Estratt mis-Seduta Nru. 203 tas-Sitt Parlament tat-Tnejn, 27 ta' Frar, 1989
KONDOLJANZI
ONOR. GUIDO DE MARCO (Vici Prim Ministru u Ministru ta' l- Intern u Gustizzja): Sur President, il-pajjiż jaf bil- mewt ta' Sir Luigi Camilleri. Il-Parlament Malti kellu l-unur li jkollu lil Sir Luigi Camilleri elett fostu fl-1921. Nista' nkun żbaljat, pero' jidhirli li apparti minn dik il-ġenerazzjoni ta' politiċi Maltin li kienu responsabbli għall-Gvern awtonomu ta' Malta mill-1921 sakemm ġie sospiż fl- 1934, minn dik il-klassi politika li tant ikkontribwiet għall-mixja 'l quddiem ta' pajjiżna, huwa u l-Imħallef Montanaro Gauchi kienu ż-żewġ superstiti. Illum għandna magħna biss lill-Imħallef Montanaro Gauci li nitolbu lil Alla biex iżomm idejh fuqu.
Sir Luigi Camilleri, apparti l-perjodu ta' tliet snin li għamel fil-Parlament Malti jirrappreżenta lill-Partit Demokratiku Nazzjonalista, allura mmexxi minn Dr Enrico Mizzi, fl-1924 kien sar maġistrat, wara sar imħallef u mabagħad sar President tal- Qorti ta' l-Appell u Prim Imħallef fiż-żmien meta jien iggradwajt bħala avukat. Għaldaqstant għalija u għal dawk li saru avukati bħali fl- 1955 l-ewwel President tagħna tal-Qorti kien Sir Luigi Camil¬leri. Kellna diversi okkażjonijiet li fihom kellna nidhru quddiemu, u l- karatteristiċi tiegħu dejjem kienu dak is-sens ta' simpatija għall-avukat li qed jidher quddiemu, dak is-sens ta' korrettezza fil-konfront ta' dak li hu jkun qed jittratta miegħu u dak is-sens għoli ta' ġustizzja li kien dejjem ispirat minnu. Naħseb li dawk kienu l-karatteristiċi prinċipali ta' din il-persuna. Kif qal dalgħodu, jekk ma niżbaljax, il-President tal- Kamra ta' l-Avukati, aħna naqraw l-istorja ta' Malta moderna u Sir Luigi Camilleri għex dik l-istorja u taħt ħafna aspetti kien protagonista tagħha.
Huwa kien protagonista wkoll f'kawżi ta' ċerta importanza kostituzzjonali, in partikolari kien hemm il-kawża li kellha x'taqsam ukoll ma' l- internament ta' Maltin u l- eżilju tagħhom minn Malta. Proprju l-bieraħ il-Prim Ministru fakkar fil-memorja ta' Sir Ugo Mifsud, u dawn huma kollha sitwazzjonijiet diffiċli li għal darba oħra taw prova li l-Ġudikatura Maltija, b'nies ta' polz bħal Sir Luigi Camilleri, Sir Arturo Mercieca u l-Imħallef Montanaro Gauci, għarfet dejjem li fiż-żminijiet diffiċli toħroġ minnha nnifisha karattri ta' dixxiplina legali, ta' indipendenza u ta' kuraġġ. J'Alla dawn il-karatteristiċi li kienu preżenti fil- personalita' ta' Sir Luigi Camilleri jkomplu jkunu l- karatteristiċi tal-Ġudikatura Maltija f'kull żmien. Dan huwa essenzjali. It-tradizzjoni teżisti u t-tradizzjoni tgħinna biex nibnu fuq is-sod. Nisperaw illi l-ġenerazzjoni tagħna quddiem sigħat ta' provi jkollha l-istess sens ta' kuraġġ u l-istess sens ta' volonta' lejn il-prinċipji li huma bażiċi għall-ħajja ċivili u libera tal-pajjiż.
Lill-familja ta' Sir Luigi Camilleri, lil uliedu u lil Dr Gużeppi Marija Camilleri, li għal tant snin kien Membru ta' din il-Kamra, nestendu l- kondoljanzi l-iktar sinċieri tagħna, Sur President.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l- Oppożizzjoni.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Għan-nom ta' l-Oppożizzjoni inġedded il-kondoljanzi li kelli l-okkażjoni li nfisser permezz tal-preżenza tiegħi fil-funeral ta' Sir Luigi Camilleri. Kif qal il-Leader of the House, Sir Luigi Camilleri kien ex-Deputat ta' dan il-Parlament, u hija drawwa illi meta jmut xi ħadd konness ma' dan il-Parlament, il- Parlament jikkommemorah. Dwar il-personalita' ta' Sir Luigi Camilleri, l-Oppożizzjoni tixtieq tissottolinea li kienet personalita' distinta mhux biss fil-kamp politiku imma l-iktar fil-kamp legali, fil-kamp ġudizzjali, jekk mhux għal xi ħaġa oħra, għaż-żmien twil ħafna li Sir Luigi serva fuq il-bank kemm bħala maġistrat kif ukoll bħala mħallef u iktar tard bħala President tal-Qorti. Dwar l-imparzjalita' tal- Ġudikatura Maltija, l- Oppożizzjoni taqbel li l- Gudikatura Maltija għandha żżomm dejjem għolja l-kwalita' ta' l-imparzjalita'. Pero' l- Oppożizzjoni tissottolinea li ma l-imparzjalita' tal- Ġudikatura tajjeb li s-socjeta' jkollha l-konfront li l- Gudikatura ma tibqax ankrata ma' tradizzjonijiet u ideat li llum huma sorpassati, imma tkun stimolu ta' progress fil-ħsieb ta' kif għandhom jiġu interpretati l-liġijiet u kif għandhom jiġu applikati għaċ- ċirkostanzi tas-soċjeta' li dejjem jinbidlu. Ma jkunx tajjeb illi l-Ġudikatura tkun hi l-bastun ta' ideat li s- soċjeta' llum ma tapprezzahomx għax ġew sorpassati b'ideat iktar progressivi. Nittama li l-Ġudikatura Maltija teħodha fuq spallejha li ma tibqax tirrifletti l-ideat imgħoddija imma tkun hi l-istimolu ta' progres, progress anke fil- ħsieb ta' l-interpretazzjoni tal-liġijiet li jkollhom x'jaqsmu ma l-iżvilupp soċjali tal-pajjiż.
B'danakollu, f'din l- okkażjoni nixtieq nenfasizza mhux biss dawn il-ħsibijiet li għidt, imma anke s-simpatija li l-Oppożizzjoni tħoss li għandha testendi lill-familjari ta' Sir Luigi Camilleri, speċjalment lil ibnu, Dr Ġużeppi Maria Camilleri li għal diversi snin kien Membru ta' din il-Kamra, okkupa s-Sedja u okkupa wkoll kariga ministerjali. Għalhekk nestendu s-simpatija tagħna lilu u lill-familjari kollha tiegħu.
MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Is-Sedja tassoċja ruħha mas-sentimenti ta' sogħba, imma ta' rispett u stima kbira espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra, u titlob lill- Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal formalment il- kondoljanzi lill-familjari kemm ta' Sir Luigi Camilleri kif ukoll tal-familja Micallef.