| Ikkuntattjana |
| Fittex
Data 29.08.2013
Il-bieraħ filgħodu f’Reykjavik, il-kapitali tal-Islanda, bdiet tiltaqa’ t-Tmien Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej, li hija organizzazzjoni li ġiet iffurmata għall-ewwel darba fuq inizjattiva ta’ Monaco fl-2006, u li Malta tagħmel parti minnha flimkien ma’ tmien pajjiżi oħra. Il-President tal-Parlament tal-Islanda, magħruf bħala l-Althingi u li huwa l-eqdem parlament fid-dinja, qiegħed jospita l-Konferenza ta’ din is-sena, li għaliha f´isem il-Parlament Malti qed jattendi d-Deputat Speaker l-Onor. Ċensu Galea, li qed jissieħeb għaliha ma’ rappreżentanti mill-parlamenti ta’ Andorra, Liechtenstein, il-Lussemburgu, il-Montenegro, Monaco u San Marino.
Fl-intervent introduttorju tiegħu, l-Onor. Galea ta rendikont fil-qosor tax-xogħol li għandu quddiemu l-Parlament ta’ Malta hekk kif beda jiltaqa’ għat-Tnax-il Leġislatura wara s-sitta ta’ April li għadda. Huwa semma kif, minkejja li d-differenza numerika fis-siġġijiet parlamentari tal-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni f´Malta hija sinifikanti, il-maġġoranza assoluta tal-liġijiet li qed jiġu mgħoddija bħalissa mill-Parlament ta’ Malta qed jgħaddu b’mod unanimu.
L-Onor. Galea għamel referenza wkoll għal laqgħat spissi li qed iwettqu l-bosta Kumitati Parlamentari f´Malta, huma u jiddiskutu materji li qed jitressqu quddiemhom b’mod regolari. Permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlamenti Nazzjonali ngħatatilhom saħħa addizzjonali, u din qed tissarraf f´ħidma sfieqa, bħala eżempju, mill-Kumitat tal-Kamra għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, li qed jagħrbel il-bosta direttivi li joħorġu mill-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hekk ukoll, tenna l-Onor. Galea, il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra qed jistudja liġijiet ġodda li qed jitressqu għad-diskussjoni quddiemu istigati mir-realtajiet, li dejjem qed jinbidlu, tas-soċjetà Maltija.
Il-Konferenza fl-Islanda se tkompli tiltaqa’ għal jum ieħor, u d-delegazzjoni tad-Deputat Speaker mistennija lura Malta fi tmiem il-ġimgħa.
