Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 279 tal-Ħames Parlament tad-9 ta' Ottubru 1985
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif jafu l-Onor. Membri ta' din il-Kamra, il-bieraħ miet l-ex-Deputat Nazzjonalista s-Sur Espedito Catania li kien Membru ta' din il-Kamra bejn l-1962 u l-1966. Dizgrazzjament dan il-Membru ssemma fil-Parlament ġurnata qabel li kien għadu ħaj u sfortunatament kif dan jista' jiġri lil kulħadd dan ma baqax magħna.
Is-Sur Espedito Catania, għalkemm jien personalment ftit nafu, pero' milli smajt minn dawk il-membri li ghad fadal f'din il-Kamra u li kienu wkoll Membri waqt li huwa kien ukoll qieghed jaqdi dmiru lejn pajjiżu, kien bniedem umli ħafna, bniedem kwiet, bniedem li ghamel mill-aħjar biex jaqdi d-dmirijiet tieghu lejn pajjiżu u lejn anke l-Partit tieghu, imma lejn pajjiżu, u kien bniedem serju ħafna, bniedem li ħa ħsieb sewwa tal-familja tiegħu u naturalment din l-istess familja sejra tħoss it-telfa kbira bil-mewt tas-Sur Espedito Catania. In fatti s-Sur Espedito Catania ħalla lil uliedu li huma Louis, Rose, Joyce, Tessie, Tony, Francis u Mario. Lil dawn, u lil żwieġhom u lil uliedhom, jien f'isem din in-naħa tal-kamra nesprimi l-kondoljanzi tagħha.
Jien, Mr Speaker, ċert li għalkemm ghadda ħafna żmien minn meta s-Sur Espedito Catania kien qiegħed ġo din il-Kamra - għax għaddew kważi 20 sena minn meta ma baqax jattendi bħala Deputat f'din il-Kamra - huwa dover ta' kull wieħed minna li meta Membru ta' din il-Kamra jiġi nieqes niftakru fih ghax kulħadd - jien ċert - ta l-kontribut mill-aħjar li seta' ... kif għamel hu għalbiex jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond kif jitlob il-pajjiż. Għaldaqstant jien, Mr Speaker, nerġa' nirrepeti, nixtieq nesprimi s-sogħba kbira tiegħi lejn din il-persuna li għalkemm mietet f'għomor kbir, pero' jien ċert li hija telfa xorta waħda kbira ghal dawk li jafuh. (Onor. Membri: Hear, hear)
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, għan-nom ta' din in-naħa tal-Kamra, jiena nassoċja ruħi mal-kondoljanzi li ghadu kif esprima l-Ministru Cassar.
Jiena, lis-Sur Espedito Catania ma niftakrux hawn. Ma kontx jien fil-Parlament meta kien hu, pero' kelli okkażjoni niltaqa' miegħu diversi drabi u ċertament li kien jimpressjonani fih, kemm kien raġel serju - kif qal Dr Cassar - kien raġel ta' l-affari tiegħu, kien raġel dħuli, immens u jien l-iktar ħaġa li tolqotni fih kienet kemm kien ferrieħi. Niftakar mort narah meta kien diġa' marid xi xhur ilu fejn kien qiegħed rikoverat f'dar ghall-anzjani u proprju l-ispirtu tiegħu nonstanti l-eta' nonostante li ma tantx kien f'saħħtu, pero' l-fatt li kien tant ferrieħi, qalbu tajba lest li jgħin lil kulħadd u din kienet in-nota karetteristika tieghu fost in-nies li jafuh. Kien lest proprju li jagħmel ħiltu kollha biex ighin lil kull min jitlob l-għajnuna mingħandu. Ċertament il-familja tieghu jħossu t-telfa tiegħu u jien ukoll f'isem din in-naħa tal-Kamra nibgħat l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu.
MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Is-Sedja tassoċja ruħha maż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi lill-familja kif espressi fil-Kamra.
Ġie elett: | 18.02.1962 |
Ġurament tal-Ħatra: | 26.04.1962 |
Xoljiment tal-Parlament: | 15.02.1966 |