Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mrs Fanny Attard Bezzina

Kondoljanzi (21 Fra 1986)

Estratt mis-Seduta Parlamentari 328 tal-Ħames Leġislatura tat-Tnejn 3 ta' Marzu 1976

KONDOLJANZI

 

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif jafu l-Onor. Membri, fil-21 tax-xahar li għadda, mietet fiż-Żejtun, fl-eta' ta' 60 sena, is-Sinjura Fanny Attard Bezzina.

Lil Fanny - kif aħna kollha nafuha - naħseb il-maġġor parti tal-Membri ta' din il-Kamra jafuha wkoll; u barra milli hi stess kienet Membru għal tliet snin f'dan il-Parlament, kienet ukoll mart Membru ieħor ta' dan il-Parlament, l-ispiżjar Manuel Attard Bezzina, li għal ħames snin kien ukoll Speaker ta' din il-Kamra, u għamel xi żmien Acting President tar-Repubblika wkoll.

Fanny ħalliet familja warajha: ħalliet lir-raġel ħalliet lit-tlett itfal tagħha lkoll miżżewġin, u ħalliet ħafna ħbieb. Il-ħbieb ta' Fanny kienu ħafna, u għal ħafna raġunijiet. Mhux mil-lat politiku biss, fejn kienet ferm attiva kemm meta kienet fil-Parlament u anke barra mill-Parlament; iżda wkoll mil-lat soċjali aktar vast għax Fanny kienet waħda minn dawk in-nies li titħallat tajjeb fis-sens tajjeb ta' "good mixer" kif jgħid bl-Ingliż. Kienet mara qalbha f'idejha, tħobb tisma' anke b'dak li jkun qiegħed jiġri lill-ħaddieħor biex tipprova tgħinu u tgħidlu kelma tajba, kelma f'waqtha. Barra minn hekk, kienet tieħu parti f'diveri organizzazzjonijiet li għandhom l-għan tagħhom li jgħinu lil min l-aktar għandu bżonn, bħal dawk li huma handicapped, jew xjuħ, jew li huma b'xi mod jew ieħor sfortunati mil-lat soċjali.

Jiena kont nafha ħafna sew personalment. Naf li - bħalma jgħaddi kulħadd - għaddiet hi wkoll minn ħafna żmenijiet koroh speċjalment fl-aħħar snin ta' ħajjitha, pero' dejjem baqgħet kważi kważi l-istess Fanny li konna nafu fi żmenijiet aħjar. Kienet rassenjata ħafna, kif kienet tħobb tgħin lil ħaddieħor biex jirrassenja ruħu ma' l-inkwiet li jkollu, mat-tribuzzjonijiet li jkollu, mal-mard li jkollu, kemm fiżiku u kemm soċjali. Kienet insomma mara, li safejn naf jien, ħadd qatt ma smajt igħid kelma waħda biss kontra tagħha - ħadd. Din bilfors kienet mara li kellha kwalitajiet mhux komuni biex ħadd qatt ma qal xejn kontra tagħha, safejn naf jien; għax fid-dinja anke Kristu sal-lum għad għandu nies kontra tiegħu. Fanny kienet mara li kellha kwalitajiet li bilfors iġiegħluk tirrispettaha u tħoss ġibda lejha għall-mod kif kienet taġixxi mal-proxxmu tagħha.

Fil-Partit - biex insemmi anke l-lat politiku barra mil-lat soċjali - kienet waħda mill-attivitajiet fis-snin meta l-Partit kien għaddej anke minn żmenjiet koroh, kienet dejjem prima fruntiera biex tiddefendi d-drittijiet tal-Partit u l-isem tajjeb tiegħu, u biex tiġġieled għall-prinċipji Soċjalisti li minn dejjem ħaddnet.

GĦalhekk, Mr Speaker, f'isem in-naħa tal-Gvern, nixtieq illi nibagħtu l-kondoljanzi u nuru s-sobgħa tagħna lill-familja tagħha, speċjalment lir-raġel tagħha, għat-telfa kbira li sofrew bil-mewt ta' Fanny Attard Bezzina. (Onor. Membri: Hear, hear)

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jien ningħaqad f'ismi u għan-naħa ta' l-Oppożizzjoni, mal-Ministru li għadu kif tkellem biex nibagħtu f'isimna lkoll il-kondoljanzi lir-raġel ta' Mrs Attard Bezzina, li lkoll nafuh hawnhekk fil-Parlament; u verament kondoljanzi mill-qalb.

Jien, lil Mrs Attard Bezzina ma kontx nafha fil-Parlament, pero' kont nafha privatament, u għal xi snin kienet ġirien tiegħi fis-sajf, ġieli lgħabna l-karti flimkien. Naf li kienet mara dedikata, mara li għamlet mill-aħjar li setgħet biex tkun ta' servizz mhux biss għall-familja tagħha imma wkoll kull fejn setgħet għall-aħjar kollha tal-pajjiż. Iddedikat parti sew minn ħajjitha għall-attivita' politika diretta u kienet Membru ta' dan il-Parlament, u ċertament kienet ta' għajnuna lil żewġha li għal tant snin kien ukoll Membru ta' dan il-Parlament.

Hija eżempju għalina għaliex ħaġa li kienet tolqotni ferm lili - u li ftakart ukoll meta mort għall-funeral tagħha għax kien punt li għamel fl-omelija Patri Dijonisju Mintoff, wieħed miċ-ċelebranti fil-quddiesa - kienet it-tbissima li Mrs Attard Bezzina dejjem kellha fuq xofftejha. Dan huwa minnu għax kienet mara li f'dak kollu li tagħmel, f'kull mument, kellha din it-tbissima li għenet żgur biex tferraħ kemm lilha kemm ukoll lil dawk ta' madwarha.

GĦalhekk, kif inhu d-dmir tiegħi, jien ukoll ningħaqad u nixtieq li nibagħtu lill-familja tagħha l-kondoljanzi tagħna. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef) : Is-Sedja tingħaqad mal-Gvern u ma' l-Oppożizzjoni fil-kondoljanzi li taw u fil-mod li bih esprimew l-apprezzament tal-karattru ta' Fanny, kif konna nafuha. Lil Fanny, kont illi nafha minn meta kelli 14-il sena. L-ewwel esperjenza li kelli hija meta ommha u hi kważi ridu jadottawni wara l-mewt ta' ommi. Sibthom nies ta' għajnuna kbira tul ħajti, u speċjalment fl-ewwel snin ta' tfuliti. Bqajt insegwi lil Fanny meta telgħet fil-Parlament u meta żewġha kien hawnhekk magħna, u bqajt insegwiha wara wkoll; u nħoss li nista' biss nikkonferma l-kliem wisq tajjeb li ntqal dwar il-karattru tagħha.

Għalhekk nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal dan kollu lill-familja ta' Fanny Attard Bezzina.