Estratt mis-Seduta Nru 556 tas-SEBA' PARLAMENT tat-Tnejn 24 ta' Ġunju, 1996
KONDOLJANZI
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Mr Speaker, nixtieq li f'ismi u f'isem sħabi nagħti l-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Cefai li għal xi żmien kien deputat u kien jirrappreżenta l-kostitwenza ta' Għawdex. Aħna dejjem ngħidu li l-pajjiż għandu bżonn ta' nies li joffru s-servizzi tagħhom fil-politika u għalkemm lis-Sur Cefai ma niftakrux membru fil-Kamra niftakar iż-żmien meta hu kien deputat f'din il-Kamra u għalhekk għan-nom ta' din in-naħa nixtieq li nwassal il-kondoljanzi tagħna.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Mr Speaker, il-kontinwita' politika ta' pajjiżna tmur lejn żmenijiet fejn bil-ħidma ta' deputati u ex-deputati, bħas-Sur Cefai, bnejna tradizzjoni ta' demokrazija parlamentari li għandna ngħożżu u nkomplu nkabbru. Is-Sur Cefai kien wieħed minn dawk illi, fiż-żmien meta qabel il-maġġoranza kbira tal-Membri ta' din il-Kamra kienu attivi fil-politika, kien ta l-kontribut tiegħu skond it-tradizzjonjiet ta' żmienu skond il-valuri tiegħu, tal-familja tiegħu u tas-soċjeta' tiegħu.
Ta' dan għandna nagħtuh ġieħ, inroddulu ħajr tal-kontribut li ta u nfakkru b'ġieħ il-memorja tiegħu.
Filwaqt li nestendi l-kondoljanzi tagħna lill-familjari kollha tiegħu, minn din in-naħa tal-Kamra nixtieq li dan nagħmlu wkoll b'sens ta' ġieħ u ta' rispett għall-parlamentari kollha li matul is-snin taw kontribut fit-tmexxija demokratika ta' dan il-pajjiż.
THE DEPUTY SPEAKER: Jien ukoll ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra biex nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta' l-ex-membru parlamentari Ġużeppi Ċefai u nitlob lill-iSkrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn il-kondoljanzi.