Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Alfred Bartolo

Kondoljanzi (3 Ġun 1986)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 351 tal-Ħames Parlament tal-4 ta' Ġunju 1986

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Il-Ministru Cassar.

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, b'dispjaċir kbir ngħid dak li l-Kamra diġa' taf, illi ftit sigħat ilu miet membru ta' din il-Kamra, l-Onor. Alfred Bartolo. Freddie Bartolo f'din il-Kamra ilu biss mill-1981, pero' fil-politika - attivament fil-politika - ilu mill-inqas safejn naf jien xi 15-il sena. Kien bniedem attiv ħafna, jiġġieled għall-prinċipji tiegħu li kien jemmen fihom u jiġġieled onestament, sinċerament, u b'konvinzjoni; u sa fl-aħħar irnexxielu li anke jkun Membru ta' din l-istituzzjoni għolja tal-pajjiż. M'hemmx għalfejn noqgħod ngħid x'kien l-Onor. Freddie Bartolo. Kellu karattru tiegħu, kien bniedem esuberanti, kien bniedem li biex jesprimi l-opinjoni tiegħu forsi kien daqsxejn jintilef fil-kliem u forsi s-sentimenti tiegħu kienu jegħlbuh kultant, imma fil-fond ta' qalbu kien sinċier. Ma kienx jobgħod. Kien bniedem li forsi tgħid li kien kultant xi ftit goff fid-diskors tiegħu, forsi ġieli offenda lil xi ħadd, forsi mhux l-ewwel darba li offenda bid-diskors, imma żgur qatt li mhux joffendi mill-qalb, b'diskors iva imma mill-qalb le. Kien igħid wara li jiddispjaċih. Meta wieħed kien jiġbidlu l-attenzjoni li forsi kien daqsxejn oltrepassa l-limiti tad-diskors, hu stess kien igħidlek: "Iva, għax jien minni hekk magħmul, imma ġo qalbi m'għandix mibegħda". Dan huwa veru. Ma kellu mibgħeda lejn ħadd.

Mr Speaker, jien nixtieq li għan-nom ta' din in-naħa nesprimi s-sentimenti u l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu, speċjalment lill-mara tiegħu s-Sinjura Marlene, lil ommu, lil missieru, lil ħutu u lil qrabatu. Jien nipproponi li din is-seduta tal-lum - li kienet se tkun waħda importanti għax konna se niddiskutu liġi importantissima, l-introduzzjoni tal-liġi b'emendi għall-Kodiċi Ċivili li jirrigwardaw id-drittijiet tal-familja, ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara u drittijiet oħra - tiġi aġġornata għal nhar it-Tnejn bħala sinjal ta' qima lejn l-Onor. Alfred Bartolo. Jien naf li kien hemm diversi każijiet preċedenti ta' Membri ta' dan il-Parlament, matul iż-żmien, matul is-snin, illi mietu wkoll waqt li kienu għadhom membri ta' din il-Kamra, u ma kienx hemm aġġornament tas-seduta li fiha ġiet imħabbra l-mewt tagħhom. Kien hemm każijiet fejn is-seduta ġiet aġġornata u kien hemm fejn ġiet sospiża għal xi ħin. Biss jien jidhirli li una volta dan il-każ għandna Membru ta' din il-Kamra li miet ftit ilu, jidhirli li huwa xieraq li aħna naġġornaw din is-seduta b'sinjal ta' rispett lejh.

ONOR. GUIDO DEMARCO: Sur President, il-bieraħ dan il-ħin jien u s-Sur Bartolo konna qegħdin niċċajtaw hawnhekk flimkien għaliex fil-kors ta' dawn l-erba' snin kemm ilna fil-Parlament flimkien sar kambjament kemm fija u kemm fih. Kemm fih rigward ta' din in-naħa u kemm fina fir-rigward tiegħu. Għall-bidu meta bdejna nattendu l-Parlament forsi aħna ma konniex nifhmu lilu u forsi hu ma kienx jifhem lilna. Forsi ma kienx hemm għad dak l-affjatament u dik il-komprensjoni li allavolja l-Parlament fl-istil ta' Westminster, bħalma huwa tagħna, huwa maqsum naħa u oħra tal-Kamra kien hemm għall-bidu vojt li jiddividi ż-żewġ naħat. Pero' meta nsiru nafu lil xulxin u nitkellmu mhux biss fuq il-politika li kull wieħed minna jkollna, nibdew niżviluppaw rispett reċiproku, komprensjoni u dak is-sens ta' camaraderie, dak is-sens ta' ħbiberija li l-appartenenza għal dak il-post jagħraf jiġġenera b'mod ħafna iktar minn min forsi jsegwi mill-bogħod jaħseb li effettivament hemm.

Jien u Freddie dan l-aħħar, meta s-Sedja tat riċeviment ġo din il-Kamra żviluppajna din il-ħbiberija. Sirna ħbieb. Proprju meta ġie l-President tal-Kunsill ta' l-Ewropa s-Senatur JUng, jien u l-Onor. Bartolo għaddejna ftit ħin nitkellmu; u għaddejtli kumment li rrid inġedded hawn. Laqatni fis-Sur Bartolo s-sens kbir tiegħu ta' lealta'. Kien bniedem leali, bniedem leali lejn il-ħbieb tiegħu, kemm meta l-ħbieb tiegħu jkunu b'saħħa u kemm jekk il-ħbieb tiegħu jkunu b'inqas saħħa, kemm jekk il-ħbieb tiegħu jkunu naħa tal-Kamra, kemm meta l-ħbieb tiegħu jkunu naħa oħra tal-Kamra. U dan is-sens ta' lealta' fis-Sur Bartolo li, kif qal tajjeb l-Onor. Cassar, kien bniedem esuberanti, kien bniedem illi l-kelma jgħidha, li forsi minn daqqiet - u min minna qatt m'hu hekk? - juża xi frażi daqsxejn iebsa fil-konfront tal-parti l-oħra. Pero' niftakar li dan il-kliem testwali qalhomli aħna u ħerġin minn dak il-kuridur hemmhekk, qalli: "Guido, kieku taf lilek kemm nirrispettak. Meta bdejt hawnhekk kont qed inħares b'mod, illum kieku taf kemm jien m'għandi xejn f'qalbi". U dan huwa forsi qed jissintetizza dak li qal tant tajjeb il-Ministru Cassar.

Forsi din hija dejjem id-diffikulta' tagħna, Sur President, meta jiġru dawn l-avvenimenti f'din il-Kamra. Nibdew nagħrfu lil xulxin fid-difetti tagħna, pero' anke fil-preġji li jista' jkollna, ħafna qabel. Għaliex jien nemmen, Sur President, li dan il-kambjament li kien qed jiġri fis-Sur Bartolo u ġo kull wieħed minn hawn ġew fiż-żewġ naħat tal-Kamra huwa forsi riflessjoni ta' dik il-metamorfosi, dik il-bidla li nixtiequ tiġri fil-pajjiż fejn kulħadd fil-lealta' lejn il-prinċipju tiegħu, nagħrfu nirrispettaw lil xulxin, nagħrfu nirrikonoxxu l-alternanza li hija l-essenza ta' kwalunkwe demokrazija u nagħrfu wkoll li ħafna drabi taħt
il-libsa ta' pożizzjonijiet antagonistiċi, hemm il-ħsieb ta' kull wieħed minna li nixtiequ nersqu fid-diversita' ta' opinjoni lejn unita' li effettivament għandna lkoll ġewwa fina u li tgħaqqadna bħala poplu.

Għalhekk filwaqt li jien nissekonda l-mozzjoni proposta mill-Ministru tal-Gustizzja u Affarijiet tal-Parlament li naġġornaw din is-seduta, qed naġġornaw ilkoll fil-kontest tal-fatt li ħalliena Membru tal-Parlament li f'dawn il-ftit snin li qgħadna filmkien, jien nista' ngħoddu li kien ħabib tiegħi. Lis-Sinjura Marlene Bartolo, lil ommu, lil missieru u lil ħutu, nixtieq anke jien, għan-nom ta' l-Oppożizzjoni, għan-nom tal-Partit Nazzjonalista, nesprimilhom il-kondoljanzi sinċieri tagħna fil-ħsieb li min għandu qalbu tajba huwa maħbub ħafna minn Alla. Alfred Bartolo kien wieħed minnhom. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Ma nistax ngħid ħlief li nissieħeb mad-diskors tal-Ministru Cassar u ta' l-Onor. Guido De Marco. Fl-415. p.m. illejla jien kont ħdejn Alfred Bartolo u dak il-ħin irrealizzajt li aktar ma kont nafu iktar sirt inħobbu; u l-espressjoni naturali tiegħi kienet li kelli warda f'idejja, u ħallejthielu fejn rasu; u fi kwarta wara li ħriġt Alfred Bartolo miet. Fraħt li għamilt hekk, kuntent li għamilt hekk, għaliex ma nistax inżid aktar mal-kliem tagħhkom. Kulma ntqal huwa veru; jien akkompanjajtu fi vjaġġ barra minn Malta, u sirt nafu mill-qrib. Nerġa' ntenni, iktar ma sirt nafu iktar sirt inħobbu, allavolja hawn ġew kont jien l-iktar li forsi f'ċerti ħinijiet wrejt dixxiplina għax ma stajtx inħalli ċerti affarijiet igħaddu; imma kont nirrealizza li ma kien ikun hemm xejn warajhom ħlief li saru għall-ksur ta' dixxipplina. Inwiegħed lill-Kamra li jien stess nwassal il-kondoljanzi lill-familja tiegħu llejla stess.

ONOR. JOSEPH CASSAR: Mr Speaker, nipproponi li l-Kamra taġġorna bħala sinjal ta' qima lejn l-Onor. Alfred Bartolo.

ONOR. GUIDO DE MARCO: Il-Kamra taqbel li naġġornaw issa? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.

MR SPEAKER: Aġġornament.

Electoral History

Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982
- 03.06.1986