Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Joseph Baldacchino

Kondoljanzi (22 Ġun 2006)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 401 tal-Għaxar Parlament tas-26 ta' Ġunju 2006

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern): Mr Speaker, ftit tal-ġranet ilu tħabbret il-mewt tas-Sur Joseph Baldacchino, ex-Speaker u ex-membru parlamentari, li miet fl-eta` sabiħa ta’ 83 sena u rrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu f’isem il-partit Laburista għal ħames leġislaturi konsekuttivi.

Is-Sur Baldacchino ħareġ għall-politika l-ewwel darba fl-1962, imbagħad serva bħala deputat għal 21 sena sħaħ, mill-1966 sal-1987. F’dan il-perijodu okkupa żewġ karigi importanti, kemm dik ta’ deputy speaker meta l-partit Laburista kien fil-gvern u forsi kariga aktar onoruża, dik ta’ whip tad-deputati min-naħa tal-gvern. Kif ċertament jaqblu miegħi l-whips hawn preżenti miż-żewġ naħat tal-Kamra, din hi kariga li ħadd ma jirringrazzjak fiha, anzi kultant iħarsu lejk bl-ikrah. Dan hu a thankless job, pero` hi kariga importanti f’kull demokrazija parlamentari kif nafuha aħna. Għal żmien qasir ukoll, is-Sur Baldacchino kien ukoll Speaker - wara li kien irriżenja l-iSpeaker ta’ dak iż-żmien, sabiex isir aġent president – bejn il-bidu tal-kampanja elettorali ta’ l-1987 fi Frar sakemm il-Parlament reġa’ ltaqa’ f’Lulju ta’ l-1987. Kien tassew xieraq li spiċċa minn dan il-Parlament fl-ogħla kariga.

Jiena lis-Sur Baldacchino ma kontx nafu ħafna pero` kont nafu biżżejjed għax kultant konna nitkellmu. L-impressjoni li ħadt jiena kienet ta’ persuna li qatt ma qabeż lil ħadd fil-politika, tela’ tarġa b’tarġa fil-partit Laburista u anke f’dan il-Parlament. Kien hemm ħafna li kkummentaw kemm dan kien raġel mill-aħjar u verament diffiċli timmaġinah li jista’ jagħmel ħsara lil xi ħadd. Huwa veru li kellu l-opinjoni tiegħu u kien iħobb il-partit li kien jimmilita fih pero` fl-istess ħin qatt ma wera astju lejn l-avversarju politiku tiegħu. Ħaġa li jiena kont nammira fih kienet ukoll li anke wara li spiċċa minn deputat fl-eta` ta’ 64 sena, baqa’ attiv fil-partit tiegħu anke jekk beda joqrob it-80 sena.

Jiena naħseb li quddiem figura bħal din, l-inqas li nistgħu nagħmlu hu li nimitawh fil-konsistenza lejn il-prinċipji tiegħu u l-imħabba lejn il-partit li kien fih u nitlob lis-Sejda biex għan-nom taż-żewġ naħat tal-Kamra, tibgħat il-kondoljanzi lill-membri tal-familja tiegħu. Grazzi.

MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.


ONOR. ALFRED SANT: Mr Speaker, f’ismi u f’isem il-partit Laburista nixtieq insellem lis-Sur Joseph Baldacchino għall-ħidma twila li wettaq matul ħajtu fil-kamp politiku u l-mod kif qeda dmirijietu.

Jiena sirt nafu l-aktar fl-aħħar tal-karriera tiegħu u wara li rtira u għalija dan kien eżempju ta’ kif tista’ tkun fil-politika waqt li tibqa’ bniedem kalm u ġentili u titkellem b’ċerta serjeta` u bilanċ. Dan qeda b’mod fidil l-interessi tal-partit li ħadem fih waqt li żamm il-qies biex ikun jista’ jifhem x’inhu l-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Kull meta smajtu jitkellem, dejjem smajtu jitkellem b’mod bilanċat, kalm u ferrieħi u kont nammira wkoll id-dinjita` li biha kien iġib ruħu anke meta kien jagħtini l-pariri u ġieli tani pariri tajba ħafna. Matul is-snin, is-Sur Baldacchino baqa’ jsewgi x’inhu għaddej fil-ħajja politika u soċjali tal-pajjiż u baqa’ juri u jsostni l-interessi tiegħu għall-klassi tal-ħaddiema apparti li kien attiv f’diversi attivitajiet sabiex jgħaqqad dejjem aktar il-komunita` u jmexxiha ‘l quddiem fil-progress soċjali.

Xi xahrejn ilu, rajtu fid-dar tiegħu u filwaqt li verament kien magħkus bil-piżijiet tal-marda li ħakmitu fl-aħħar, fl-istess ħin wera kuraġġ li jħares ‘il quddiem u meta kellu xi mistoqsijiet x’jagħmel, dak kien jagħmilhom b’dinjita`. Jiena noffri s-solidarjeta` tiegħi lill-familja tiegħu u nwegħduhom li min-naħa tal-partit Laburista, m’aħniex se ninsew il-ħidma, il-personalita` u l-karattru integru tiegħu u fiż-żmien li ġej, se nibqgħu nfakkruhom għax-xogħol li għamlu fil-partit u fil-ħajja politika ta’ Malta u Għawdex. Grazzi.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tikkondividi s-sentimenti espressi miż-żewġ naħat u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn il-kondoljanzi lill-familjari tas-Sur Baldacchino.

Electoral History

It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Karigi
President tal-Kamra tad-Deputati
Waqqaf: 09.07.1987