Tifkira
tal‑Ex Deputat Parlamentari
Anne Agius Ferrante
fil‑Kamra tad‑Deputati
Parlament ta’ Malta
20 ta’ Awwissu 1925 – 05 ta’ April 2023
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati
bejn
il‑15 ta’ Diċembru 1980 u d‑9 ta’ Novembru 1981
L‑Ewwel Diskors fil‑Kamra tad‑Deputati
tal‑Ex Deputat Parlamentari Anne Agius Ferrante
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 473
tat‑Tnejn, 2 ta’ Marzu 1981
IR‑RABA’ LEĠIŻLATURA
AĠĠORNAMENT
ONOR. ANNE AGIUS FERRANTE: Mr Speaker, is‑sena 1981 ġiet dikjarata s‑Sena Internazzjonali tal‑Inkapaċitati. Matul ix‑xhur li ġejjin mistennija jsiru ħafna attivitajiet biex ifakkru din is‑sena u għandna x’nifhmu u nemmnu li dawn se jkunu ta’ benefiċċju għal dawk li huma fiżikament u mentalment inkapaċitati. Hemm bżonn li wieħed jifhem ferm iżjed il‑kelma “inkapaċitati jew żvantaġġati”. Jekk aħna nifhmu din il‑problema, inkunu nistgħu ngħinu lil dawn in‑nies iżjed fil‑ħajja diffiċli tagħhom. L‑inkapaċità taffettwana wkoll, sew bħala individwi, sew bħala soċjetà, sew bħala membri ta’ familja. Din mhux ħaġa li tiġri biss lil ħaddieħor. Ħafna minna nsiru inkapaċitati parzjalment hekk kif nikbru f’dak li hu s‑smigħ, il‑vista u l‑mobilità li din tista’ tonqos. Ħafna nies inkapaċitati – u din hi ħaġa li rridu niftakruha – kienu sħaħ u b’saħħithom sakemm ġratilhom xi diżgrazzja jew ġiet fuqhom xi marda. Hu essenzjali li dawn in‑nies jiġu trattati bħala individwi normali. Anke jekk dan xi minn daqqiet jinvolvi xi element ta’ riskju. Din hi ħaġa li għandna nipprovaw ngħallmu lill‑pubbliku ġenerali din is‑sena.
Din is‑sena wkoll irridu nkomplu nfittxu mezzi kif nevitaw l‑inkapaċità bir‑riċerka, l‑immunizzazzjoni, ir‑rijabilitazzjoni u kif nevitaw id‑diżgrazzji. Din is‑sena wkoll hemm bżonn li nagħmlu riżoluzzjoni, insalvaw kemm jista’ jkun nies li jsiru inkapaċitati permezz ta’ prevenzjoni. Nirriduċu l‑effetti tal‑inkapaċità bil‑proviżjon ta’ servizzi adegwati ta’ rijabilitazzjoni. Nipprovaw li nippromwovu lill‑pubbliku li jsir jaf bil‑problemi tan‑nies u tad‑dritt tagħhom ta’ ugwaljanza soċjali. Nassiguraw li n‑nies żvantaġġati huma parti tas‑soċjetà u li jistgħu jipparteċipaw kompletament fil‑ħajja tal‑komunità. Nies fiżikament żvantaġġati mhumiex xi grupp omoġenu u m’hemmx mod li jistgħu jiġu megħjuna bħala grupp globali. Mhumiex problema li għandha tkun riferita lil xi espert mediku jew terapewtiku. Huma nies kapaċi li jlaħħqu mal‑iżvantaġġi tagħhom u partikolari u personali tagħhom. F’termini prattiċi, wieħed jista’ jikkonsidra l‑bini ta’ rampi fl‑irħula, li jidħlu f’xi teatru b’xejn; li t‑trasport pubbliku jkun b’xejn; ikun hemm poġġamani fl‑irħula fejn huma ma jistgħux jilħqu. Huma miljuni l‑inkapaċitati fid‑dinja, Mr Speaker. Fir‑Russja biss hemm fuq it‑3,000,000. F’Malta żgur li n‑numru mhux żgħir, huwa wisq ikbar minn dak li nixtiquh aħna. Għandi quddiemi l‑aħħar ċensiment tal‑inkapaċitati ta’ Malta u Għawdex li nħareġ fis‑sena 1972/73, u se ngħidilkom xi ftit affarijiet minnu. Ma nistax nitkellem fuq il‑headings kollha għax hemm ħafna, però nagħżel ftit u nkellimkom fuqhom. It‑total tal‑inkapaċitati huwa – dan huwa fl‑1972/73 – 2,568; il‑mental subnormality huma 829; il‑poliomyelitis, li hu l‑paraliżi, 188; cerebral palsy spastics 106; it‑torox 78; is‑sordomuti 75; l‑amputations, jiġifieri dawk li għandhom xi membru minn ġisimhom nieqes għal raġuni jew oħra, 72; u l‑għomja 311. Hemm ħafna headings oħrajn; hemm l‑epilessija, dystrophy u affarijiet oħrajn, però dawn għalija huma l‑iżjed importanti, li semmejt.
Issa fuq il‑medically subnormal hemm ftit jew xejn li wieħed jista’ jagħmel medikament għalihom u jien konvinta li l‑edukazzjoni tagħhom qed issir fl‑iskejjel tal‑mentally subnormal li hemm bħalissa, jiġifieri dak li jista’ jsir qed isir. Fil‑poliomyelitis, dawk li ngħidulhom aħna tal‑paraliżi, li dawn huma fiżikament inkapaċitati, jiġifieri jistgħu jaħdmu b’moħħhom, sar ħafna fir‑Rehabilitation Centre ta’ Kordin. Dawn jagħtu servizz lill‑komunità u xogħol siewi u ħafna minnhom huma impjegati ma’ intrapriżi privati u anke biċċiet minnhom mal‑Gvern. Jidħlu għall‑isports u jagħmlu xogħol ta’ knitting u toys li jinbiegħu. Jien naħseb li għal dawn qed isir kulma hemm bżonn li jsir. L‑ispastic, li huwa s‑cerebral palsy, dan huwa suġġett wisq iżjed serju, skont jien Mr Speaker, għax il‑biċċa l‑kbira ta’ dawn l‑ispastics huma kaġun ta’ difett fil‑moħħ li jsir fit‑twelid. Dawn it‑tfal ma jistgħux jikkordinaw ġisimhom, idejhom u saqajhom u mhumiex tfal stupidi. Ħafna drabi huma tfal intelliġentissimi, dawn it‑tfal spastics. Din tista’ tiġi evitata billi nrawmu lill‑midwives tagħna u lin‑nurses. Dawn għandhom ikunu mrawmin u għandhom ikunu iżjed speċjalizzati biex ikunu jafu meta, pereżempju, ikun hemm bżonn ta’ ħlas ċesarja, iridu jkunu jafu meta l‑ħlas mhux ġej normali, iridu jkunu jafu meta jgħajtu lill‑professur jew lit‑tabib u jgħidulu: Dan il‑ħlas ġej diffiċli. Għaliex dawn l‑ispastics, u xi minn daqqiet anke l‑epileptics, dawk li għandhom l‑epilessija, huma riżultat tal‑użu tal‑għodda fil‑ħlas. U l‑użu tal‑għodda … Għandhom ikunu jafu n‑nurses u l‑midwives meta għandhom jgħajtu lit‑tobba għax dawn jikkaġunaw brain damage u għal dan m’hemmx fejqan. Allura fuq din il‑kwestjoni tal‑ispastics, hija l‑edukazzjoni tal‑midwives u tan‑nurses tagħna fl‑isptarijiet.
It‑torox, li skont dan is‑census huma 78 biss – naħseb li hemm iżjed, però dan il‑mard mhuwiex notifiable diseases allura s‑census ma jistax ikun akkurat ħafna. Jien din nammettiha – hemm skejjel għalihom u qegħdin jitgħallmu ħafna fl‑iskejjel li hawn bħalissa hawn Malta. Però jien ma nafx humiex qegħdin jingħataw hearing aids, dawn il‑magni tas‑smigħ b’xejn mill‑Gvern, jekk humiex qegħdin jingħataw … Jien naħseb li hija ħaġa tajba li jibdew jingħataw. Is‑sordomuti, dawk li ma jisimgħux u li ma jitkellmux, huma naturalment iżjed serji mit‑torox. Fl‑iskejjel tal‑inkapaċitati illi għandna issa hawn Malta qegħdin jgħallmuhom tajjeb ħafna bis‑sinjali, bis‑sign language, jitgħallmu bis‑sinjali ta’ idejhom u bis‑sinjali ta’ xofftejhom, li huwa l‑metodu internazzjonali kif jitgħallmu s‑sordomuti. Però jien nixtieq nissuġġerixxi lill‑Gvern illi forsi darba kuljum, f’xi ħin, fuq it‑television Malti jsir program għal dawn is‑sordomuti bis‑sign language biex dawn iħossuhom li mhumiex maqtugħin għalkollox mis‑soċjetà u mid‑dinja. Però l‑ħaġa li forsi lili tinkwetani l‑iżjed hija l‑għomja u l‑amputations, l‑amputations jiġifieri dawk li jkollhom parti minn ġisimhom maqtugh ̓il barra. Għaliex dawn, all right, l‑għomja hemm min jitwieled għami, hemm min isir għami permezz ta’ diżgrazzja, hemm ukoll mard tal‑għajnejn, però l‑biċċa l‑kbira tal‑għomja li għandna f’Malta huma għomja permezz tad‑dijabete, li hija l‑marda nazzjonali tagħna. Jiena nixtieq hawn nawgura lill‑Ministeru tas‑Saħħa għas‑survey li qed jagħmel tad‑dijabete f’Malta, li kien hawn bżonnu. Kien sar wieħed xi żmien ilu wkoll mill‑Professor John Butterfield, fi żmien meta kien għadu ħaj ir‑raġel tiegħi, però dan is‑survey kien hemm bżonnu. Qed isir bis‑serjetà, qed isir tajjeb, u qed jagħmel ħafna xogħol siewi, u dan jiena napprezzah. Però n‑nies li għandhom id‑dijabete jew il‑marda taz‑zokkor – hekk ngħidulha aħna – iridu jkunu edukati fil‑kura u fid‑dieta. All right, it‑titqib u l‑mediċini huma b’xejn mill‑isptar, però d‑dieta stretta tikkonsisti li għandhom jieklu affarijiet li huma għaljin ħafna fil‑prezz, dak li huwa ħalib li huwa għali, il‑laħam li huwa għali, u l‑prezz tal‑ħaxix m’hemmx bżonn insemmuh għax l‑ebda budget tal‑mara tad‑dar ma tista’ tlaħħaq miegħu. Jista’ forsi jkun hemm sussidju jew grant għal dawn il‑ħwejjeġ tal‑ikel għad‑dijabetiċi u forsi jitnaqqas id‑dazju fuq l‑ikel tad‑dijabetiċi li jiġi minn barra, dawn il‑jams, għaġin u x’naf jien li jieklu d‑dijabetiċi. Għax jekk il‑ħobż, id‑dqiq, iż‑żejt u l‑għaġin huma orħos, bilfors li dawn in‑nies se jieklu dawn l‑affarijiet, u din se tikkaġuna iżjed mard, iżjed dijabete u iżjed spiża għall‑Istat. Jiġifieri hemm bżonn, Mr Speaker, li l‑awtoritajiet tas‑saħħa jaraw kif dawn in‑nies se jlaħħqu mal‑ħajja għall‑affarijiet li għandhom bżonn għall‑marda tad‑dijabete u hemm bżonn żgur li għandu jkun hemm is‑sussidju.
Il‑mard mentali huwa forsi l‑agħar fost dawk li semmejt. Mr Speaker, qatt ma ninsa l‑espressjoni fuq wiċċ omm li r‑raġel tiegħi ftit sigħat qabel, ftit żmien qabel, kien qalilha: Din it‑tifla tiegħek mhix se tkun bħall‑oħrajn. L‑espressjoni fuq wiċċ dik il‑mara kienet qisha kxif ta’ separju li warajh kien jeżisti baħar ta’ problemi li jnikktu lill‑qasam kbir ta’ ħutna tal‑popolazzjoni tad‑dinja, ħutna l‑iżvantaġġati b’mankament jew f’moħħhom jew f’ġisimhom. L‑omm li ssir taf b’xi difett ta’ binha jew bintha tieħu xokk enormi, u bħala reazzjoni ssib ruħha esposta għal żewġ tentazzjonijiet: Jew tiddedika ruħha kollha għat‑tarbija mmankata bil‑konsegwenza li jsofru jew tnaqqas l‑attenzjoni lejn żewġha u wliedha l‑oħrajn, jew f’każijiet oħra, ikunu rari, tirrifjuta taċċettaha. Hemm każi meta l‑preżenza ta’ tifel ta’ din l‑għamla, bl‑għajnuna t’Alla, isservi biex tkompli tgħaqqad ir‑rabtiet tal‑familja. Hemm każi oħrajn meta din il‑preżenza, minħabba attitudini egoista jew minn xokk kbir li jdum fit‑tul, tista’ twassal għax‑xifer tar‑rovina. Hemm każi oħrajn meta l‑qagħda tal‑persuna mmankata tant tkun ħażina u gravi li minħabba l‑istress, l‑omm u l‑missier, il‑ġenituri ma jistgħux jikkowpjaw ma’ din il‑problema. Huma dawn it‑tfal, Mr Speaker, li jispiċċaw fid‑Dar tal‑Providenza tas‑Siġġiewi mmexxija tant tajjeb minn Monsinjur Azzopardi u l‑helpers tiegħu, li hija dar eżemplari, post ideali mibni fuq karità, rieda tajba u mħabba. Nixtieq ngħid hawn, Mr Speaker, illi jekk ma hemmx postijiet biżżejjed f’dawn id‑djar tas‑Siġġiewi u postijiet oħrajn residenzjali, il‑Gvern irid u għandu jaħseb li jibni postijiet bħal dawn għal dawk it‑tfal u forsi anke adulti li ma sabux post f’dawn l‑istituzzjonijiet tant tajba. Hemm ukoll każi – u mhux ftit – meta l‑injoranza jew il‑konsegwenza ta’ xokk huma tant kbar li jispiċċaw għal vera moħqrija li ma titwemminx. Dawn huma l‑każi ta’ ommijiet jew ġenituri – għax mhux l‑ommijiet biss huma ġenituri – fejn meta jitwieled tifel jew tifla mmankat, dawn jaħbuhom fid‑dar tagħhom, ma juruhomx lill‑ġirien għax jgħidu: Għarukaża, u ħaġa u oħra. Dawn it‑tfal jikbru veru f’atmosfera ta’ moħqrija, u l‑konsegwenzi huma konsegwenzi li ma jitwemmnux. Filwaqt li nifhmu, Mr Speaker, li t‑tfal tagħna huma mill‑aħjar li wieħed jista’ jistenna, b’saħħithom, ikkultivati, sbieħ u intelliġenti, m’għandniex ninsew li hawn dawn it‑tfal l‑oħra. Kull omm trid tgħid: Dawn setgħu kienu tiegħi. Għalhekk jeħtieġ li ninteressaw rwieħna minnhom u nagħmlulhom mill‑aħjar biex dawn jirbħu dan l‑iżvantaġġ li għandhom ħalli jkunu jistgħu joqorbu ferm iżjed lejn l‑oħrajn. Saru affarijiet għall‑edukazzjoni ta’ dawn it‑tfal. Nixtieq nikkwotalek, Mr Speaker, issa, l‑istituzzjonijiet u l‑iskejjel li nfetħu f’dawn l‑aħħar snin għal dawn it‑tfal.
F’Mejju tal‑1956 infetaħ unit għat‑tfal torox; fl‑1959 ċentru għall‑għomja kbar f’Santa Venera; fl‑istess sena ikel ġol‑iskejjel għall‑inkapaċitati – dawn kienu bdew iseħħu taħt it‑tmexxija tas‑Save the Children’s Fund. F’Ottubru 1959 l‑iskola ġol‑Isptar ta’ St Luke’s, jiġifieri kienu jmorru t‑teachers – u naħseb li għadhom – jgħallmu lill‑pazjenti inkapaċitati. F’Diċembru 1959 l‑Iskola tal‑Holy Innocence għall‑mentalment inkapaċitati ġol‑Wardija, u fi Frar, tal‑1960 klassi għat‑tfal għomja. Dawn kienu taħt il‑Gvern Kolonjali. Tela’ l‑Gvern Nazzjonalista u f’Mejju 1963 infetaħ unit għat‑tfal educationally subnormal. Fl‑istess xahar Guardian Angel School għall‑mentalment inkapaċitati f’Ħal Qormi. F’Settembru 1965 servizz għat‑tagħlim fid‑djar għall‑inkapaċitati. Kienu jmorru u għadhom imorru sal‑lum it‑teachers jgħallmu – anke llum qegħdin imorru – f’każijiet ta’ ażma, sirt naf. F’Settembru tal‑1965 f’Għawdex infetaħ therapeutic teaching fid‑djar għat‑tfal torox u, fl‑1970, f’Għawdex ukoll, proviżjoni f’Għawdex għat‑tagħlim speċjali tat‑tfal kollha inkapaċitati. F’Settembru tal‑1966 Mater Dei School għat‑tfal malaġġustati fl‑Imsida, u fl‑1967 klassijiet rimedjali għat‑tfal backward ġo skejjel ordinarji, jiġifieri ġol‑iskejjel ta’ Ħaż‑Żabbar u tar‑Rabat – dawk kienu fl‑iskejjel primarji ta’ dawn l‑inħawi. F’Jannar tal‑1971, unit għat‑tfal fiżikament inkapaċitati ġie miftuħ fl‑iskola tal‑Pietà. Dawn huma kollha taħt Gvern Nazzjonalista. Fl‑1976 klassijiet tal‑kindergarten għat‑tfal severament inkapaċitati fl‑iskola tal‑Pietà. Mill‑1977 ˋl hawn żdiedet klassi għat‑tfal li huma għomja u li għandhom xi mankament ieħor, u remedial classes għat‑tfal li huma educationally subnormal. Dawn żdiedu fl‑iskejjel privati. Iċ‑Ċentru tal‑Għomja f’Santa Venera issa ġie trasferit mill‑Ministeru tal‑Kultura u Servizzi Soċjali u issa jifforma parti tal‑Ħidma Ċentru Soċjali, Santa Venera, ċentru li jinkludi l‑inkapaċitati oħra żgħażagħ u adulti wkoll u lill‑fiżikament u mentalment inkapaċitati.
Mr Speaker, kien Gvern Nazzjonalista li ħa r‑rimedju biex jara li dawn in‑nies jibdew huma wkoll jagħtu l‑kontribut tagħhom fis‑soċjetà u b’hekk, flok iħossuhom piż fuq il‑familja u fuq is‑soċjetà, iħossuhom ta’ gwadann li qed jagħmlu xi ħaġa utli u li qed jgħinu fil‑piż tal‑familja u li qed iġorru huma wkoll. Kienet, għalhekk, forsi l‑isbaħ ħaġa li ġrat lil dawn in‑nies f’dan is‑seklu meta Gvern Nazzjonalista għadda liġi li tobbliga lil ċerti impriżi privati li jimpjegaw nies inkapaċitati u dawn jingħataw ċans u l‑opportunità li huma jagħtu prova tal‑ħila u tat‑talenti li tant minnhom għandhom. U għalhekk b’sogħba, għandi ngħid li ebda inkapaċitat li kien qed jirreġistra għax‑xogħol fis‑sena li għaddiet ma nstablu impjieg mal‑Gvern. Huwa l‑Gvern li għandu jagħti eżempju lill‑intrapriżi privati biex jimpjega lil dawn in‑nies inkapaċitati.
Mr Speaker, l‑Old Age Pensions Act tal‑1948 ġie emendat fl‑1964 u bħala riżultat l‑għomja ġew intitolati għal dan il‑benefiċċju mill‑età ta’ 14‑il sena minflok mill‑età ta’ 40 sena. Mill‑1 ta’ April tal‑1976, dan il‑benefiċċju ġie mogħti lil persuni li jsofru minn kategoriji oħra ta’ mard. Kien hemm xi sitta li kienu, sa fejn nista’ niftakar jien, il‑hydrocephalus, spina bifida, ballo di San Vito u muscular dystrophies u hemm xi tnejn oħra li jien ma nistax niftakarhom. Dawn il‑benefiċċji li jiġu taħt in‑Non‑contributory Old Age Pensions Act tal‑1948 jingħataw permezz ta’ means test. Jekk persuna tkun waħedha, jiġifieri mhux miżżewġa u jkollha dħul ta’ iżjed minn LM225 fis‑sena, din il‑persuna mhijiex intitolata għal din l‑allowance. Persuna miżżewġa jista’ jkollha dħul ta’ LM425 fis‑sena qabel ma tieħu l‑benefiċċju. Fl‑opinjoni tiegħi, Mr Speaker, dan jiskoraġġixxi persuni inkapaċitati li jagħmlu xogħol part‑time li jipproduċi iżjed dħul minn dak stabbilit bħala dħul annwali. Dan id‑dħul annwali huwa wisq inqas min‑national minimum wage ta’ LM26.88 fil‑ġimgħa u dan huwa l‑Budget ta’ din is‑sena jew LM1,397 fis‑sena. Jiġifieri, kont qed ngħid, Mr Speaker, li għandhom is‑single persons LM225 fis‑sena u l‑miżżewġin LM425 fis‑sena li huwa wisq inqas min‑national minimum wage tal‑Budget ta’ din is‑sena. Is‑soluzzjoni tista’ tkun, Mr Speaker, li jitneħħa l‑benefiċċju mill‑Old Age Pensions Act u li ssir disablement allowance speċifika li tippermetti persuni inkapaċitati li jaqilgħu paga li flimkien mal‑benefiċċju ma teċċedix in‑national minimum wage. Din hija ħaġa li jien nixtieq issir.
Mr Speaker, nixtieq nagħmel enfasi wkoll fuq l‑awtoritajiet tal‑Gvern u dawk inkarigati fl‑organizzazzjoni ta’ din is‑Sena Internazzjonali tal‑Inkapaċitati, li jagħtu ċans lil dawn l‑inkapaċitati stess li jagħmlu suġġerimenti kif għandhom jiġu organizzati l‑attivitajiet li minnhom iridu joħorġu sodisfatti huma l‑inkapaċitati stess. U biex nikkonkludi, nappella lilkom ilkoll, il‑Maltin kollha li mingħajr preġudizzju ta’ ebda kulur politiku, ngħinu b’ħilitna kollha lil dawn in‑nies ħutna Maltin li huma inqas iffortunati minna. (Hear Hear)
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 110 tal-Erbatax-il Parlament tat-Tnejn 17 ta' April 2024
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (L-Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tgħaddi l-kondoljanzi tagħha fir-rigward tal-Eks Membru Parlamentari, is-Sinjura Anne Agius Ferrante, li ġiet nieqsa fil-5 ta’ April ta’ din is-sena.
Rimarki? Id-Deputat Prim Ministru.
ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, lis-Sinjura Anne Agius Ferrante jien ma kontx nafha personalment ħlief għal episodju wieħed fejn kelli xi naqra interazzjoni magħha. Se nsemmi dan l-episodju għax għalkemm konna fuq in-naħat opposti tal-argument, ħallietni bl-impressjoni - liema impressjoni għadni biha sal-lum - li din kienet mara li taf fiex temmen u li dak li kienet temmen fih, kienet lesta li tiddefendih b’mod qawwi.
Ma niftakarx sew jekk f’dak iż-żmien li seħħ dan l-episodju, jiġifieri għall-ħabta tal-1980 u l-1981, is-Sinjura Anne Agius Ferrante kinitx għadha kemm tispiċċa minn Membru Parlamentari, però naf li kienet għadha attiva fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għax kienet ukoll il-President tal-fergħa tan-nisa tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien jien kont uffiċjal fil-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, u billi kont ukoll delegat tal-Partit Laburista, fettilli nressaq mozzjoni flimkien ma’ sħabi fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista biex jiġi introdott għall-ewwel darba d-divorzju f’Malta. Dakinhar din il-mozzjoni ma kinitx għaddiet mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, però sakemm wasalna għal dan il-proċess, fost il-persuni li kienu ħarġu kontra din il-pożizzjoni b’mod qawwi, kien hemm proprju s-Sinjura Anne Agius Ferrante. L-istorja turina li, kif għedt diġà, din il-mozzjoni ma kinitx għaddiet dakinhar u eventwalment kellhom jgħaddu 30 sena sakemm daħal id-divorzju f’pajjiżna, però nista’ ngħid li dak iż-żmien l-impressjoni li kont ifformajt jien tas-Sinjura Agius Ferrante kienet illi din kienet mara li ma kinitx tiddejjaq tgħid dak li temmen fih, anzi kienet pjuttost soda f’dak li kellha xi tgħid. Din kienet proprju l-opinjoni li kont ifformajt tas-Sinjura Agius Ferrante, liema opinjoni bqajt inġorrha sal-lum.
Sur President, ta’ min jgħid ukoll li s-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet waħda mill-pijunieri tal-Membri Parlamentari nisa f’dan il-Parlament. Fil-fatt kienet l-ewwel mara li ġiet eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista. Naturalment ma kinitx l-ewwel mara eletta fil-Parlament. Pereżempju, il-President Emeritu Agatha Barbara, l-Eks Membru Parlamentari Evelyn Bonaci u l-Eks Membru Parlamentari Mabel Strickland kienu ġew eletti qabilha fil-Parlament Malti, però hija kienet waħda mill-ewwel nisa eletti f’dan il-Parlament u nerġa’ ngħid li ċertament kienet l-ewwel mara eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Is-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet ġiet eletta f’dan il-Parlament fl-1980 permezz ta’ by-election wara li kien spiċċa mill-kariga Dr George Borg Olivier. Matul dik il-Leġiżlatura, li kienet inbdiet fl-1976 u li għaliha kienet ikkontestat is-Sinjura Agius Ferrante, minbarra li kienet ġiet eletta hi kienu ġew eletti biss żewġ nisa oħra li diġà semmejthom; il-President Emeritu Agatha Barbara u l-Eks Membru Parlamentari Evelyn Bonaci. Għalhekk meta mbagħad kienet ġiet eletta s-Sinjura Agius Ferrante wkoll, għall-ewwel darba fil-Parlament Malti kien hemm tliet nisa. Li kieku dawn it-tliet nisa, li llum ħallewna t-tlieta li huma, kellhom iħarsu lejn il-Parlament ta’ sena u nofs ilu, kienu jaraw li s-sitwazzjoni f’pajjiżna ftit inbidlet minn dak iż-żmien għax in-numru ta’ nisa f’dan il-Parlament kien baqa’ żgħir. Però s-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet l-unika waħda minnhom li għexet biżżejjed biex tara anke l-bidla li saret fil-Parlament Malti għax li kieku llum il-President Emeritu Agatha Barbara, l-Eks Membru Parlamentari Evelyn Bonaci u l-Eks Membru Parlamentari Anne Agius Ferrante kellhom ikunu preżenti fl-Istrangers’ Gallery, kif fil-fatt jien persważ li qed iħarsu lejna minn xi mkien aħjar, kienu jaraw li grazzi - u mhux bi ftit - għall-isforzi tagħhom, grazzi għall-mod kif huma kellhom il-kuraġġ joħorġu għall-politika minkejja li dak iż-żmien f’pajjiżna ftit kienu dawk in-nisa li kienet tiġihom din il-ħajra, u anke grazzi għal dak li aħna għamilna flimkien matul il-Leġiżlatura li għaddiet f’din il-Kamra stess, illum hawn sitwazzjoni ferm differenti. Biżżejjed ngħid li llum il-bilanċ bejn iż-żewġ sessi f’din il-Kamra huwa verament viċin. Din hija xi ħaġa ta’ ġid, u jien ngħid illi minn hawn u ftit tas-snin oħra wieħed lanqas biss ikollu għalfejn jaħseb li jsemmih dan il-punt għax din tkun xi ħaġa li, bħalma jiġri fil-kumplament tas-soċjetà, tkun indrat ukoll. Però parti sew mill-mertu li llum ir-rappreżentanza tal-poplu Malti f’dan il-Parlament tirrifletti l-popolazzjoni tagħna f’dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ sessi hija grazzi għall-isforzi żgħar tas-Sinjura Agius Ferrante, u jien ninsab ċert li l-istorja se tibqa’ tiġi mfakkra b’dan il-mod.
Sur President, ta’ min jgħid li s-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet attiva wkoll anke barra l-politika. Fil-fatt kienet il-Kummissarju tal-Girl Guides għal numru ta’ snin, u naf li kienet attiva ħafna anke b’mod soċjali fejn kienet tagħmilha ma’ ħafna u ħafna nies. Għalhekk il-memorja tagħha se tibqa’ ħajja mhux biss fl-istorja politika u fl-istorja ta’ pajjiżna imma anke fil-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin.
Għalhekk f’ismi u f’isem sħabi ta’ din in-naħa tal-Kamra nestendi l-kondoljanzi lill-familjari u lill-ħbieb tas-Sinjura Anne Agius Ferrante. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, bla dubju s-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet teżor kbir għall-familjari tagħha u anke għal dawk li jafuha. Aħna, fid-dinja tal-politika, lis-Sinjura Agius Ferrante nafuha bħala Deputata mara li kienet fil-Parlament Malti fi żminijiet li kienu diffiċli għall-mara biex toħroġ għall-politika. Dak iż-żmien is-soċjetà kienet għadha tikkonsidra lill-mara bħala persuna li postha għandu jkun fid-dar u żgur mhux fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Għalhekk bla dubju l-isforz tas-Sinjura Agius Ferrante kien jinvolvi sforz akbar minn dak ta’ ħaddieħor. Tant hu hekk li, skont kif jien informat, lanqas setgħet issib canvassers biex jaħdmu għaliha għax dak iż-żmien kien diffiċli għall-mara biex tirbaħ il-fiduċja tan-nies.
Is-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet ġejja minn familja li kienet involuta fil-politika, fosthom ħuha s-Sur Anthony Pullicino, li kien Speaker tal-Parlament. Sa mill-bidu tal-Partit Nazzjonalista, wieħed jista’ jgħid li dejjem kien hemm xi ħadd mill-familja Pullicino li kien membru ta’ dan il-Partit. Dan il-fattur wera fiha x-xewqa li timpenja ruħha fil-politika, partikolarment fil-Partit Nazzjonalista. Is-Sinjura Agius Ferrante wriet li m’għandekx taqta’ qalbek iżda li għandek tibqa’ tippersisti għax hi kienet iggwidata mid-determinazzjoni li tagħmel il-ġid. Emmnet, għamlet kuraġġ lil ħafna nisa oħrajn u għamlet ħilitha kollha biex il-mara timxi ’l quddiem fis-soċjetà u tieħu sehem aktar b’mod attiv fit-tmexxija tal-pajjiż. Is-Sinjura Agius Ferrante kienet strumentali biex jinfetaħ il-bieb ħalli joħorġu aktar nisa fil-qasam tal-politika. Kienet ittenni li sehem il-mara kien importanti ħafna fil-politika għax il-mara għandha ħafna x’tagħti f’dan il-qasam. Kienet taħdem biex il-familji jegħlbu l-isfidi l-kbar li kien ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom dak iż-żmien, fosthom fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-qasam tal-qgħad u f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-perikli li jġibu magħhom ir-reati, id-droga u l-vjolenza. Kienet temmen fil-familja, f’edukazzjoni għal kulħadd, fl-aqwa servizzi tas-saħħa, fl-indafa fit-tmexxija u fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem biex dak li ħadmu għalih ta’ qabilha jibqa’ jitgawda matul is-snin ta’ wara.
Is-Sinjura Anne Agius Ferrante minn dejjem kienet tal-fehma li pajjiżna għandu jkun madwar il-mejda Ewropea għax kienet temmen li l-ġenerazzjonijiet ta’ dak iż-żmien u anke dawk futuri kienu se jgawdu bi sħubija fl-Unjoni Ewropea. Baqgħet impenjata fil-ħajja pubblika, fosthom anke fil-bord ta’ dik li kienet il-MEPA.
Sur President, is-Sinjura Agius Ferrante tilfet lil żewġha meta kienet għadha pjuttost żgħira, u dan fisser aktar impenn min-naħa tagħha biex tara liż-żewġ uliedhom, Susan u Timothy, jimxu ’l quddiem f’ħajjithom, xi ħaġa li rnexxielha tagħmel b’suċċess, b’impenn u b’imħabba, li jien m’għandix dubju kompliet testendi anke għan-neputijiet u għall-pro-neputijiet tagħha.
Is-Sinjura Agius Ferrante kienet mara ta’ valuri sodi u rrispettata minn ħafna. Kienet tieħu gost tara li t-talenti li kellha kienu qed jitgawdew minn ta’ madwarha, anke meta kienet fir-residenza tal-anzjani. Meta kkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-1987, hija kienet intalbet tagħmel appell lill-elettorat, u kienet qalet hekk:
“Agħmlu kuraġġ, kunu tolleranti u fuq kollox itolbu, għax dan hu li hemm bżonn f’dan iż-żmien.”
Sur President, f’isem il-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, f’isem il-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra u f’isem dawk kollha li ammiraw u ħabbew lis-Sinjura Anne Agius Ferrante, jien insellem il-memorja tagħha u nagħti l-kondoljanzi lill-familjari tagħha. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi.
Jien min-naħa tiegħi wkoll nixtieq insellem lill-familjari tas-Sinjura Anne Agius Ferrante li llum jinsabu preżenti f’dan il-Parlament. Aħna bħala Uffiċċju ħriġna ktejjeb biex infakkru l-memorja tagħha. F’dan il-ktejjeb wieħed isib l-ewwel diskors li kienet għamlet is-Sinjura Agius Ferrante meta ġiet eletta fl-1980, u rrid ngħid li minn dan id-diskors joħroġ proprju l-karattru tagħha. Fil-fatt f’dan id-diskors is-Sinjura Agius Ferrante tkellmet fost l-oħrajn fuq il-mard, fuq ċerti kondizzjonijiet u fuq ir-riċerka. Fil-fatt għamlet referenza għal riċerka li għamel professur li kien ħabib tar-raġel tagħha - kif intqal diġà, is-Sinjura Agius Ferrante tilfet lir-raġel tagħha meta kienet għadha żgħira - fuq Save the Children Fund minħabba li dak iż-żmien kien hawn tfal li kellhom kondizzjonijiet ta’ inkapaċità mentali, u anke fuq dawk l-iskejjel li ġew imwaqqfa proprju għal tfal li għandhom ċerti bżonnijiet. Fil-fatt fost l-oħrajn għamlet referenza għal dak li llum huwa l-Guardian Angel Resource Centre. F’dan id-diskors hija daħlet ukoll fil-qasam tal-pensjonijiet fejn semmiet l-Old Age Pension Scheme tal-1948, li sussegwentement kienet ġiet emendata fl-1964.
F’diskors wieħed is-Sinjura Anne Agius Ferrante rnexxielha titkellem dwar dawn l-aspetti kollha, u dan id-diskors, li kien wieħed mirqum għall-aħħar, ħareġ il-karattru tas-Sinjura Agius Ferrante. Ovvjament peress li hi kienet ġiet eletta f’dan il-Parlament fl-1980 u damet Membru Parlamentari sa Novembru minħabba li mbagħad kienet issejħet l-elezzjoni ġenerali tal-1981, ħadd minna ma laħaqha u għalhekk ħadd ma jista’ jgħid li jafha mill-qrib, però minn dan id-diskors wieħed jista’ jsir jaf il-karattru tagħha.
Jien kont wieħed minn dawk li attendejt għall-funeral tagħha, u waqt l-omelija Fr Gordon Refalo spjega bl-aktar mod ċar kemm is-Sinjura Anne Agius Ferrante kienet temmen li għandha tagħmel il-karità u taqdi l-missjoni tagħha b’ċerta determinazzjoni.
Għalhekk is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra, ċjoè mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, filwaqt li tinkariga lill-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur Raymond Scicluna, biex iwassal il-kondoljanzi lilkom, il-familjari, anke bi traskrizzjoni ta’ dak kollu li ntqal f’din il-Kamra dwar is-Sinjura Anne Agius Ferrante. Nirringrazzja lil kulħadd. (Onor. Membri: Hear, hear)
Ġiet eletta: | 11.12.1980 |
Ġurament tal-Ħatra: | 15.12.1980 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |