Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 267 tar-Raba' Parlament tad-9 ta' April 1979
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, nhar il-Ħadd, kif jafu l-Membri tal-Kamra, miet l-Avukat Herbert Ganado illi għamel żmien Membru ta' din il-Kamra. Infatti, kien ġie elett fl-elezzjoni ta' l-1962 u dam Membru ta' din il-Kamra sa l-1966. Kien jirrappreżenta l-Partit Demokratiku Nazzjonalista, li kien il-Kap tiegħu. Naturalment, jiena bħala Membru ta' din il-Kamra u membru tal-Partit Soċjalista ma nistax ngħid li konna naqblu ma' l-ideat mad-dikjarazzjonijiet li għamel f'ħajtu għal dik li hija politika. Pero' kemm dam f'din il-Kamra deher illi huwa kien jemmen sinċerament fl-ideal tiegħu, bata wkoll għal ċerti ideali li kellu, u wieħed jista' jgħid - u hawn naħseb li taqblu miegħi - illi kien avversarju leali. Barra milli kien attiv fil-politika., speċjalment f'dawn l-erba' snin li għamel Membru ta' dan il-Parlament, kien ukoll magħruf bħala kittieb u ġurnalista. U bħala xogħol tiegħu, wieħed mill-aqwa xogħol infatti li għandu huwa x-xogħol ta' erba' volumi il-ktieb "Rajt Malta tinbidel".
Jiena Mr Speaker, għan-nom ta' din in-naħa tal-Gvern nixtieq illi nesprimi id-dispjaċir, is-sogħba tagħna għall-mewta tiegħu, u nixtieq illi s-Sinjorija Tiegħek, permezz tal-Clerk, twassal il-kondoljanzi ta' din in-naħa, u naturalment tal-Kamra kollha lill-armla tiegħu u lill-familja tiegħu.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jiena għan-nom ta' l-Oppożizzjoni, nassoċċja ruħi biex nibagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-armla ta' Dr Herbert Ganado u lill-familja tiegħu.
Jiena naħseb illi hija telfa għal pajjiżna kull meta jonqos bniedem bħal Herbert Ganado, illi naħseb illi akkwista f'ħajtu figura nazzjonali minħabba l-ħidma kostanti tiegħu minn eta' meta kien għadu żgħażugħ - żgħażugħ, nista' ngħid militanti għall-ideat tiegħu. U jekk wieħed irid jiddeskrivi x'kienu fondament l-ideat ta' Dr Herbert Ganado, ċertament igħid li kienu l-ideali insara. Kien bniedem ta' twemmin nisrani konvint illi kien jagħraf x'issarraf l-umanita', kien kapaċi jiddistingwi bejn l-insara illi ħafna drabi flok imexxu u juru l-messaġġ nisrani, anzi xi kultant proprju illi ħidma tagħhom turi l-oppost, pero' kien bniedem illi t-twemmin tiegħu żgur ispirah tul ħajtu kollha fl-attivitajiet tiegħu kollha. Kien ġurnalista mill-aqwa għal żmien twil, attiv ferm fost l-għaqdiet reliġjużi fil-pajjiż kien jemmen fihom, u attiv ukoll fil-politika. Jiena naħseb illi fit-tliet attivitajiet tiegħu wieħed kien jara il-bniedem sinċier, il-bniedem illi tista' ma taqbilx miegħu - u ċertament f'ħafna okkażjonijiet wieħed seta' ma qabilx ma' l-assessment li kien jagħmel tas-sitwazzjonijiet li għaddejna minnhom - imma ċertament kontinwament tul ħajtu naħseb illi wieħed kien jista' jara li n-nota dominanti kienet ta' bniedem sinċier, bniedem integru, bniedem illi għall-ideali tiegħu missitu l-isfortuna jew forsi l-fortuna illi jbati ħafna għal pajjiżu. Kien wieħed milli sofra mhux biss l-internament f'pajjiżu imma sofra għal snin sħaħ l-eżilju minn pajjiżu.
Jiena naħseb illi l-memorja tiegħu għandha tkun ta' kuraġġ għalina. Ta' kuraġġ għaliex f'konverżazzjoni li darba kelli miegħu u qed ngħidu ż-żminijiet koroh li għaddejja minnhom d-dinja, inkluż pajjiżna - u n-nota tiegħu dejjem kienet nota ottimista - niftakar darba qalli: "Min kien igħidli illi meta kont sejjer lejn l-Uganda fl-istiva ta' vapur se jegħreq u ma jegħriqx, bil-bombi warajna illi kelli nerġa' niġi f'pajjiżi inkun attiv anke fil-qasam politiku?!" In-nota ta' l-ottimiżmu tiegħu hija n-nota li għandha tispirana lkoll biex ilkoll naqdu dmirna, partikolarment lejn pajjiżna. (Applaws).
MR SPEAKER: Jiena, min-naħa tiegħi, għalkemm ma nafux wisq lil Dr Ganado, pero' l-fatt li ntefa' fil-politika għalija biżżejjed li ġibed is-simpatija tiegħi lejh, u nassoċja ruħi mad-Deputat Prim Ministru u mal-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex nordna lill-Clerk jibgħat il-kondoljanzi tal-Kamra lill-familjari tiegħu.
Ġie elett: | 18.02.1962 |
Ġurament tal-Ħatra: | 26.04.1962 |
Xoljiment tal-Parlament: | 15.02.1966 |
Mexxej tal-Partit
- 26.04.1962
Waqqaf: 15.02.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966 |