| Ikkuntattjana |
| Fittex
Data 31.08.2013
Illum qed titlaqqa’ għat-tieni jum konsekuttiv il-konferenza ta’ 33rd Small Branches Conference ġewwa Johannesburg organizzata mill-Commonwealth Parliamentary Association.
Id-delegazzjoni Parlamentari Maltija li qed titmexxa mill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti li hija komposta mill-whips l-Onorevoli Carmelo Abela u l-Onorevoli David Agius, tinsab tipparteċipa fil-konferenza ta’ llum fejn qed jiġu diskussi temi dwar Self Determination and Self Governance b’referenza partikolari dwar il-gżejjer tal-Falklands u l-problemi riċenti bejn Ġibilta u Spanja.
Fl-intervent tiegħu ta’ dalgħodu matul il-konferenza, l-iSpeaker Anglu Farrugia tenna li l-problemi dwar il-kwistjoni bejn Ġibilta u Spanja għandhom jitressqu għad-diskussjoni fil-Parlament Ewropew fuq inizjattiva tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja u li huma membri tal-Commonwealth bħal ma huma Malta, Ċipru u l-Ingilterra. Il-Membri Parlamentari tar-Renju Unit li huma preżenti għall-konferenza, appoġġjaw dak li sostna l-iSpeaker Anglu Farrugia. Fl-egħluq tal-intervent tieghu, l-iSpeaker sostna kemm kienu għaqlija l-mexxejja preċedenti ta' pajjiżna li bnew u tawna Kostituzzjoni Repubblikana bbażata fuq in-newtralita li serviet ta' ġid kemm fil-passat u fil-passat riċenti u aktar issa f'dan il-mument partikolari bix-xena politika li għandna fiż-żona tal-Mediterran.
Huwa ta’ min ifakkar illi fi Frar ta’ din is-sena, l-Onorevoli Anglu Farrugia kien ħa sehem f’konferenza li kienet inżammet ġewwa Port Stanley fil-Falklands fir-rigward ta’ l-istess problemi tal-gżejjer tal-Falklands.
