Tifkira ta’ Alexander Cachia Zammit fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta’ Malta
11 ta’ Awwissu 1924– 30 ta’ Lulju 2014
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn il-21 ta’ Marzu 1955 u t-13 ta’ Frar 1987
Alexander Cachia Zammit
L-EWWEL DISKORS TA’ ALEXANDER CACHIA ZAMMIT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI, PARLAMENT TA’ MALTA FIS-SEDUTA NUMRU 3 TAT-28 TA’ MARZU 1955 IL-ĦAMES LEĠIŻLATURA
ONOR. DR CACHIA ZAMMIT: Mr Speaker, filwaqt li napprova li kien hemm bżonn kbir li tiżdied il-pensjoni tax-xjuħ għaliex il-ħajja għoliet ħafna u l-pensjoni tax-xjuħ kienet inadegwata, fl-istess ħin, waqt li qed nara li qed tiżdied erba’ xelini, voldieri minn tnax-il xelin saret sittax-il xelin...
MR. SPEAKER: Ma xtaqtx ninterrompi lill-Onor. Dr. Cachia Zammit peress li dan huwa l-maiden speech tiegħu, però l-Onorevoli ma tantx hu in order. Il-Kamra trid tippermettilu jkompli hekk?
ONOR. PERIT MINTOFF: Aħna lesti biex nisimgħuh.
ONOR. DR BORG OLIVIER: Il-Kamra trid tisimgħu, però għandi naħseb li dan mhux ruling.
ONOR. DR CACHIA ZAMMIT: Kont qiegħed nitkellem fuq il-pensjoni tax-xjuħ. Il-Gvern ra l-bżonn fejn għandu jżid u fil-fatt se jżid ir-rata b’erba’ xelini fuq kull wieħed u waħda li llum jieħdu din il-pensjoni. Però jien nara li hemm flaw żgħira fiha. Dan huwa li mhux konsidrat li hemm ħafna nies li jiddependu totalment mill-pensjoni tax-xjuħ għall-għixien tagħhom. Nafu li hemm ħafna nies li jgħixu biss bil-pensjoni tax-xjuħ. Nafu wkoll li żewġ xelini kuljum xejn ma huma adegwati għall-ħajja. Inħoss li sittax-il xelin għad mhumiex adegwati għal dawk il-familji li huma destitute. Nixtieq nipproponi li dawn il-familji destitute ikollhom lira fil-ġimgħa. Jien ma nħossx li wieħed li għandu d-dar tiegħu fejn joqgħod għandu jieħu daqs wieħed li huwa destitute. Jien bħala tabib naf b’ċerti każi ta’ nies li huma destitute li qegħdin jieħdu l-istess pensjoni bħal ċerti nies li għandhom kapital żgħir. Jien infatti kont prokuratur ta’ wieħed li kellu d-dar tiegħu fejn joqgħod u kellu £150 il-bank u kien qiegħed jieħu żewġ xelini kuljum mentri kien hemm nies li huma destitute li kienu jieħdu l-istess pensjoni. Għalhekk nixtieq li l-Gvern, fejn għamel dan il-pass hekk importanti li żied dawn il-pensjonijiet, ‘il quddiem, jekk ma jistax jagħmlu issa, jagħmel proviso żgħir biex dawk in-nies li huma destitute, apparti dawk li huma morda li għandhom dritt li japplikaw għall-Outdoor Medical Relief jieħdu pensjoni akbar. Jiena qiegħed nitħaddet speċjalment għal dawk li huma romol, mhux għall-każi ta’ dawk li jkunu tnejn, għax f’dan il-każ kultant il-pensjoni tlaħħaq, imma jien naf persuni li huma tassew destitute għaliex iltqajt ma’ każi li jien stess irrakkomandajt għal pensjonijiet oħra ta’ Assoċjazzjonijiet, bħal San Vinċens de Paola, biex jieħdu għajnuna minn dawn is-soċjetajiet ukoll. (Onor. Membri: Hear, hear).
ONOR. PERIT MINTOFF: Jien nikkongratula lill-Onor. Dr Cachia Zammit għall-maiden speech tiegħu.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 185 tat-Tnax-il Leġislatura tat-Tnejn 13 ta' Ottubru 2014
KONDOLJANZI
MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ngħaddu issa għall-kondoljanzi ta’ Dr Alexander Cachia Zammit, eks Membru Parlamentari, Ministru, u Ambaxxatur, li ġie nieqes fit-30 ta’ Lulju, 2014 fl-età ta’ 90 sena. Kif saret konswetudni f’dan il-Parlament, ħriġna ktejjeb għall-okkażjoni li tqassam lill-Membri u lill-familjari tiegħu.
Il-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Sur President, bla dubju ta’ xejn illum iż-żewġ naħat tal-Kamra qed jingħaqdu biex juru s-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Dr Alexander Cachia Zammit. Nistqarr li fil-ftit snin li kont ilni nafu huwa dejjem laqatni bħala bniedem li jipprova jiżra’ l-kompromess, li jipprova jiżra’ d-djalogu u żgur li jista’ jkollna biss kliem ta’ tifħir fil-konfront tiegħu. Min-naħa tagħna se nistieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin sabiex jagħmel kelmtejn għax minn esperjenzi aktar personali u bħala konċittadin tiegħu naħseb li jista’ jagħtina apprezzament ferm aħjar.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, minkejja li dan mhuwiex avveniment sabiħ, nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru talli f’din l-okkażjoni qed jagħtini l-opportunità li nfakkar il-memorja ta’ persuna li nafha ħafna mill-qrib. Naħseb li f’din il-Kamra ftit għad fadal li jafuh għaliex ovvjament iż-żmien għadda.
Jien trabbejt fir-raħal fejn kien jipprattika bħala tabib tal-familja. Meta kont wasalt biex nagħmel l-O Levels kien diġà ilu sitta jew seba’ snin jaħdem bħala tabib u kien rispettat immens. Meta eventwalment iddeċieda li joħroġ għall-politika kważi kważi xxokkja lil ħafna nies u kif jiġri dejjem, ħafna minn dawk li kienu jħobbuh u jirrispettawh bdew iħarsu lejh b’ċerta ottika. Però rrid ngħid li jien rajtu għal snin twal jaħdem bħala tabib fid-distrett b’ċerta karità, b’ċerta attenzjoni u b’ċerta mħabba lejn il-pazjenti.
Segwejtu wkoll fil-politika fejn ovvjament it-triq ma tibqax daqshekk lixxa. Kien hemm anke żmien meta l-politika kienet tintlagħab kemm kemm b’mod aktar goff milli tintlagħab illum. Kellu żewġ Ministeri li xejn ma kienu ħfief għax għamel żmien responsabbli mill-qasam tas-servizzi soċjali u mbagħad mill-qasam tas-saħħa u wieħed irid jifhem il-kontest ta’ dak iż-żmien fejn il-pajjiż kien għadu qed jirpilja minn wara l-gwerra u fejn kien hemm l-emigrazzjoni li kienet qed tifred il-familji u toħloq ħafna sentimenti.
Matul is-snin bqajt dejjem inżomm kuntatt miegħu, dejjem induru fl-istess ċrieki. Niftakru hawnhekk bħala Ministru u niftakru wkoll bħala Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede u anke għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dak kien żmien fejn kien kuntent immens għaliex kien iħobb dawn iċ-ċerimonji u anke kellu ċerta flair għalihom, jiġifieri kien jieħu gost bihom. Kif diġà stqarrejt meta talabni biex nagħmel il-ftuħ tal-ktieb tal-awtobijografija tiegħu, meta tlajna fil-gvern jien kelli niffaċċja d-dwejjaq li ngħidlu li se nwaqqfu għaliex konna se nagħmlu lil xi ħaddieħor. Madankollu, kellu karattru tajjeb u bqajna ħbieb intimi, bqajna niltaqgħu b’mod regolari, speċjalment fil-każini u fl-okkażjonijiet tal-irħula bħal dawk tal-aħħar tas-sena fejn wieħed jibdel ix-xewqat.
Dr Alexander Cachia Zammit kien bniedem korrett u dejjem jistaqsik kif inhi l-familja, eċċ. Fil-fatt irrid ngħid li minkejja s-snin twal li ma konniex fuq l-istess naħa tal-politika partiġjana, aħna dejjem urejna rispett kbir lil xulxin, dejjem bqajt nammirah għall-mod korrett tiegħu u għal kif kien iġib ruħu u anke għad-dinjità li kien iġorr miegħu meta kien ikun fil-pubbliku.
Ma nistax ma nsemmix xi ħaġa li hija barra mill-politika u li jien ma nistax ngħid li naqsam miegħu għaliex m’iniex daqshekk akkanit bħalma kien hu. Hawn qed nirreferi għall-imħabba enormi li kellu għall-festa ta’ Santa Katerina. Tant kien iffissat li aħna b’ċajta konna ngħidu bħalma konna ngħidu fuq Serafin Zarb: Kieku ma teżistix Santa Katerina jekk imur il-ġenna jivvintawlu waħda ħalli ma jkunx diżappuntat!
Dr Cachia Zammit kien ukoll President tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, fejn ġab id-dixxiplina u l-ordni, għal xejn inqas minn 50 sena. Fil-fatt konna ċċelebrajna l-50 sena anniversarju minn mindu sar President wara li kien segwa lil missieru li wkoll kien President ta’ dik l-għaqda. Huwa kien igawdi rispett enormi u ma niskantax li fil-ktejjeb li tqassam illum bħala tifkira tiegħu jinsab proprju liebes ingravata li fuqha għandha l-badge tal-Għaqda Mużikali Beland. Naħseb li kien kburi ħafna ħafna biha.
Il-festa għalih kienet avveniment li anke meta beda jbatti fis-saħħa kien jagħmel minn kollox biex ikun preżenti għaliha. L-aħħar laqgħa li kelli miegħu kienet meta kien f’Casa Antonia. Jien mort nittawwallu, moħħu kien għadu ċar ħafna, u tkellimna fuq ħafna affarijiet u kien ħa pjaċir isemmi meta konna nipprattikaw iż-Żejtun u mbagħad il-politika.
Fi kliem ieħor, huwa wieħed minn dawk l-irġiel li taw ħafna. Ovvjament hemm ħafna valutazzjonijiet x’wieħed jista’ jagħmel bħalma jsir fuq kull bniedem politiku però meta tqis li huwa seta’ liberament jibqa’ fil-ġenb, jaħdem bħala tabib u jgħix ħajja komda mingħajr ma jinvolvi ruħu, hemmhekk jien napprezza u nirringrazzjah tal-impenn tiegħu. Nies bħalu, minflok jibqgħu fil-ġenb jgħixu ħajja kwieta u jgawdu, jimpenjaw ruħhom għall-ħajja politika b’dak kollu li ġġib magħha.
Għaldaqstant f’isem din in-naħa tal-Kamra nirringrazzja lil Dr Cachia Zammit għax-xogħol li għamel għall-pajjiż. Jien grat għall-opportunità li kelli f’ħajti kollha, meta kelli kuntatt miegħu u ddiskutejna u ħdimna flimkien. Minn hawnhekk nixtieq inwassal il-kondoljanzi ta’ din in-naħa lis-Sinjura tiegħu u lit-tfal tiegħu John u Catherine. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear).
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Simon Busuttil.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien ukoll nixtieq ningħaqad mal-Prim Ministru u mal-Ministru George Vella fl-apprezzament li huma għamlu ta’ Dr Alexander Cachia Zammit. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni u b’mod partikolari bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar u aktar jien nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi u nirringrazzja lil Dr Cachia Zammit għal dak kollu li huwa għamel primarjament għal pajjiżna, għal-lokalità tiegħu, iż-Żejtun, u żgur u mhux l-inqas għall-Partit Nazzjonalista.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex insellem lill-familjari ta’ Dr Cachia Zammit li qegħdin hawn preżenti llum. Nirringrazzjahom talli matul dawn is-snin kollha kienu parti mill-familja ta’ Dr Cachia Zammit li tant tat għal pajjiżna. Bil-permess tiegħek, Sur President, nixtieq ngħaddi l-kelma lid-Deputat Kap tal-Partit, l-Onor. Mario de Marco, sabiex jagħmel apprezzament fi ftit aktar dettall f’isem l-Oppożizzjoni. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, saret tradizzjoni li din il-Kamra tippubblika ktejjeb meta tiġi biex tagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Deputat jew eks Deputat ta’ din il-Kamra wara li jkun ġie nieqes. Dan huwa interessanti u tajjeb għaliex jagħtina riflessjoni ta’ dawk li kienu l-valuri ta’ dak id-Deputat.
Jekk wieħed jara l-maiden speech ta’ Dr Alexander Cachia Zammit, li kien sar fit-28 ta’ Marzu, 1955 – leġiżlatura interessanti ħafna fis-sens storiku tagħha – mill-ewwel jara lil Dr Cachia Zammit bħala tabib politiku u d-dimensjoni soċjali tal-politika tiegħu. Dakinhar kienet qed tiġi diskussa ż-żieda li kien ippropona l-Gvern ta’ dak iż-żmien biex kull min kien qed jieħu l-pensjoni jkollu żieda ta’ erba’ xelini. Dr Cachia Zammit kien qal li filwaqt li din iż-żieda tista’ tkun tajba għal persuna li għandha introjtu u kapital normali, għal dawk il-familji li huma “destitutes”, dik hi l-kelma li kien uża hu, din iż-żieda ma kienet tajba xejn. L-argument tiegħu kien li għandna nagħmlu distinzjoni mhux tant li wieħed ma jagħtix pensjoni lil min għandu l-kapital però li jagħti pensjoni ogħla lil dawk il-familji li huma fil-bżonn. Jiġifieri l-argument tiegħu kien li wieħed irid jagħmel diskriminazzjoni pożittiva favur dawk in-nies li għandhom bżonn. Naħseb li dan kien argument soċjali qawwi ħafna.
Naħseb li Dr Cachia Zammit kien rabat l-argument tiegħu mal-esperjenza tiegħu ta’ tabib. Xi drabi aħna ninjoraw l-importanza li aħna bħala Deputati għandna x-xogħol normali tagħna li nagħmlu ta’ kuljum. Hawnhekk huwa qed juża l-esperjenzi tiegħu bħala tabib biex jgħid li hemm nies li anke bil-pensjoni kif kienu se jżiduhielhom, ma kenux se jkampaw u jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja u mal-bżonnijiet tagħhom ta’ dakinhar.
Wieħed irid jgħid li wara li għalaq id-diskors tiegħu ma kellux biss il-hear hear tal-membri sħabu min-naħa tal-Oppożizzjoni imma skont kif inhu kkwotat f’dan il-ktejjeb, kien qam ukoll il-Perit Dom Mintoff u kkongratula lil Dr Cachia Zammit għall-maiden speech tiegħu. Naħseb li mhijiex xi ħaġa normali li jqum xi ħadd min-naħa tal-Gvern u jikkongratula Deputat li jkun għadu kemm għalaq il-maiden speech tiegħu. Però dak kien Dr Cachia Zammit!
Qabelxejn Dr Cachia Zammit kien tabib u tabib tan-nies. Kif qal sew il-Ministru George Vella, huwa kien ħabb il-professjoni medika għaliex tatu l-possibilità li mhux biss jikkura lin-nies imma wkoll li jkollu kuntatt mar-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-lokalità fejn huwa kien iżur. Din il-ħaġa żammha sal-aħħar ta’ ħajtu għax ried jibqa’ tabib u jagħti l-kura lill-pazjent.
Dr Cachia Zammit kien Deputat fi żmien interessanti. Il-leġiżlatura tal-1955 kienet qisha leġiżlatura determinanti għal-liema triq se tieħu Malta; jekk hux se tkun pajjiż li jmur lejn l-integrazzjoni mar-Renju Unit jew inkella pajjiż indipendenti. Ftit wara r-referendum li kien sar dwar l-integration, il-Perit Dom Mintoff kien irriżejna minn Prim Ministru ta’ Malta, kellna mbagħad il-Blood Commission u sussegwentement kellna l-elezzjoni tal-1962 li tat lok għall-indipendenza ta’ pajjiżna. Dakinhar Dr Cachia Zammit kien sar Ministru u allura membru tal-ewwel Kabinett ta’ pajjiżna wara l-Indipendenza.
Dak kien Kabinett u Gvern li kellu sfidi kbar, anke biex jagħti indipendenza ekonomika lil pajjiżna. Riedu jinħolqu industriji ġodda, bħat-turiżmu u l-manifattura, kif ukoll infrastruttura ġdida. Dawn kienu l-isfidi ta’ dak il-Kabinett u Dr Cachia Zammit kellu responsabilità ewlenija f’dak il-Kabinett li kien qed jirrappreżenta l-indipendenza ta’ pajjiżna li ftit ġimgħat ilu għadna kif iċċelebrajna l-50 sena anniversarju tagħha.
Rajna wkoll il-fiduċja ta’ Dr Cachia Zammit fis-sewwa. Meta kellu l-ġuri tiegħu wara l-elezzjoni tal-1971, Dr Cachia Zammit dejjem kien konvint li huwa m’għamel xejn ħażin. Dik il-konvinzjoni wasslitu biex ma jibża’ minn xejn u l-fatt li kellu jgħaddi minn dak il-ġuri qatt ma żammu ġo fih u qatt ma kellu xi ħaġa kontra xi ħadd. Dan anke minħabba l-konvinzjoni morali tiegħu u dejjem ħares ʼil quddiem u mhux lura.
Dr Cachia Zammit serva wkoll bħala Ambaxxatur tas-Santa Sede għal għaxar snin. Huwa kien strumentali biex kellna l-ewwel żjara ta’ Papa ġewwa Malta. Jiġifieri meta l-Papa Gwanni Pawlu II żar pajjiżna fl-1992, dak sar ukoll b’mertu tiegħu bħala Ambaxxatur lejn is-Santa Sede.
Irrid ngħid li Dr Cachia Zammit kellu wkoll rabta mas-sens kulturali u l-patrimonju kulturali taż-Żejtun fejn huwa serva għal tant snin bħala President tal-Għaqda Mużika Beland. Dan l-aħħar kelli l-okkażjoni li nżur iż-Żejtun waqt il-festa ta’ Żejt iż-Żejtun u kelli l-okkażjoni li nżur il-każin fejn fis-sala prinċipali kien hemm frescos tal-Presidenti tagħhom ta’ dawn l-aħħar mitt sena u aktar. Ovvjament fost dawn il-Presidenti kien hemm Dr Cachia Zammit li baqa’ dedikat u leali lejn dak li tagħti l-attività kulturali tagħna. Irridu nirrealizzaw li l-każini tal-baned tagħna, li fl-aħħar mill-aħħar huma istituzzjonijiet mużikali, qed jagħtu ħafna liż-żgħażagħ ta’ kull raħal u belt fejn jinsabu.
Sur President, ningħaqad mal-kollegi tiegħi u f’isem id-Deputati ta’ dan il-Parlament, fejn tant serva b’dedikazzjoni Dr Cachia Zammit, nuri l-apprezzament tagħna lill-armla tiegħu s-Sinj. Cachia Zammit, lil John u lil Catherine. Fir-realtà dawn silfu lil żewġhom u lil missierhom lill-poplu. Ħafna drabi l-familjari tagħna li qegħdin fil-politika jkunu qegħdin jagħtuna lill-poplu Malti biex inkunu nistgħu naqdu l-interess tiegħu. Grazzi ta’ dak li għamiltu però fuq kollox grazzi lil Dr Cachia Zammit ta’ dak kollu li għamel għall-poplu Malti. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Kemm ilni Speaker Dr Alexander Cachia Zammit ġie jżurni, tkellem miegħi dwar esperjenzi li xtaq li jgħaddili bħala President tal-Kamra u xtaq li b’xi mod jibqa’ jikkontribwixxi f’dak kollu li jkollha bżonn din il-Kamra. Għalhekk ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tat-tabib Alexander Cachia Zammit.
Ġie elett: | 18.02.1962 |
Ġurament tal-Ħatra: | 26.04.1962 |
Xoljiment tal-Parlament: | 15.02.1966 |
Ministru tax-Xogħol u Għajnuna Soċjali - 05.03.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966 |
Ġie elett: | 31.03.1966 |
Ġurament tal-Ħatra: | 25.04.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: | 24.04.1971 |
Ministru tas-Saħħa - 07.04.1966 |
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971 |
Ġie elett: | 17.06.1971 |
Ġurament tal-Ħatra: | 16.08.1971 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.08.1976 |
Ġie elett: | 25.09.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ġie elett: | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 29.03.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |