Ippubblikat: 28 Aww 2024
Data tal-għeluq: 11-Set-2024 12:00 PM
POST TA’ UFFIĊJAL TAL‑BINJA U L‑FAĊILITAJIET
FIL‑KAMRA TAD‑DEPUTATI, PARLAMENT TA’ MALTA
Sejħa Esterna Nru HR 4/24 datata 28/08/2024
Permess ta’ Jobsplus Numru 812/2024
Il‑kliem li jirreferu għal‑ġeneru maskili jinkludu l‑ġeneri kollha.
1. Is‑Servizz Parlamentari qed jilqa’ applikazzjonijiet minn ċittadini Maltin għall‑post ta’ Uffiċjal tal‑Binja u l‑Faċilitajiet fil‑Kamra tad‑Deputati, Parlament ta’ Malta.
2. Termini u Kundizzjonijiet
2.1 L‑applikant magħżul ikun appuntat fil‑post ta’ Uffiċjal tal‑Binja u l‑Faċilitajiet mas‑Servizz Parlamentari fuq bażi full‑time.
2.2 Il-pożizzjoni ta' Uffiċjal tal‑Binja u l‑Faċilitajiet hija suġġetta għal kuntratt definit għal perjodu ta’ tliet (3) snin, li jsir indefinit wara li jiġi ikkonfermat wara perjodu ta' tliet (3) snin.
2.3 Il‑pożizzjoni hija suġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sitt (6) xhur.
2.4 Il-pakkett finanzjarju annwali ta' Uffiċjal tal‑Binja u l‑Faċilitajiet hu ta’ €28,048 (fl-2024), u jinkludi performance bonus u benefiċċji oħra.
2.5 Ir-riżultat ippubblikat mill-Bord tal-Għażla jkun validu għal perjodu ta' sena mid-data tal-pubblikazzjoni.
3. Dmirijiet
3.1 L‑Uffiċjal tal‑Binja u l‑Faċilitajiet huwa responsabbli biex jiżgura l‑manutenzjoni, is‑sigurtà, u l‑konformità tal‑Binja Parlamentari. Id‑dmirijiet tal‑applikant li jintgħażel jistgħu jinkludu li:
a) isegwi l‑attivitajiet ta’ manutenzjoni ta’ rutina ppjanti tas‑sistemi tal‑binja (eż. HVAC, plumbing, drains, elettriku, sistemi ELV) skont skedi stabbiliti sabiex dawn jaħdmu b’mod effiċjenti;
b) jagħmel spezzjonijiet sabiex jidentifika l‑ħtiġijiet ta' manutenzjoni u tindif, u jiżgura li dawn isiru fil‑ħin;
c) jidentifika tiswijiet ta’ emerġenza u manutenzjoni li jista’ jkun hemm bżonn u jikkoordina x‑xogħlijiet meħtieġa;
d) jikkoordina ma' kuntratturi u fornituri ta' servizzi biex jagħmlu x‑xogħlijiet meħtieġa;
e) jiżgura li l‑istandards tas‑saħħa u s‑sigurtà fuq il‑post tax‑xogħol qed jiġu osservati fil‑binja tal‑Parlament;
f) jiżgura l‑integrità tas‑sistemi tas‑sigurtà u tal‑binja;
g) jirċievi u jirriżolvi talbiet ta’ manutenzjoni mill‑okkupanti tal‑binja;
h) jgħin sabiex ikun stabbilit il-baġit neċessarju għall-attivitajiet ta’ manutenzjoni u ta’ saħħa u sigurtà fil-binja tal-Parlament;
i) iżomm rekords ta’ spezzjonijiet, attivitajiet ta’ manutenzjoni, u rapporti ta’ konformità;
j) jgħin fl‑ippjanar u l‑eżekuzzjoni ta’ proġetti u rinovar tal‑binja; u
k) kull dmir ieħor li jista’ jiġi assenjat minn żmien għal żmien mill‑Kap tas‑Sezzjoni u/jew mill‑Iskrivan tal‑Kamra.
4. Eliġibilità
4.1 Sal‑ħin u d‑data tal‑għeluq ta’ din is‑sejħa għall‑applikazzjonijiet, l‑applikanti għandhom:
i. ikollhom kwalifika relevanti fil‑livell ta’ MQF 5;
ii. ikollhom mill-inqas sentejn esperjenza relevanti; u
iii. ikunu kapaċi jikkomunikaw tajjeb bil‑Malti u bl‑Ingliż.
4.2 L-applikanti għandhom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta li jrid ikun maħruġ mhux aktar minn xahar (1) qabel id-data ta’ din is-sejħa.
4.3 Tingħata konsiderazzjoni xierqa lil dawk l‑applikanti li minbarra r‑rekwiżiti indikati fil‑paragrafu 4.1, għandhom esperjenza ta’ xogħol relevanti addizzjonali, huma familjari mal‑ħidma tal‑Parlament, u kapaċi jaħdmu taħt pressjoni u fi grupp.
4.4 L‑applikanti għandhom ikunu eliġibbli skont il‑paragrafi 4.1 u 4.2 mhux biss sad‑data ta’ meta tagħlaq din l‑applikazzjoni, iżda wkoll fid‑data tal‑ħatra.
4.5 Kwalifiki f’livelli ogħla minn dawk indikati aktar ‘il fuq ikunu aċċettati għal skopijiet ta’ eliġibilità sakemm dawn ikunu fis‑suġġetti relatati. Barra minn hekk, kandidati li għadhom ma kisbux formalment il‑kwalifiki rikjesti, jistgħu jiġu kkunsidrati, sakemm dawn il‑kwalifiki jkunu mniżżla fil‑Curriculum Vitae, u sad-data tal‑għeluq ta’ din is‑sejħa għall‑applikazzjonijiet tintbagħat evidenza li huma intitolati għall‑għoti tat-tali kwalifiki.
5. Dokumentazzjoni
5.1 Il‑kwalifiki u l‑esperjenza li l‑persuna jkollha għandhom jintwerew b’ċertifikati u/jew dokumenti, li kopja tagħhom għandha tkun mibgħuta flimkien mal-applikazzjoni b’mod elettroniku jew bil‑posta.
5.2 Iċ‑ċertifikati u/jew dokumenti oriġinali għandhom jintwerew waqt l‑intervista. Fejn ikun meħtieġ, l‑applikanti għandhom jipproduċu d‑dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent mingħand l‑MQRIC rigward il‑kwalifiki tagħhom.
6. Proċedura tal‑Għażla
6.1 L‑applikanti eliġibbli jiġu evalwati minn Bord tal‑Għażla biex jiġi determinat min hu addattat għall‑post. Il‑marka massima għal dan il‑proċess tal‑għażla hija mitt (100) punt u l‑marka li persuna trid iġġib biex tgħaddi hija ħamsin (50) punt. Il‑proċess tal‑għażla jista’ jinkludi test prattiku.
7. Applikazzjonijiet
7.1 Il‑formola tal‑applikazzjoni, li tinsab fuq www.parlament.mt/en/vacancies, flimkien ma’ kopja taċ‑ċertifikati, u Curriculum Vitae li turi l‑kwalifiki u l‑esperjenza, għandhom jiġu indirizzati bil‑posta lill‑Iskrivan tal‑Kamra, Kamra tad‑Deputati, Parlament ta’ Malta, Misraħ il‑Ħelsien, Il‑Belt Valletta VLT 1010, jew jintbagħtu b’mod elettroniku fuq l‑indirizz tal‑email: [email protected], mhux aktar tard minn nofsinhar (12.00pm) ta’ nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Settembru 2024.
7.2 Applikazzjonijiet li jaslu wara d‑data u l‑ħin tal‑għeluq ma jiġux aċċettati.
8. Dispożizzjonijiet Ġenerali
Dispożizzjonijiet oħra ġenerali dwar din is‑sejħa għall‑applikazzjonijiet, b'referenza partikolari għal:
- bdil raġonevoli għall‑persuni rreġistrati b’diżabilità;
- sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent dwar il‑kwalifiki;
- pubblikazzjoni tar‑riżultat;
- eżami mediku;
- il‑proċess sabiex tiġi sottomessa petizzjoni dwar ir‑riżultat;
- aċċess għall‑formola tal‑applikazzjoni u dettalji relatati; u
- żamma ta’ dokumenti,
jistgħu jinkisbu mis‑sit elettroniku tal‑Parlament ta’ Malta fuq l‑indirizz www.parlament.mt/en/vacancies jew mis‑Sezzjoni tar‑Riżorsi Umani tas‑Servizz Parlamentari. Dawn id‑dispożizzjonijiet ġenerali għandhom jitqiesu bħala parti integrali minn din is‑sejħa għall‑applikazzjonijiet.
28 ta’ Awwissu 2024