Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Ġużeppi Farrugia

Kondoljanzi (26 Diċ 1997)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru. 170 tat-Tmien Leġislatura tat-12 ta' Jannar, 1998

KONDOLJANZI

ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Sur President, illum huwa d-dover trist tiegħi li nirriferi għall-mewt tal-Perit Ġużeppi Farrugia li ġrat matul il-vakanzi tal-Milied. Il-Perit Farrugia kien deputat Nazzjonalista f'din il-Kamra bejn l-1953 u l-1958 u kien ukoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista fl-1971.

Huwa d-dover tagħna li meta jkun hawn mewt ta' deputat jew ex-deputat, din il-Kamra tfakkar b'rispett u b'ġieh il-ħidma li jkun ta, ix-xogħol li jkun wettaq, l-impenn u d-dedikazzjoni li jkun wera fil-ħajja politika tiegħu għall-ideali nobbli li jispiraw lilna lkoll biex immexxu lil pajjiżna 'l quddiem.

Il-Perit Farrugia kien ilu maqtugħ mill-politika, għallinqas mill-politika attiva, imma minn dak li smajt u qrajt, il-memorja tiegħu hija ta' bniedem rett, sod u serju. GĦalhekk huwa xieraq li nfakkru l-ħidma tiegħu b'rispett u b'ġieh u f'isem dan il-Parlament nagħtu l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu.

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Ċensu Galea.

ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, f'isem l-Oppożizzjoni nixtieq ningħaqad mas-sentimenti ta' kondoljanzi li għadu kif esprima l-Prim Ministru.

Il-Perit Farrugia kien Membru ta' din il-Kamra bejn l-1953 u l-1958 u kien ta sehemu biex jirrappreżenta d-distrett li minnu kien ġie elett. Tajjeb li wieħed jgħid li l-Perit Farrugia kien jeżerċita l-professjoni tiegħu bl-iktar mod rett u mhux biss kien attiv fil-politika imma wkoll fil-lokal tas-Siġġiewi, fejn kien attiv f'diversi għaqdiet, b'mod partikolari fil-każin tal-banda ta' San Nikola.

Il-fatt li minkejja li kien ilu numru twil ta snin li spiċċa kemm mix-xogħol professjonali tiegħu kif ukoll mill-qasam politiku n-nies baqgħu jġibulu rispett kbir, huwa xiehda ta' kemm dan il-bniedem kien rispettat mis-soċjeta' kollha.
F'dawn iċ-ċirkostanzi, f'isem l-Oppożizzjoni, nixtieq ngħaddi l-kondoljanzi lil martu, lil uliedu u lill-familjari kollha tiegħu.

THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mal-Kamra f'dawn is-sentimenti u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tal-Perit Farrugia.