Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR170281 - The Speaker welcomes proposal by the Malta Unborn Child Movement – 05.02.17

Data 05.02.2017

Dalgħodu, Jum il-Ħajja, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Parlament ta’ Malta Anġlu Farrugia, irċieva mingħand is-Sur Anthony Mifsud, Koordinatur tal-Malta Unborn Child Movement, proposta sabiex tkun organizzata Konferenza Nazzjonali dwar l-Ekoloġija tal-Ġuf u Ħajja ta’ Kwalità għat-Tarbija li ser Titwieled fil-Gżejjer Maltin.
 
F’diskors li għamel, l-Ispeaker saħaq fuq il-ħtieġa li kemm it-tarbija fi ħdan l-omm, kif ukoll l-omm għandhom ikunu mħarsa kemm mis-soċjetà kif ukoll mill-Istat kontra kull periklu kemm jekk fiżiku, etiku u morali.  L-Ispeaker qal li jemmen li l-proposta tal-Malta Unborn Child Movement għandha tkun milqugħa għaliex se titratta propju l-persuna l-aktar vulnerabbli, jiġifieri, it-tarbija li għadha trid titwieled u li jixirqilha protezzjoni u ħarsien mill-Istat.
 
L-Ispeaker Anġlu Farrugia tenna li d-dritt tal-ħajja huwa sanċit fil-liġi internazzjonali u dik domestika. Minkejja xi tgħid il-liġi, id-definizzjoni ta’ persuna umana hija nieqsa minn kull referenza għat-tarbija li għadha trid titwieled u għaldaqstant, hi għandha titqies bħala vulnerabbli għaliex m’għandiex il-protezzjoni legali assoluta. F’Malta jeżisti qbil ġenerali li l-ħajja tal-persuna umana tibda mat-tnissil f’ġuf l-omm u tintemm fuq din l-art mal-mewt naturali.  Minn dan il-lat, Malta tista’ titqies bħala pajjiż li jipproteġi t-tarbija f’ġuf l-omm u diversi drabi hi tenniet il-fehma tagħha kontra l-abort.
 
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-proposta tal-Malta Unborn Child Movement tmur aktar mill-ħarsien tal-ħajja tat-tarbija li għadha trid titwieled għaliex twessa’ s-suġġett bil-għan li jkun imħares sew l-ambjent tat-tarbija fi ħdan ommha.  Kif aħna ħabrieka fil-ħarsien tal-ambjent naturali u l-paesaġġ, ġaladarba nemmnu dwar il-ħtieġa li nipproteġu t-tarbija fi ħdan ommha, hekk ukoll jeħtieġ li nirrikonoxxu l-importanza li nieħdu ħsieb l-omm li hija tqila b’tarbija b’mod aktar wiesgħa.  Kull riferenża għall-ambjent, jeħtieġ ukoll jikkunsidra l-ekoloġija tal-ġuf l-omm.  X’inhi t-tifsira ta’ dan?  Jekk naqblu fuq dak li hu meħtieġ għat-tarbija fi ħdan l-omm, jeħtieġ ukoll nagħrfu l-bżonn u l-interessi tal-omm li qed tistenna tarbija u ta’ dawk in-nisa u koppji li qed jaspiraw li jsiru ġenituri.
 
L-Ispeaker ikkonkluda d-diskors tiegħu fejn sħaq li l-inizzjattiva li qed tressaq il-Malta Unborn Child Movement sabiex Malta tkun ta’ eżempju tajjeb għal ħaddiehor, kemm fil-Mediterran u postijiet oħra, fil-kuntest ta’ Ekoloġija tal-Ġuf l-Omm u Ħajja ta’ Kwalità għat-Tfal, hija ta’ minn ifaħħarha.  Huwa qal li jinsab kunfidenti li l-partiti politiċi fil-Parlament ser jagħtu l-appoġġ tagħhom għal din il-proposta li għandha l-għan li tippromwovi kwalità ta’ ħajja mill-aħjar għat-trabi kollha li jkunu ser jitwieldu, lill-ommijiet u lill-ġenituri tagħhom.  ‘Meta nagħmlu dan, inkunu qed naġixxu fl-interess ta’ pajjiżna u tal-umanità’, tenna jgħid l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.

thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV)  (V) 

Stqarrija għall-Istampa