar għax ma japprovax li jitwaħħlu ta’ dak id-daqs. Nerġa’ ngħid li ma nistax naqbel mad-deċiżjoni tal-Aesthetics Board li jirrifjuta li jiġu mwaħħla neon signs ma’ Kingsway Palace, għal żewġ raġunijiet. Waħda għaliex Kingsway Palace mhuwiex post storiku, u t-tieni ħaġa għaliex din il-parti ta’ Strada Reale hija aktar mudlama min-naħa ta’ fuq fejn hemm aktar neon signs.
Qabel ma nispiċċa nixtieq ngħid xi ħaġa fuq il-ħames distrett u partikolarment fuq Ħal-Qormi li l-amministrazzjonijiet ta’ qabel ftit kienu ġenerużi miegħu. Ilu jinħass il-bżonn li f’Ħal-Qormi tinfetaħ triq li tagħti għan-naħa ta’ ġewwa tar-raħal biex b’hekk jiġu evitati dawk it-traffic jams li aħna, li noqogħdu hemmhekk, niltaqgħu magħhom kuljum, dawk it-traffic jams f’High Street li kultant jieħdu ħafna ħin biex jirrisolvu ruħhom. Hemm bżonn li jitneħħew xi kantunieri u bini li qegħdin jostakolaw it-traffiku, hemm bżonn li jinteħħew dawk id-djar li hemm fil-ġenb ta’ Frederick Maempel Square u meta jitneħħew tista’ titkompla l-pjazza u tista’ titkompla wkoll it-triq bejn Cardinal Sciberras Street u School Street. Hemm bżonn ukoll li jitneħħew dawk id-djar li hemm quddiem il-knisja l-ġdida ta’ San Bastjan u hemm bżonn li jitneħħew il-kmamar tal-kenniesa.
Hija wkoll xewqa ġenerali li ġewwa Ħal-Qormi jsir football ground imdawwar b’cycling track fil-limiti taż-żewġ parroċċi biex ma jkunx hemm kwestonijiet li għamilniha ‘l hawn jew għamilniha ‘l hemm; għandu jsir preferibilment fejn ġie magħżul mis-soċjetajiet li huma interessati f’dawn l-isports.
Nixtieq ukoll nitlob lill-Onor. Ministru Caruana – li xtaqtu kien hawn – ħalli jestendili l-mains tal-ilma speċjalment f’Aloiso Street u Valley Road. Alleys 2, 3 u 4, u Wied it-Tiġieġ.
Fl-aħħarnett nitlob lill-Gvern li jkompli jipproteġi l-industrji lokali, lil dawk l-industrji li ġa taw prova ta’ suċċess u dawk li qatt ma talbu jew kellhom grants. Jiena jidhirli li sakemm il-prodott lokali jkun ta’ standard tajjeb għandu jiġi protett. Ma nistax nifhem għaliex ma jsirx ban jew quota fuq ċerti prodotti li jiġu minn barra, per eżempju s-CO2 (li huwa carbon dioxide) hu manufatturat minn impjant modernissimu u kemm dan il-prodott, u kemm il-prezz tiegħu, jipparagunaw tajjeb ħafna mal-prodott important minn barra. Għalkemm il-prodott hu tajjeb u għalkemm il-prezz tiegħu hu konvenjenti, minn dan il-prodott ġie importat b’kemm jiswew £6,846 fl-1956; b’kemm jiswew £6,477 fl-1959; b’kemm jiswew £6,995 fl-1960 u b’kemm jiswew £6,956 fl-1961. Dawn iċ-ċifri huma meħudin mill-istatistical abstract pubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika. Minn dan jidher li għalkemm id-dazju tbiddel fl-1961, dan ma kellux l-effett mixtieq. Dan il-prodott illum qed jiġi esportat għall-Libja u qed jitolbuh il-bottlers kollha, ossija l-maġġoranza tagħhom, biex inkun eżatt, inklużi tal-Pepsi Cola. Qabel, dawn il-bottlers kienu qed jieħdu dan il-prodott mill-Italja.
Ħag’oħra. Ma nistax nifhem għaliex waqt li ġie mneħħi d-dazju fuq il-materja prima għall-powder detergents li jsiru hawn Malta, id-dazju fuq il-liquid form li jsir ukoll hawn Malta, ġie awmentat, di più, meta nafu li l-liquid form detergent hu superjuri għal powder. Hawn sejjer nikkwota estratt mit-“Time and Tide” tas-7 ta’ Marzu fejn jgħid li l-“Washing-up liquids have completely outstripped powder detergents and hard soaps.”
Nagħlaq billi nitlob lill-Ministru tal-Industrja jieħu dawn il-punti in konsiderazzjoni u b’hekk ikompli jipproteġi l-industrija Maltija u lill-konsumatur: lill-industrija Maltija billi jagħmel kwota jew ban fuq il-prodott li jiġi importat, u lill-konsumatur billi jara li dak il-prodott li qed jiġi protett hu ta’ standard tajjeb daqs ta’ barra u ta’ prezz mhux aktar għoli. (Hon. Members: Hear, hear).
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 314 tal-Ħdax-il Parlament tat-Tlieta 15 ta' Frar 2011.
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG (Il-Viċi Prim Ministru u Ministeru tal-Affarijiet Barranin): Sur President, ma nistax ngħid li huwa l-pjaċir tiegħi li nagħmel dan id-diskors għax kieku xtaqt li nkomplu ngawdu aktar lil Dr Hyzler fostna. Dr Hyzler kien jaf jiċċajta, kien jaf jidħak u jitbissem, kien jaf jieħu l-ħajja bis-serjetà imma mhux bis-serjetà ż-żejjed. Ħafna minna minn din in-naħa tal-Kamra ħdimna fil-qrib miegħu u meta jien dħalt fil-parlament fl-1992 huwa kien diġà Ministru. Kont nammira ħafna l-mod ta’ kif kien iddedika l-ħajja kollha tiegħu għall-politika u għas-servizz pubbliku. Kien bniedem fabbli u li kieku kelli nuża frażi waħda biex niddeskrivih kont ngħid li meta tridu dejjem kont issibu lil Dr Hyzler, kemm fil-professjoni tiegħu ta’ tabib fejn kellu l-prattika tiegħu f’Ħal Qormi - għalkemm hu kien miż-Żejtun - kemm fil-qasam politiku bħala deputat li kien jieħu ħsieb il-kostitwenza, kemm fl-oppożizzjoni, kemm fil-gvern, kif ukoll bħala Ministru u anke wara li spiċċa minn Ministru.
Dr Hyzler kien deputat ta’ din il-Kamra għal 33 sena b’mod kontinwu. Fil-fatt ġie elett fl-elezzjonijiet kollha bejn l-1962 sakemm irriżenja fl-1995 fl-età ta’ 70 sena. Minn dawn is-snin bħala deputat għamel ħames snin segretarju parlamentari responsabbli mis-saħħa u tliet snin responsabbli mill-politika soċjali. Niftakar li l-aħħar ħaġa li għamel proprju fil-ġurnata li fiha rriżenja, f’April tal-1995, kien proprju l-pubblikazzjoni ta’ ktieb żgħir ħafna – li ridt lenti biex taqrah – li fih ġabar is-Social Security Act. Fl-aħħar ġurnata tal-politika attiva tiegħu bħala ministru ppubblika dan il-ktieb u niftakru li kien tani kopja tiegħu b’dedika li għadni ngħożż sal-lum.
Sur President, inti bdejt it-tradizzjoni sabiħa li meta nitilfu deputat jew ex-deputat tippubblika l-maiden speech tiegħu jew l-aħħar diskors tiegħu. Huwa interessanti li fl-ewwel diskors tiegħu Dr Hyzler ma qagħadx jitkellem b’mod vag dwar prinċipji, jew dwar dikjarazzjonijiet jew inkella dwar politika in ġenerali imma mar dritt għall-punt li ried jgħid. Kien deputat min-naħa tal-gvern li beda jgħid li l-mediċini b’xejn, li dak iż-żmien kienu ristretti ħafna, kien imisshom jitqassmu b’sistema aħjar mill-isptar ċentrali. Jiġifieri mar mill-ewwel fuq is-suġġett li dejjem kien għal qalbu, il-qasam tas-saħħa, qasam li meta sar segretarju parlamentari responsabbli minnu, fl-1987, flimkien mal-ministru tas-saħħa ta’ dak iż-żmien, ħa ħsieb li jimmodernizza s-servizzi tas-saħħa tagħna.
Darba qattajt nofs ta’ nhar l-isptar għax kelli lil xi ħadd tal-familja li daħal l-isptar u kelli noqgħod miegħu. Il-Ministru Hyzler ma kienx ministru li joqgħod bilqiegħda l-uffiċċju u jmexxi l-karti minn hemmhekk imma kien ministru li l-ħin kollu jdur ġol-isptar u kellu anke l-uffiċċju tiegħu hemmhekk. Bil-karattru sabiħ tiegħu kien jagħmilha wkoll ta’ Customer Care official għax in-nies kienu jwaqqfuh u jistaqsuh dwar x’għandhom bżonn mill-isptar. Niftakru jidħol fil-kċina biex jara li s-servizz huwa tajjeb. U kont qattajt nofs ta’ nhar miegħu u mpressjonajt ruħi għax kien hands-on u kien ministru mhux tal-uffiċċju imma ministru li kien fl-arena. Kien fl-arena f’kollox, kemm fil-kwestjonijiet nazzjonali u kemm fil-ħidma tal-partit għax kull darba li l-partit jew il-pajjiż sejjaħlu, Dr Hyzler dejjem kien iwieġeb għal dik is-sejħa.
Sur President, aktar qabel għedt li Dr Hyzler kien deputat tal-kostitwenza u jien niftakru jkun ta’ servizz għan-nies anke wara li spiċċa minn ministru u minn deputat. Jiġifieri meta ma kellu l-ebda interess, la hu u lanqas membri tal-familja tiegħu, fil-politika, xorta waħda baqa’ jressaq lin-nies għand il-ministri jew għand iċ-Ċivil sabiex dawn ikunu ta’ servizz għalihom. U għalhekk huwa l-pjaċir tiegħi li f’dan is-sens nikkommemora l-ħajja ta’ George Hyzler. Nista’ ngħid li se nimmissjaw ħafna affarijiet minn tiegħu; se nimmissjaw id-daħka tiegħu, iċ-ċajt tiegħu u s-sens ta’ servizz u l-enerġija kbira tiegħu li baqgħet miegħu sal-aħħar. Serva wkoll għal żmien twil bħala Aġent President u kien biss ftit taż-żmien ilu li talab huwa stess li ma jkomplix jaqdi dik il-kariga. Kien jieħu gost b’dak kollu li jagħmel, anke fl-irwol tiegħu ta’ Aġent President.
Għaldaqstant nitlob lis-Sedja sabiex, bħalma nagħmlu s-soltu, tibgħat il-kondoljanzi ta’ din il-Kamra lill-mara tiegħu Vera, kif ukoll lill-uliedu George Hyzler, li kien ukoll deputat f’din il-Kamra, lil Karl u lil Mario. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, l-Oppożizzjoni tingħaqad mal-ħsebijiet li għadu kif esprima l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg. Jien lil Dr George Hyzler ma lħaqtux fil-parlament imma niftakar li ġejt introdott miegħu għall-ewwel darba miz-ziju tiegħi Leli Farrugia li kien joqgħod Ħal Qormi u li kienu ħadmu l-istatwa ta’ San Bastjan fuqu. Wara li għadda ftit taż-żmien erġajt iltqajt miegħu u kien qalli: “Inti li għandek iz-ziju tiegħek li ħadmu l-istatwa ta’ San Bastjan fuqu”. Nista’ ngħid li Dr Hyzler kien jieħu pjaċir ikellmek u jfakkrek. Kien bniedem ġentlom, kien dejjem viċin in-nies u kien ikellem lil kulħadd. Fil-fatt ma kienx joqgħod jiddistingwi ma’ min qed jiltaqa’ u kien ikellem lil kulħadd bl-istess kumdità u mingħajr ebda problema ta’ xejn. Jiena naħseb li din hija xi ħaġa li toħroġ mill-qoxra tal-klassi tal-politiċi li għaddew minn ħafna eżerċizzji fil-ħajja li minnhom tgħallmu ħafna.
Din hija ġenerazzjoni ta’ politiċi li għandna x’nitgħallmu minnha. Jien naħseb li Dr Hyzler dejjem żamm dan l-istandard tal-ġentlomerija. Għalkemm ħafna kellhom impressjoni li ma jagħtix kasek, jien tkellimt ma’ ħafna nies li kienu jafuh u li ħadmu mill-viċin tiegħu, u dawn qaluli li inti jkun mingħalik li ma jkunx qed jisimgħek imma tant kien kwiet fil-ħsebijiet tiegħu li mbagħad kien jiġi għall-argument u kważi kważi jimpressjonak kif ikun sema’ kollox. Bħala Partit Laburista rridu nirrikonoxxu wkoll lil Dr Hyzler bħala Aġent President għax qeda dmiru tajjeb ħafna f’din il-kariga. Fl-aħħarnett nixtieq ningħaqad ukoll mal-Viċi Prim Ministru sabiex nagħtu aħna wkoll il-kondoljanzi tagħna lill-martu u lill-familja kollha tiegħu.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad ukoll mal-kummenti li saru miż-żewġ naħat tal-Kamra fuq persuna li jien ukoll kelli l-privileġġ li nsir nafu u naħdem miegħu. Dr Hyzler huwa bniedem li anke mill-maiden speech tiegħu wera kemm kien membru parlamentari li jidħol fid-dettall. Fil-fatt fl-ewwel diskors tiegħu kien qabad tliet suġġetti; il-mediċina, il-wirt kulturali u t-turiżmu u l-maħbub Ħal Qormi tiegħu. Naħseb li bil-kummenti tiegħu wera l-viżjoni li kellu u fuq kollox id-dedikazzjoni, il-ġentlomerija u l-impenn sinċier tiegħu favur is-servizz lejn il-poplu, servizz li dejjem tah b’dedikazzjoni kbira u bl-akbar sens ta’ ġid komuni.
Naħseb li dan urieh biċ-ċar anke meta serva bħala Aġent President ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra, jekk jogħġobha, biex twassal dawn is-sentimenti u l-kondoljanzi ta’ din il-Kamra kollha lill-mara tiegħu kif ukoll lill-familja tiegħu kollha. Nitlobha biex tagħmel dan għan-nom tagħna lkoll.
Ġie elett: | 18.02.1962 |
Ġurament tal-Ħatra: | 26.04.1962 |
Xoljiment tal-Parlament: | 15.02.1966 |
Ġie elett: | 31.03.1966 |
Ġurament tal-Ħatra: | 25.04.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: | 24.04.1971 |
Ġie elett: | 17.06.1971 |
Ġurament tal-Ħatra: | 16.08.1971 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.08.1976 |
Ġie elett: | 25.09.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ġie elett: | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 29.03.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ġie elett: | 13.05.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |