Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Prof. Edwin Grech

Commemoration Booklet

TIFKIRA
TAL-EX DEPUTAT PARLAMENTARI
EDWIN GRECH
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA

 

27 TA’ SETTEMBRU 1928 – 15 TA’ MARZU 2023


Membru tal-Kamra tad-Deputati

bejn
l-4 ta' April 1992 u t-3 ta’ Awwissu 1998

Edwin Grech


MINISTRU GĦALL-ĦARSIEN SOĊJALI
bejn
id-29 ta' Ottubru 1996 u s-6 ta’ Settembru 1998

ĠURAMENT TA’ LEALTÀ
BĦALA
MEMBRU TAL KAMRA TAD DEPUTATI

 


L-EWWEL DISKORS TA' EDWIN GRECH
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI


ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 3
tat-Tlieta, 7 ta’ April 1992

IS-SEBA’ LEĠIŻLATURA

INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD-DISKORS TAL-PRESIDENT TA’ MALTA (Kontinwazzjoni)

ONOR. EDWIN GRECH: Mr Speaker, waqt li nixtieq nifraħ lill‑Onor. Mario Galea għall‑maiden speech li għamel fis‑seduta tal‑bieraħ fuq il‑mozzjoni mressqa minnu stess bħala ringrazzjament għad‑Diskors li għamel il‑President ta’ Malta fil‑Kamra tad‑Deputati fil‑ftuħ tas‑Seba’ Parlament nhar is‑Sibt li għadda, jisgħobbija ngħid li d‑diskors tal‑Onor. Galea kien mistenni li jkun dwar il-programm ta’ xogħol kif imħejji mill‑Gvern Nazzjonalista għall‑ħames snin li ġejjin. Iżda ħlief ripetizzjoni ta’ tifħir, kliem sabiħ u duħħan ‑ kif kien diġà rifless fid‑Diskors tal‑President ‑ ma qalx.

Għaldaqstant ma nistax ma nassoċjax ruħi ma’ sħabi fuq in‑naħa tal‑Oppożizzjoni u bla tlaqliq ngħid li l‑aktar ħaġa ċara li ħarġet mid‑Diskors tal‑President kienet li l‑Gvern qed jgħid li jrid jagħmel it‑tieni pass tiegħu. Meta mbagħad tifli ftit fiex jikkonsisti dan it‑tieni pass, issib li dan jikkonsisti filli l‑Gvern jagħmel dak kollu li suppost għamel fl‑ewwel pass tiegħu, jiġifieri fil‑ħames snin li għaddew. Dan minkejja l‑kwantità kbira ta’ wegħdiet fiergħa li kien għamel il‑Partit Nazzjonalista b’tant ħerqa u daqq ta’ trumbetti qabel l‑Elezzjoni tal‑1987. Id‑domanda li toħroġ waħedha minn din l‑istqarrija tal‑President ‑ u din ma toħroġx biss mill‑bankijiet tal‑Oppożizzjoni, iżda mingħand il‑poplu Malti u Għawdxi kollu mingħajr ebda distinzjoni ‑ hi kif dan il‑Gvern jitkellem fuq it‑tieni pass meta fl‑istess ħin fid‑Diskors tiegħu l‑istess President stqarr li x‑xogħol fit‑tieni pass jikkonsisti f’dak li kulħadd jaf li suppost sar fl‑ewwel pass. Fi kliem ieħor il‑Gvern qed jammetti li fl‑aħħar Leġiżlatura tal‑ħames snin li għaddew dan falla bl‑aħrax fil‑qasam tas‑saħħa. Aħjar ikun onest mal‑poplu milli jkompli jinganna b’ħafna kliem sabiħ u fieragħ u jgħidlu ċar u tond illi se jkompli, jew aħjar se jibda jimplimenta l‑ewwel pass, qabel ma l‑istituzzjonijiet tas‑saħħa pubblika jitkissru għalkollox għad‑detriment ta’ kulħadd, kemm dak fqir kif ukoll dak sinjur.

Imma dan mhux biżżejjed. Fid‑Diskors tal‑President ma ngħata l‑ebda ħjiel ta’ pjanijiet konkreti kif dan il‑Gvern sejjer isolvi l‑problemi kbar li qed jiffaċċja l‑pajjiż fl‑oqsma kollha. Mr Speaker, għalkemm il‑President qal li mhux se jagħti kwadru sħiħ tax‑xogħol kollu li għandu jsir fil‑ħames snin li ġejjin u tkellem biss b’ħafna kliem sabiħ u ġenerali, xorta aċċenna għall‑miżuri li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien. Imma anke fuq dawn, il‑President kien vag u baqa’ jitkellem fuq linji ġenerali biss. Xejn konkret u duħħan kemm trid biex nibqgħu nqarrqu bil‑poplu għal ħames snin oħra. Allura, Mr Speaker, il‑poplu ma jistax ma jindunax li dan it‑tieni pass li qed jitkellem fuqu l‑Gvern mhu t‑tieni pass xejn. Mhux talli dan mhux it‑tieni pass, talli jidher ċar mid‑Diskors tal‑President li l‑Gvern għadu qed jara kif se jibda jimxi biex ikun jista’ jagħmel l‑ewwel pass li suppost kellu jagħmel fil‑ħames snin li għaddew.

Issa ħalli niġi għal dik il‑parti tad‑Diskors tal‑President fejn jolqot il‑qasam tas‑saħħa u l‑kura tal‑anzjani. F’dan il‑qasam il‑Partit tal‑Ħaddiem dejjem wera importanza mistħoqqa. Dejjem emmen illi s‑saħħa kellha tiġi fuq quddiem nett f’ħidmietu b’risq il‑poplu. Ħalla monumenti kbar fis‑servizzi li nieda, kemm fl‑isptarijiet tal‑Gvern u kemm fil‑komunità inġenerali. Ilbieraħ ħadt gost nisma’ lill‑Onor. Antoine Mifsud Bonnici jgħid li kull Gvern għamel mill‑aħjar li seta’ fil‑qasam tas‑saħħa. Però mhux hekk kien qal il‑Partit Nazzjonalista fil‑programm elettorali tiegħu qabel l‑elezzjoni tal‑1987. Dakinhar kien qal li Gvern ġdid immexxi minnu jibda proċess biex jinbena servizz tassew nazzjonali tas‑saħħa. Minn dan mhux talli ma sar xejn imma talli l‑poplu konvint li wieħed mill‑aktar oqsma li sofrew f’dawn l‑aħħar ħames snin kien proprju l‑qasam tas‑saħħa pubblika. Spiċċajna biex il‑poplu wasal biex tilef il‑fiduċja tiegħu fl‑isptarijiet u fis‑servizzi kollha tas‑saħħa provduti mill‑Gvern u qed ikollu jitqanna u jisserva bil‑privat biex jinqeda aħjar.

Issa jidher ċar, Mr Speaker, li fl‑aħħar ħames snin il‑Gvern Nazzjonalista flok irrikonoxxa l‑livell għoli tas‑servizz tas‑saħħa li wiret fl‑1987 mill‑Amministrazzjoni Laburista ta’ qablu, insista li jibdel kompletament il‑korsa, bir‑riżultat li ddistabbilizza s‑sistema kollha, sistema li ġiet irrikonoxxuta minn bosta istituzzjonijiet barranin u fuq kollox mill‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa bħala sistema li kienet irrenkjata biżżejjed ma’ sistemi oħra fid‑dinja, sistema li kienet kemm jista’ jkun orjentata lejn iċ‑ċittadin u l‑pazjent. Dan mhux jien qed ngħidu iżda qalu l‑istess Dr Aswal, ir‑Regional Director għall‑Ewropa tal‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa fl‑1986. Irrid nikkwota mill‑introduzzjoni tal‑Health Services Plan ta’ Malta tal‑1986‑1990 fejn fl‑introduzzjoni għal dan il‑pjan Dr Aswal jgħid hekk:

“This concerted effort to make a fully fledged Maltese health for all policy is an ongoing activity and is steadily proceeding in close cooperation with the WHO Regional Office for Europe. It is bound to gather momentum over the next two years as a result of the signing of the medium term programme. Much work however is already bearing fruit and the basic philosophies contained in the Health Services Plan for Malta 86‑90 incorporates many aspects of this new European policy and is a promising starting point for an exciting new course in health development for the Maltese people.”

Dan kien intqal fl‑1986, Mr Speaker. Issa għaddew sitt snin u l‑President fid‑Diskors tiegħu qalilna li l‑Gvern beħsiebu jħaddem il‑kriterji tal‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa. Fil‑qafas ta’ pajjiżna għaddew sitt snin u minflok morna ’l quddiem veru morna lura bħall‑granċ. Il‑Gvern irid jinganna lill‑poplu billi jidher li ħareġ b’xi kunċett ġdid, kunċett li kif diġà qrajt hawnhekk stess diġà kien fil‑prattika fl‑1986 u li kien diġà beda jagħti l‑frott tiegħu dak iż‑żmien. Imma ma rridx nidher li qiegħed niftaħar iżżejjed b’dak li għamlet l‑amministrazzjoni Laburista fil‑qasam tas‑saħħa fis‑snin li għaddew. Il‑Partit Laburista dejjem stqarr li fejn tidħol is‑saħħa ma jridx li jimxi bil‑partiġjaniżmu, imma jrid jgħin u jikkopera anke minn dawn il‑bankijiet tal‑Oppożizzjoni. U allura l‑Partit Laburista stenna l‑istess aġir mill‑Oppożizzjoni ta’ dak iż‑żmien meta kien jamministra hu. Però ngħiduha ċara li l‑Oppożizzjoni tal‑lum mhux se taċċetta l‑kliem sabiħ biss u mhux se taċċetta d‑djalogu li jibqa’ sejjer ad infinitum. L‑Oppożizzjoni trid tara progress u trid tara li l‑affarijiet isiru sewwa biex il‑poplu tagħna jkollu servizz tas‑saħħa mill‑aqwa li jista’ jkollu servizz li sas‑sena 2000 iwassalna għal dik il‑vera politika tal‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa li jirreferu għaliha bħala l‑Health for All by the year 2000. Saħħa għal kulħadd, għaċ‑ċittadini Għawdxin u Maltin sas‑sena 2000. Mr Speaker, inħoss hawnhekk li jkun opportun li nawgura lill‑Onor. John Rizzo Naudi għar‑responsabbiltà kbira li ġie fdat biha fil‑qasam tas‑saħħa. Lill‑Onor. Rizzo Naudi nafu bħala bniedem ta’ esperjenza kbira fil‑qasam tal‑mediċina interna, fid‑direzzjoni moderna ta’ sptarijiet u servizzi oħra tas‑saħħa kif ukoll fit‑taħriġ u t‑training ta’ tobba u paramediċi. Allura, Mr Speaker, il‑poplu jistenna ħafna minnu u jistenna pjan ta’ azzjoni mgħaġġel mill‑iktar biex kemm jista’ jkun possibbli tibda tirranġa ruħha d‑diżordni u l‑ħsara li saret fil‑qasam tas‑saħħa fl‑aħħar ħames snin. L‑Oppożizzjoni mhux se tostakola f’qasam tant sagrosant bħalma hu l‑qasam tas‑saħħa. Dan nagħmluh fl‑interess tal‑poplu imma l‑poplu bir‑raġun jistenna li l‑Oppożizzjoni tkun il‑watchdog fuq il‑Gvern u tkun lesta li tikkritika fejn u meta jkun hemm bżonn. Għaldaqstant, l‑Oppożizzjoni tistenna li l‑Gvern jamministra, speċjalment fil‑qasam tas‑saħħa, b’mod mill‑iktar miftuħ.

Aħna m’aħniex interessati li nibqgħu nisimgħu u naqraw fir‑rapporti li joħorġu mill‑Ministeru kemm isiru operazzjonijiet fis‑sena u kemm jaraw pazjenti fl‑outpatient clinics. Dawn xbajna narawhom u qishom saru xi kompetizzjoni biex nikkomparaw x’qed isir illum min‑numru ta’ pazjenti li jaraw l‑isptar għal dak illi kien isir fi żmienna. Aħna nistennew ‑ speċjalment issa li għandna tant diretturi fid‑Dipartiment u fl‑isptarijiet tal‑Gvern li fil‑maġġoranza tagħhom huma kollha part‑timers ‑ lil kull direttur jissottometti rapport kull sena fuq id‑Dipartiment illi għalih ikun responsabbli, u mbagħad dawn ir‑rapporti mingħand dawn id‑diretturi jiġu mpoġġija fuq il‑Mejda tal‑Kamra biex aħna nkunu nistgħu naqrawhom u nifluhom. Imma lanqas il‑konsulenti tal‑isptar kollha ma jirċievu kopja ta’ dawn ir‑rapporti, jekk kienu jsiru. F’dawn ir‑rapporti ma nistennewx biss informazzjoni u statistika dwar ix‑xogħol illi jkun sar matul is‑sena, imma nistennew ukoll dettalji dwar il‑faċilitajiet ta’ kull Dipartiment, kemm dawk illi huma fiżiċi kif ukoll dawk illi huma riżorsi umani li qed jintużaw għas‑servizz tal‑pazjenti, xi proġetti li jkunu qed jitħejjew mill‑kapijiet u kif ikunu se jiġu użati l‑faċilitajiet għall‑aħjar interess tal‑poplu u mingħajr ebda ħela ta’ flus.

Għax mhux billi nitkellmu fuq strutturi ġodda b’akbar awtonomija fit‑tmexxija tagħhom u mhux billi l‑Gvern jgħidilna li d‑Dipartiment tas‑Saħħa se jikkonċentra fuq il‑funzjonijiet ċentrali tiegħu ta’ għassies tas‑saħħa pubblika. Aħna stennejna li ‑ u l‑poplu dan stennieh ukoll ‑ almenu f’dawn l‑aħħar ħames snin l‑infrastruttura biex dan kollu seta’ jiġi mwettaq imissha diġà saret u tlestiet. Min se jkunu dawn l‑għassiesa li tkellem fuqhom il‑President? Sa fejn naf jien, iċ‑Chief Government Medical Officer hu l‑uniku uffiċjal fid‑Dipartiment tas‑Saħħa li hu full‑timer. Kif jista’ jkollok għassiesa tajba, b’part‑timers li għandhom il‑prattika privata, meta d‑dover tagħhom għandu jkun li jipprogrammaw u jipproġettaw proġetti ġodda ta’ żvilupp fl‑oqsma tas‑saħħa kollha, kemm fl‑isptarijiet u kemm fil‑komunità? Dan li nifhem jien bil‑kelma għassiesa. Mhix bħal dik ta’ security guard li għandna l‑mijiet jiġru fl‑isptarijiet tagħna, speċjalment fl‑Isptar San Luqa.

Mr Speaker, irid ikollok din it‑tip ta’ serjetà biex tkun tista’ titkellem fuq awtonomija fis‑servizzi tal‑isptar u l‑polikliniċi. Din titlob il‑professjonalità u sakemm ma naslux hemm nibqgħu ttimbrati bħala amateurs. Għandna bżonn ta’ nies full‑time kemm fl‑amministrazzjoni u kemm fl‑isptarijiet, speċjalment fil‑postijiet ta’ direttur. Hemm bżonn ukoll li jkollna n‑nucleus ta’ konsulenti fl‑isparijiet ma’ dawk li jkunu jridu jkunu part‑timers. F’istituzzjonijiet serji x‑xogħol ma jikkonsistix biss fix‑xogħol ta’ rutina, jiġifieri tidħol tagħmel lista ta’ operazzjonijiet, tara numru ta’ out‑patients jew tagħmel ward rounds jew anke tħalli dan ix‑xogħol għall‑assistenti tiegħek u titlaq ’il barra. Allura kif se naslu biex nitkellmu ‑ kif qal il‑President ‑ dwar istitut xjentifiku internazzjonali, b’nies li jagħmlu xogħol ta’ rutina biss? Min żar sptarijiet ta’ din in‑natura fl‑Ewropa jew fl‑Amerika bilfors jibqa’ konvint bil‑kwalità ta’ dedikazzjoni li hija meħtieġa mill‑ispeċjalisti u xjenzati biex sptar bħal dan ikun jistħoqqlu l‑isem bombastiku li tah il‑President. U dan il‑Gvern qed jgħidu fil‑kuntest li fil‑preżent fl‑isptarijiet statali, fost miżuri oħra li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien, għad hemm bżonn ta’ strutturi ġodda. Veru l‑każ ta’, kif jgħidu l‑Ingliżi, “putting the cart before the horse”.

Tabilħaqq għandha raġun l‑Oppożizzjoni li ddeskriviet id‑Diskors tal‑President bħala wieħed mimli duħħan. Fid‑Diskors tal‑President issemma l‑isptar ġdid li beħsiebu jibni l‑Gvern bi flus il‑poplu Malti imma li jitmexxa min‑nies ta’ San Raffaele ta’ Milan u li se jservi bħala istitut ‑ diġà għidtu dan il‑kliem ‑ xjentifiku internazzjonali speċjalizzat għal ċerti tipi ta’ mard ta’ sinifikat partikolari fir‑reġjun tal‑Mediterran. Dan huwa ħafna kliem li bih għalija mhux il‑karettun poġġejna quddiem iż‑żiemel imma anke l‑ħmara. Il‑President qalilna dan mingħajr ma qalilna x’tip ta’ mard huwa dan u xi prijorità għandu fuq affarijiet oħra li jridu jsiru u li jridu jsiru malajr. Issemmew id‑dijabete, il‑ġerentoloġija jiġifieri l‑mard u l‑kumplikazzjonijiet li jinqalgħu fl‑anzjani u area oħra tal‑ġenetika. Dawn huma oqsma li għalihom żgur m’għandekx bżonn ta’ sptar, kif smajna aħna, ta’ 400 jew 500 sodda biex tagħmel ir‑riċerka f’dan it‑tip ta’ mard u li ħafna xogħol jista’ jsir fuq bażi ta’ outpatient. Fil‑każ tal‑ġerentoloġija, il‑mard u l‑kumplikazzjonijiet tal‑anzjani, il‑Gvern jiftaħar li għandna l‑Isptar Zammit Clapp li għandu complement ta’ 60 sodda, fejn intnefqu ’l fuq minn Lm1 miljun mill‑kont kapitali u li beħsiebhom jintnefqu ferm iktar flus fl‑istima rikorrenti. Żgur li r‑riċerka li qed isemmu fuq l‑anzjani tista’ ssir f’dan l‑isptar bħalma anke tista’ ssir fl‑Isptar San Vincenz de Paul li dwaru lbieraħ l‑Onor. Mifsud Bonnici ftaħar kemm ġie mmodernizzat kemm fi żmienna u kemm fi żmien l‑amministrazzjoni tal‑aħħar ħames snin. Jekk għandha ssir riċerka fuq l‑anzjani, din tista’ ssir f’dak l‑isptar ukoll.

Fl‑istess ħin, il‑Gvern jgħidlna li l‑isptar il‑ġdid se jippermetti wkoll ħelsien tal‑ispazju u aġġornament fl‑Isptar San Luqa li minn issa se jibda bil‑proċess ta’ tiġdid ambjentali u modernizzazzjoni fis‑sistema kollha tas‑servizzi. Anke f’din il‑Gvern qed jurina kemm falla u kemm ma sar xejn fil‑qasam tas‑saħħa f’dawn l‑aħħar ħames snin. Jekk dan it‑tiġdid ambjentali għandu bżonn isir, allura almenu, dan biss, għax ma sarx qabel, f’dawn l‑aħħar ħames snin li għaddew? Jekk il‑Gvern jara l‑prioritajiet u jmexxi s‑servizz tas‑saħħa b’orjentazzjoni għall‑konsumatur, jiġifieri għall‑pazjenti Maltin u Għawdxin u mhux x’jaqbel għal dawk li jipprovdu s‑servizz, allura missu għamel użu aħjar mill‑Isptar Zammit Clapp, speċjalment meta jitkellem fuq il‑ħelsien ta’ spazju. Fil‑preżent, jien nista’ ngħidilkom li fl‑Isptar San Luqa għandna bejn 15% u 20% tas‑sodod akuti li jinsabu hemmhekk u d‑Dipartiment tal‑Mediċina qed ikun okkupat minn anzjani li jsofru minn mard kroniku. Fil‑maġġoranza, dawn il‑pazjenti huma social cases li ma jistgħux jiġu mibgħuta d‑dar, u jdumu hemmhekk għal bosta ġimgħat u anke xhur jistennew li jiġu trasferiti f’istituzzjonijiet oħra adegwati. Bħalissa, fl‑Isptar Zammit Clapp qed jiġu okkupati 20 sodda biss mis‑60 li hemm available u l‑pazjenti li jmorru hemm jinżammu biss mhux iktar minn sitt ġimgħat. Ix‑xogħol li jsir magħhom huwa x‑xogħol ta’ rijabilitazzjoni u jekk ikollhom bżonn ta’ xi trattament akut għal xi marda akuta, dawn jiġu meħudin l‑Isptar San Luqa. Mr Speaker, il‑prijorità, skont jien, titlob li sodod vojta f’dan l‑isptar tal‑poplu għandhom jiġu użati għal dawn il‑pazjenti anzjani li qed jokkupaw sodod tant meħtieġa fl‑Isptar San Luqa, almenu temporanjament sakemm il‑Gvern jibni u jlesti djar oħra adegwati għalihom.

Mr Speaker, ma nistax nagħlaq mingħajr ma naċċenna għat‑tielet linja ta’ żvilupp fil‑qasam tas‑saħħa li tkellem dwarha l‑President u ċjoè t‑twettiq tal‑iskema tat‑tabib tal‑familja b’xejn. Din kienet biċċa mill‑ewwel pass li l‑Gvern Nazzjonalista ma wettaqx fl‑aħħar ħames snin, wegħda li ma żammx mal‑poplu. Kemm ilna nisimgħu fuqha? Kemm saru seminars? Kemm sar djalogu f’hotels, anke bil‑pranzijiet? Kemm intnefqu flus? Anke f’din il‑Gvern jibqa’ jinganna lill‑poplu u jgħidulna li l‑ftehim jintlaħaq. Kulma kien jonqos kien kemm se jitħallsu t‑tobba. Aħna nafu li lanqas tlestiet l‑infrastruttura li bi skema bħal din tista’ tiġi varata, aħseb u ara kemm se taħdem kif intenzjonata malli d‑diskussjonijiet jintemmu.

Fuq dawn id‑diskussjonijiet il‑Gvern mhux qed jgħid il‑verità u mhux ikun trasparenti biżżejjed. Qabel l‑elezzjoni, Mr Speaker, il‑Gvern kien qal li l‑ftehim mat‑tobba kien intlaħaq minbarra l‑parti tal‑finanzi u tas‑salarji. Issa fid‑Diskors tal‑President qed jgħid li jonqos biss id‑diskussjonijiet li jintemmu. Dan mhux duħħan ngħidlu jien, imma dan hu kliem b’ieħor u ingann bil‑poplu. Li naf jien hu li ċirkolari riċenti li bagħtet il‑MAM lill‑membri tagħha, turi li tant ma ntlaħaqx ftehim fuq l‑iskema tat‑tabib b’xejn li biex jiċċajtaw bid‑dikjarazzjonijiet tal‑Gvern fuq dan il‑proġett qal hekk fuq dan il‑ftehim, “a miss is as good as a mile”, jiġifieri li l‑Gvern għadu ħafna mili ’l bogħod milli jasal fi ftehim fuq dan il‑proġett.

Mr Speaker, nispiċċa billi ngħid li dawk li jaqraw id‑Diskors tal‑President jistgħu jintilfu fih bil‑ħafna duħħan li fih. Hemm partijiet li veru jdaħħquk u jdaħħqu lil kulħadd. Se nirreferi għal waħda li tissemma taħt il‑qasam tal‑edukazzjoni f’paġna 5. Din insemmiha għax għandha x’taqsam mal‑qasam tas‑saħħa wkoll, jiġifieri dak li hu tagħlim u taħriġ ta’ paramediċi, spiżjara u tobba. Il‑Gvern qed jgħidilna u jiftaħar li fis‑sistema mibdija minnu ta’ edukazzjoni f’dawn l‑aħħar ħames snin issa se tingħata importanza lix‑xogħol. Kemm ikkritika s‑sistema ta’ student ħaddiem il‑Partit Nazzjonalista u l‑kunċett li kienet tirrappreżenta din l‑iskema! Issa wara ħames snin il‑Gvern intebaħ bl‑importanza tal‑esperjenza tax‑xogħol waqt it‑tagħlim u t‑taħriġ tal‑istudenti.

Mr Speaker, f’dan il‑ftit ħin li kelli elenkajt dawn in‑nuqqasijiet fost ħafna oħra li ma semmejtx u li huma xejn anqas importanti minn dawn, biex nesprimi r‑raġuni għaliex ma nistax naqbel mal‑Onor. Mario Galea dwar l‑espressjoni tiegħu li ma kellhiex għajr tifħir għad‑diskors tal‑President. Grazzi, Mr Speaker.

Condolences (27 Sep 1928 - 15 Mar 2023)

Estratt mis-Seduta Parlamentari 107 tal-Erbatax-il Leġislatura tat-Tnejn 27 ta' Marzu 2023

 

KONDOLJANZI

 

L-ISPEAKER: Illum il-Kamra se tgħaddi għall-kondoljanzi fir-rigward tal-eks membru parlamentari u Eks Ministru l-Professur Edwin Grech li ġie nieqes fil-15 ta’ Marzu 2023. Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

 

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru U Ministru Għas-Saħħa): Sur President, l-Onor. Jo Etienne Abela u l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea għadhom żgħar wisq imma t-tobba tal-ġenerazzjoni tiegħi li kienu studenti fit-tmeninijiet u li fil-Kamra hawn xi uħud minnhom fosthom l-Onor. Michael Farrugia, l-Onor. Stephen Spiteri u l-Onor. Deo Debattista jafu li ħafna minn dak li jafu bħala tobba għallimulna l-Professur Edwin Grech. Fit-tmeninijiet, meta konna studenti tal-mediċina aħna, ftit kienu dawk it-tobba Maltin li kienu għażlu li jibqgħu Malta jew li jiġu Malta u jgħallmu fl-iskola medika u iktar minn hekk li jagħtu servizz lill-pazjenti Maltin u Għawdxin. Bħalma taf is-Sedja, fit-tminijiet kienu għadhom għaddejjin l-azzjonijiet mediko-politiċi li kienu nibdu fis-sebgħinijiet u li b’riżultat tagħhom ħafna tobba u speċjalment speċjalisti marru jaħdmu barra l-pajjiż fl-Ewropa, xi uħud minnhom il-Gulf, il-Kuwait, u s-Saudi. Kienu ftit dawk it-tobba li baqgħu Malta jew ġew lura Malta. Fosthom pereżempju nsemmu lill-mibki Anġlu Psaila imma ewlieni fosthom kien il-Professur Edwin Grech.

Aħna li sirna tobba f’dawk is-snin u fis-snin eżatti ta’ wara nafu ħafna għall-karriera tagħna liIl-Professur Edwin Grech u huwa grazzi għall-Professur Edwin Grech li matul dawn is-snin kollha stajna nagħtu servizzi lill-pazjenti Għawdxin u Maltin. Edwin Grech kien id-Dekan tal-iskola medika f’dawk iż-żminijiet. Kien imexxi t-tagħlim tal-istudenti. Kien isawwar lit-tobba. Ħafna tobba Maltin ta’ żmieni għandna karatteristiċi li tgħallimna mingħandu li huma s-serjetà, ir-reqqa u d-dixxiplina fejn fi żmien iċ-ċajt tiċċajta imma fi żmien ix-xogħol is-serjetà. Dawk huma kollha affarijiet li tgħallimna mingħand Edwin Grech.

Edwin Grech kien bniedem li kważi tiġik sudizzjoni minnu. Kien bniedem rett ħafna, dixxiplinat u intelliġentissimu. Kien bniedem organizzat u kien bniedem li jaħdem u jagħti ħafna. Ta mhux biss lilna l-istudenti tal-mediċina u t-tobba, nerġa’ ngħid ġenerazzoni sħiħa li ħriġna minn taħt idejh, imma ta ħafna lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Allaħares ma kienx Edwin Grech u litteralment nofs tużżana tobba u speċjalisti oħra li għażlu li jibqgħu Malta jew li jiġu Malta u jagħtu servizzi f’dawk is-snin, għax kieku ħafna pazjenti Matin ma kienx ikollhom is-suċċess tal-kura li kellhom minn taħt idejn dawn l-ispeċjalisti. Talli Edwin Grech u sħabu għażlu li jagħtu servizz lill-poplu Malti, għażlu li jgħallmu ġenerazzjoni sħiħa ta’ tobba ma kellhomx żmien faċli. Dakinhar l-assoċjazzjoni jew il-union tat-tobba, l-MAM, kienet għażlet li tagħmel bojkott soċjali fuq Edwin Grech u t-tobba u speċjalisti l-oħra li taw servizz lill-poplu Malti.

Bojkott soċjali jfisser li jekk inti tkun mistieden jew tkun ġo xi attività fejn ikun hemm tobba oħrajn tal-MAM, dawn iħarsu n-naħa l-oħra jew ma jkellmukx. Jew jekk inti tkun għaddej Strada Rjali u jkun hemm xi ħadd minnhom, idawwar wiċċu taparsi ma jafekx. Tiddejjaq, imma tgħidli: Imbilli ma jkellmekx? Ma tkellmux lura. Kien hemm min ħassha ħafna. Però, aktar u agħar minn hekk, il-mibegħda politika tħeġġeġ iktar mibegħda politika. Jekk inti tagħti l-ġamra imbagħad ma tiskantax li jkollok l-isplużjoni u li jkollok il-ħuġġieġa. Lil Edwin Grech mhux bojkott soċjali għamlulu, imma għamlulu l-agħar ħaġa li setgħu għamlu lil missier jew lil persuna umana, assassinawlu lil bintu għal raġunijiet politiċi. Kull min huwa missier, kull min huwa ġenitur jaf li l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilek f’ħajtek hija li titlef lil xi ħadd minn uliedek. Aħseb u ara għal raġunijiet politiċi jkun hemm dan l-assassinju terroristiku. Kienet tfajla tampari, ta’ 15-il sena u dan ġara fl-1977.

X’għamel Edwin Grech? Ma ngħalaqx ġo kamra u lil min għamillu dawn l-atti ħżiena ra kif se jpattihielu. Edwin Grech ma qabadx il-bagalji u telaq lil hemm u qal: La ma tridunix, ma rridkomx. Edwin Grech, wara li qatlulu lil bintu, l-għada mar St Luke’s iwelled it-trabi ta’ nies oħra. L-għada mar l-iskola medika. Wara li bintu, li kienet promettenti, inħasdet mid-dinja, mar jgħallem liż-żgħażagħ u lit-tfal ta’ nies oħrajn. Dak kien Edwin Grech. Mhux bniedem trid tkun biex tagħmiha din, imma trid tkun ġgant li joqlutlek lill-bintek u l-għada tkompli tagħti l-istess servizz li bintek tilfet ħajjitha għalih.

Edwin Grech ma kienx biss persuna li tat servizz u min jaf kemm welled eluf ta’ ħajjiet, kemm dewwa u kemm fejjaq eluf ta’ nisa. Ma kienx biss dak il-professur, dak id-Dekan li mexxa l-iskola medika u li għallem ġenerazzjoni sħiħa ta’ tobba. Edwin Grech iddeċieda, anke wara dan l-avvenniment, li jiddedika ruħu anke fil-qasam politiku. Fl-1992 kien membru elett tal-Partit Laburista f’din il-Kamra. Fl-1996 kien Ministru ta’ Gvern Laburista dakinhar ta’ Alfred Sant. Allura Edwin Grech jibqa’ mhux biss imsemmi fost l-istudenti tal-mediċina u fost it-tobba, mhux biss imsemmi fost il-pazjenti, imma msemmi anke fl-istorja politika u soċjali ta’ Malta għax kien Ministru responsabbli mill-affarijiet soċjali u għamel ġid kbir anke fil-qasam politiku.

Jien personalment għandi ħafna għalxiex inkun rikonoxxenti għall-Professur Grech. Għallimni ħafna speċjalment fil-qasam tas-saħħa imma anke fil-qasam politiku. Bħali ħafna tobba oħra inkluż dawk li hawn ġo din il-Kamra.

Bħali eluf ta’ familji Maltin rikonoxxenti għal Edwin Grech għall-mod ta’ kif fl-iżjed żminijiet diffiċli, anke personali għalih, ta servizz lill-pajjiż u salva l-ħajjiet minkejja li għax salva l-ħajjiet kellu jara l-ħajja ta’ bintu tintilef.

Jien konvint u ċert li l-isem tal-Professur Edwin Grech fl-istorja politika, soċjali u medika ta’ Malta se jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb. B’hekk, f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem din in-naħa tal-Gvern u ċert f’isem il-Parlament kollu nixtieq nestendi l-kondoljanzi tiegħi lill-familja u ħbieb tal-Professur Edwin Grech. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Nistieden issa lill-Onor. Michael Farrugia.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, iddeċidejt li nitkellem f’dan il-Parlament f’din l-okkażjoni għal diversi raġunijiet. L-ewwel raġuni għadu kif aċċenna għaliha d-Deputat Prim Ministru. Kien il-Professur Edwin Grech li fil-mument l-iktar li kien meħtieġ ma abbandunax lill-pazjenti Maltin u lill-istudenti. Dak iż-żmien kienet għaddejja ħidma wkoll biex l-istudenti jitilqu minn Malta. Jien kont wieħed minn dawk l-istudenti li kienu jiġru warajja biex nitlaq minn Malta għax kont nitkellem. Grazzi għall-ħidma li kienet saret, l-iskola medika ma għalqitx, anzi baqgħet miftuħa.

Sa dak iż-żmien lill-Professur Edwin Grech ma kontx nafu personalment u qatt ma kont kellimtu wiċċ imb’wiċċ imma meta fil-fatt kienet inqtalet bintu, għalkemm kont għadni żgħir, jien assoċjajt ruħi miegħu u mal-weġgħa li għadda minnha. Dakinhar ħlift iktar li nibqa’ hawn Malta. Il-Professur Edwin Grech disa’ xhur wara dik it-traġedja beda jgħallimni fit-tielet sena tal-mediċina. Irrid infakkar l-ewwel u qabel kollox it-tagħlim li ta, l-attenzjoni bl-ikbar serjetà u r-rispett u l-imħabba lejn l-istudent. Kien jagħmel minn kollox biex l-istudenti jieħdu t-tagħlim u t-taħriġ kollu meħtieġ. Dan apparti li anke biddel u immodernizza ċertu proċessi li kienu jsiru fid-Dipartiment tal-Obstetrija u Ginekoloġija. Aħna bħala studenti konna parti minn dik il-bidla.

Irrid insellem lill-Professur Edwin Grech għax ma abbandunax l-istudenti, ma abbandunax lili bħala student u ta’ dan nibqa’ rikonoxxenti għomri kollu. Nibqa’ rinoxxenti għaliex il-Professur Edwin Grech wellidli l-ewwel żewġ ulied minn ħamsa. Irrid nirringrazzjah ukoll f’isem in-nisa Maltin u Għawdxin li welled lil uliedhom. Dawn saru ġenituri u bdew igawdu lil uliedhom għax wellidhomlhom il-Professur Edwin Grech għax ma abbandunhomx. Trid tkun persuna ta’ ċerti prinċipji ċari li minkejja dak li għadda minnhom ma tfarrakx.

Il-Professur Edwin Grech kien spalla ma’ spalla miegħi fil-Parlament Malti. Konna ġejna eletti fl-1992 u hu kien is-shadow minister tas-saħħa u dak iż-żmien jien kont ix-shadow minister tal-politika soċjali. Erġajna tlajna fl-1996 u dakinhar poġġejna fil-Kabinett flimkien. Ridt insellimlu għax jien l-uniku wieħed minn dak il-Kabinett li għadni hawnhekk nifforma parti minn dan il-Parlament. Tista’ tgħid li huwa kien l-ikbar wieħed u jien kont it-tieni l-iżgħar wieħed imma flimkien konna ħdimna għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sur President, nirringrazzjah f’isem l-istudenti tal-mediċina li ggradwaw grazzi għat-tagħlim u t-taħriġ taħt il-Professur Edwin Grech fis-settur tal-ginekoloġija u obstetrija, f’isem in-nisa u l-familji Maltin u Għawdxin li welled lil uliedhom meta ħaddieħor abbandunahom u f’isem kull min gawda mill-ġid li għamel bħala membru parlamentari u bħala Ministru. Grazzi Profs. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, ikolli nammetti li dan id-diskors għal xi raġuni li għadni ma nistax nifhimha, għalija huwa iktar diffiċli kważi mid-diskorsi li għamilt meta ftit tax-xhur ilu ħallewna kemm ommi kif ukoll missieri. Nibda billi nirringrazzja lin-naħa tal-Gvern tal-kondoljanzi li qegħdin jesprimu lili u lill-familja kollha, liz-zija Pearl, lill-kuġin Kevin, kif ukoll il-kuġuni u anke ħuti li jinsabu preżenti.

Għal mijiet ta’ eluf ta’ nies uncle Edwin kien missier Karin Grech, missier il-kuġina tiegħi. Kien dak it-tabib li waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ tabib fil-missjoni fl-Uganda u fiż-Żambja u Mintoff talbu biex jiġi Malta biex ikun jista’ jieħu ħsieb il-qasam tal-ginekoloġija, fehem li pajjiżu għandu bżonnu, u f’mument diffiċli ma ħares lejn xejn u għażel li jwieġeb għal dik is-sejħa għal pajjiżu.

Għal eluf ta’ nies Maltin u Għawdxin kien politiku. Eventwalment fl-1996 sar Ministru. Kien ukoll għalliem, kif anke qalu l-esponenti ta’ qabli u għal eluf oħrajn speċjalment eluf ta’ nisa kien il-professur li ħa ħsiebhom u għenhom biex iwelldu lil uliedhom u allura għal ħafna tfal kien dak li wellidhom. Għal mijiet ta’ nies kien kollega, kien kollega politiku, kien kollega fil-qasam mediku u kien kollega li kellu diversi virtujiet fosthom ta’ integrità, ta’ sens ta’ dover u ta’ imħabba waqt li qeda d-dmirijiet tiegħu. Għal ftit, għal tmienja minna, xi uħud minnhom preżenti hawn, kien iz-ziju tagħna, kien dak li ħafna minna konna nammiraw. Għall-għażiża kuġina Karin, u għal Kevin kien il-missier. Għall-għażiża zija Pearl kien is-sieħeb ta’ ħajjitha. Hi kienet nurse Ingliża li ltaqgħet maz-ziju Edwin waqt ix-xogħol tagħhom, eventwalment iżżewġu u kellhom it-tfal.

Għalija kien eroj. Kien l-eroj għaliex kien dak it-tabib, iz-ziju, li salvali ħajti. Letteralment. Li kieku ma kienx għalih jien ma kontx nitwieled. Imma kien ukoll l-eroj tiegħi għaliex jien li ġej minn familja li ma kellna ebda professjonist. Kont inħares lejh bħala dak iz-ziju li mar l-Università, tgħallem, sar tabib, eventwalment professur, u ddistingwa ruħu b’eċċellenza f’dak kollu li għamel. Allura kien tani dak l-impetu li jien nemmen li għalkemm missieri mhux avukat, missieri mhux tabib, missieri mhux professur, missieri ħaddiem, imma xorta nista’ nasal, għax iz-ziju wasal.

Żgur li l-iktar mument li mmarkalu ħajtu kien il-mument meta Karin inqatlet. Jien kien għad kelli biss sitt snin. Ma kenux ħaduni fix-xena però ħija li jinsab hawn, li dak iż-żmien kellu 17-il sena, dejjem niftakru jirrakkonta d-dar kif ra lill-kuġina, b’partijiet sħaħ neqsin, imgeżwra ġo kutra f’idejn iz-ziju Edwin, li kien jaf bħala tabib li mhijiex se ssalva. Hu ħarab biha l-isptar biex jipprova jsir li wieħed xtaq li jsir però kien jaf li mhux possibbli li jsir, jiġifieri li ssalva. Lil Karin kont għadni kif sirt nafha tlett ijiem qabel, fil-Milied, fid-dar tal-kuġina. Kienet l-ewwel darba li jien ta’ sitt snin kont rajtha peress li kienet border ġewwa skola l-Ingilterra. Kienet ġiet għall-festi tal-Milied biex tiltaqa’ u tgawdi lill-familja imma wara tlett ijiem Karin ma baqgħetx magħna.

Dan kien mument li mmarka mhux biss liz-ziju, lil ħu Karin u liz-zija imma lill-familja kollha. Kien mument fejn naħseb li ħafna minna, biex ma nitkellimx għal kulħadd, tlifna l-fiduċja kollha fil-politika. Ħafna minna konna nħossuna traduti mill-Istat. Konna naraw liz-ziju u l-papà li kien imur miegħu f’kull seduta li kien ikun hemm, u meta jiġi lura kont nisimgħu jirrakonta u jgħid li qegħdin jgħadduna biż-żmien. Kien iħoss li kien hemm min qed jagħmel minn kollox biex il-verità ma toħroġx.

Kien mument li mmarkali ħajti, tant li ta’ sitt snin bdejt nagħti kas ftit iktar x’qed jiġri madwari. Meta kbirt niftakarni li fija kelli din ir-rabja li l-ħajja ta’ din il-kuġina li jien ma nafx, li kontx għadni ma ħabbejtx għax bil-kemm sirt nafha, ittieħdet ta’ 15-il sena għax kien hemm min ħaseb li għandu dritt li jkun vjolenti fuq ħaddieħor. Kien qtil li z-ziju baqa’ ma rkuprax minnu għaliex kien iħoss li kienu qisu tort tiegħu għax għamel dak il-ġest nobbli. Dan kuntrarju għal dak li konna nemmnu aħna, għax aħna konna kburin b’dak li kien għamel. It-tort mhuwiex tiegħu, imma t-tort huwa ta’ dawk il-viljakki, kodardi, kriminali li ddeċidew mod ieħor. Jekk intkom għadkom qegħdin tisimgħu, imisskom tistħu.

Iz-ziju għamel 45 sena ifittex il-verità. Daħal fil-politika għax kien jemmen li permezz tal-politika, permezz tal-kuntatti fil-politika jista’ forsi wkoll jiskopri l-verità. Baqa’ ħajtu kollha amarreġġjat. Baqa’ ħajtu kollha dispjaċut. Baqa’ ħajtu kollha jħossu tradut li ħadd qatt ma sab lil min qatel lil bintu. L-uniku sodisfazzjon li kien fadallu kien li fetaħ kawża fil-qorti - u eventwalment sirt naf li wieħed mill-avukati kien proprju l-kollega tiegħi Alex Perici Calascione - u kienu stabilixxew permezz ta’ sentenza fil-qorti li l-qtil ta’ Karin Grech kien sar fi klima mediko-politika.

Qed ngħid dan kollu għaliex għalkemm kif jgħid il-Malti għall-magħmul m’hemmx kunsill, għalkemm lil Karin ma nistgħux inġibuha lura, għalkemm liz-ziju ma nistgħux nagħtuh dak li fittex f’ħajtu, jiġifieri l-verità - u nittama li llum jafha l-verità - naħseb li għandna nitgħallmu bħala politiċi li meta nippruvaw nogħstru l-verità, wara dik il-verità hemm feriti li ma jfiequ qatt jekk dik il-verità ma toħroġx. Wara nuqqas ta’ ġustizzja hemm persuni, hemm umani, hemm familji – kif inhuwa fil-każ tagħna – li jibqgħu mweġġa’, jibqgħu ma jsibux mistrieħ, jibqgħu dispjaċuti li xi ħadd jew xi uħud x’imkien qed jagħmel jew għamlu minn kollox biex il-verità ma ssirx magħrufa. Naħseb li huwa obbligu tagħna bħala politiċi li nitgħallmu minn dawn it-traġedji nazzjonali u nagħmlu ħilitna biex fil-ħidma politika tagħna naraw li l-verità toħroġ, li l-ġustizzja ssir għal dawk kollha li jkunu qed ifittxu l-mistrieħ billi jkunu jafu li min wettaq bħal f’dan il-każ, reat kiefer u krudili, jrid iwieġeb għal għemilu, jrid imur quddiem il-ġustizzja. Il-liġi għandha tkun hemm u qiegħda hemm għal kulħadd l-istess.

Għalhekk, filwaqt li nirringrazzja lil dan il-Parlament għall-espressjoni ta’ kondoljanzi f’isem il-familja kollha, f’isem iz-zija Pearl u l-kuġin Kevin li ma setgħux ikunu magħna però nifhem u nittama li qegħdin isegwu, nitlob li l-mewt tal-kuġina Karin Grech ma kenitx għal xejn u d-dispjeċir taz-ziju ma kienx għal xejn. Dak huwa l-unika mezz kif verament illum dan il-Parlament, u aħna, nistgħu nsellmulu b’unur għal dak kollu li kien, għal dak kollu li wettaq, u għall-ġid kbir li għamel lil ħafna eluf ta’ nies. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja ssellem lill-qraba kollha li qegħdin preżenti hawnhekk. Għal din l-okkażjoni, bħalma nagħmlu s-soltu, ħriġna ktejjeb bħala tifkira lill-mibki Edwin Grech. Hawnhekk hawn id-diskors li kien għamel ftit wara li ġie elett fl-1992.

Lill-Professur Grech niftakru fl-1996. Jien ġejt elett fil-Parlament fl-elezzjoni tal-1996 imma l-ewwel darba li smajt b’Edwin Grech kien tliet ġimgħat wara li kont ħadt il-ġurament ta’ Spettur tal-Pulizija. Jiena ħadt il-ġurament fis-7 ta’ Diċembru, lejliet il-Kunċizzjoni tal-1977 u 20 ġurnata wara sar il-qtil tal-mibkija Karin Grech b’ittra bomba waqt l-istrajk tat-tobba. Niftakru sewwa, għaliex dakinhar kont naħdem ma’ spettur anzjan Charles Demicoli u konna għamilna ħafna xogħol fejn stajna min-naħa tagħna bħala distrett. Dik kienet l-ewwel darba li niftakar lil Edwin Grech.

Meta jien tlajt fil-Parlament hu kien diġà fil-Parlament. Fl-1996 kien sar Ministru responsabbli mill-politika soċjali. Bħala membru parlamentari backbencher, niftakru li kien dejjem disponibbli u aċċessibbli mill-ewwel biex jgħin. Kif għidt inti, Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, id-diskors tiegħu dejjem kien jaqa’ fuq bintu. Kien jaqa’ l-ħin kollu fuq bintu. L-iktar ħaġa li kienet tinkwetah hija kif fl-investigazzjoni jkun hemm tama u xorta ma tasalx. Kien jaħdem ħafna biex iġib l-informazzjoni huwa stess personali. Niftakar li l-ftit li kont inkellmu, dejjem jitkellem fuq x’għamlu u ma għamlux il-Pulizija. Fl-1998 kienet l-aħħar darba li ltqajt miegħu. Niftakar kif għidt inti, Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, kien għamel kawża fil-Qorti Ċivili dwar bintu. Jidhirli li kienet l-ewwel darba li Qorti ddeċidiet li dan kien qtil politiku. Kull meta konna nitkellmu, anke sa reċenti fuq it-telefon, dejjem kien jitkellem fuq bintu Karin Grech.

Għalhekk jien ningħaqad mas-sentimenti kollha espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Inwassal il-kondoljanzi lill-familja kollha tal-mibki Edwin Grech. Se nissolleċita u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi anke permezz tat-traskrizzjoni ta’ dak kollu li ntqal illum f’din is-seduta. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)

Electoral History

Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998
Positions
Sworn in as Minister for Social Security - 29.10.1996
Ceased: 07.09.1998
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts