Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr George Gatt

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ GEORGE GATT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA


2 ta' Mejju 1941 - 27 ta’ Ottubru 2018

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-18 ta’ Diċembru 1981 u t-23 ta’ Settembru 1996

George Gatt

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ GEORGE GATT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS SEDUTA NUMRU 16 TAT-28 TA’ APRIL 1982 IL-ĦAMES PARLAMENT


AĠĠORNAMENT

ONOR. GEORGE GATT: Mr Speaker, dan huwa l-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament u nħossni kburi illi llum ninsab fl-ogħla istituzzjoni ta' Malta Repubblika, il-Kamra tar-Rappreżentanti. Inħossni kburi għall-fatt li l-Partit Laburista għal darb'oħra wera biċ-ċar illi aħna partit tal-ugwaljanza. Wera biċ-ċar li m’hemmx għalfejn tkun professjonist, m'hemmx għalfejn tkun skular biex tkun stmat u tiġi elett Membru Parlamentari iżda ladarba taħdem biex tgħin lin-nazzjon, tgħin lil għajrek, tista' tkun iben bidwi, tista' tkun iben ħaddiem, xorta waħda għandek iċ-ċans li tiġi elett Membru Parlamentari. Fil-każ tiegħi, Mr Speaker, dawn huma fatti għaliex jien la jien professjonist u lanqas ma jien skular iżda nista' ngħid li jien iben bidwi. Man-Nazzjonalisti dan huwa xi ħaġa rari għax minn dejjem sal-lum il-parti l-kbira tal-Membri eletti mal-Partit Nazzjonalista kienu professjonisti u l-voti dejjem marru għall-professjonisti. Dak il-ħaddiem baxx li jikkontesta l-elezzjoni ma' dan il-partit ftit li xejn għandu ċans li jiġi elett. Jien nixtieq nagħti żewġ eżempji ta' dan u nsemmi d-distrett tagħna, jiġifieri t-Tnax-il Distrett fejn f'din l-aħħar elezzjoni 16-il kandidat Nazzjonalista kkontestaw l-elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista li kienu erba' tobba, tliet periti, żewġ avukati, nutur u sitt ħaddiema. Dawn, bejniethom ilkoll, ġabu 10,999 vot fid-distrett tagħna. Minnhom, il-professjonisti ħadu 10,710 voti filwaqt illi s-sitt ħaddiema ħadu biss 289 vot. Dan juri biċ-ċar, Mr Speaker, kemm in-Nazzjonalisti jistmawh lill-ħaddiem, juri biċ-ċar kemm iħobbuh lill-ħaddiem. U jiena nista' nagħti wkoll eżempju ieħor ta' ħaddiem illi joħroġ ukoll jikkontesta l-elezzjoni man-Nazzjonalisti fuq id-distrett tagħna u dan ikkontesta dawn l-aħħar erba' elezzjonijiet. Qiegħed ngħid għal Pawlu Grima. Dan, fl-aħħar elezzjoni, ġab biss 25 vot, filwaqt li l-professjonist, it-Tabib Deguara, li ħareġ għall-ewwel darba lejliet din l-aħbar elezzjoni, ġab 701 vot. Dawn, Mr Speaker, għalhekk qatt ma ħasbu fil-batut, qatt ma ħasbu fil-ħaddiem għaliex dawn partit tal-professjonisti, twieldu mneħirhom fix-xgħir u allura ma jafux x'jiġifieri tbatija.

Mr Speaker, jien nixtieq nieħu dan l-Aġġornament biex ngħid xi ħaġa dwar l-ilma u l-biedja u anke l-industrija tal-bini u jekk jibqagħli ħin ngħaddi għall-hekk imsejħa kriżijiet oħra li sikwiet jilmaħ il-Partit Nazzjonalista bil-lenti mdennsa u mċajpra għal kollox li għandu dan il-Partit għall-kilba tal-poter, fejn nemusa faċli jagħmilha iljunfant imbasta jaħseb li b'hekk se jdher sabiħ quddiem il-poplu, imqar jekk b’hekk fil-fatt ma jkunx ħlief qed jagħmel għajr ħsara lill-pajjiż.

Nibda bil-proġett tal-ilma sew għall-biedja kif ukoll għax-xorb. X'ma qalux in-Nazzjonalisti? Kważi f'kull meeting ta' qabel l-elezzjoni kriżi tielgħa u kriżi nieżla, qishom il-partit tal-kriżijiet. Imma possibbli dawn ma jafux il-policy tal-Gvern Soċjalista?! Mhux f'dan il-Parlament kienu meta għadda l-Malta Guidelines for Progress?! U jekk ma kenux fil-Parlament meta għadda l-aħħar Budget, ... għax dan qisu partit li jibża’ mill-Parlament u jippreferi jigdeb barra, imbagħad hawn kien jiġi joqgħod b'ħalqu magħluq għax jaf li malajr il-gvern jagħtih risposta li ssoddlu ħalqu. Jekk ma attendewx għall-Budget ta’ Settembru li għadda, possibbli dawn mhux xorta qrawh?

Mr Speaker, f'paġna 141 tad-Development Plan u f'paġna 25 tal-aħħar Budget jgħidulna b'mod l-aktar ċar x'qed jagħmel il-gvern biex iżid l-ilma. Jiena ma naħsibx li għandi noqgħod nieħu l-ħin tal-Kamra naqra x'jgħidu dawn id-dokumenti uffiċjali u allura, minflok, jien ħarist dawra madwari u staqsejt x'sar u x'qed isir l-aktar fil-qasam tal-biedja. U x'sibt, Mr Speaker? Sibt li l-Gvern Soċjalista fis-sena finanzjarja 1978/79 għen 82 bidwi b'għotja ta' kważi Lm26,000 biex jinbnew jew ikabbru l-ġwiebi tagħhom. Imbagħad fl-1980, is-sena ta' wara, kien hemm 65 bidwi li ħadu flus tal-gvern b'għotja, u 61 minnhom ħadu Lm22,000 għall-istess skop, biex jibnu jew ikabbru l-ġwiebi tagħhom, jew anke biex isewwuhom. Fis-sena li għadha kemm għaddiet, 150 bidwi ħadu b'xejn Lm57,500 għall-istess skop waqt li 132 bidwi ieħor ngħataw għotjiet ta' flus l-aktar għall-irrigation pipes u għall-pig farms, liema għotjiet waslu għas-somma ta' 'l fuq minn Lm122,000, waqt li 35 bidwi ieħor ingħataw b'xejn kważi Lm18,000 biex jitwassal id-dawl fl-irziezet tagħhom. Imbagħad il-gvern kompla wkoll jgħatti l-art mogħxa bil-ħamrija biex ikun jista' jkabbar il-produzzjoni agrikola. Waqt li qed jara jekk hemmx xi pajjiż barrani li lest jikkonsidra jgħin xi proġett minn dawn f'Wied Ħoxt illi qiegħed bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi, diġà sar ħafna xogħol ta' land reclamation. U l-istess jista' jingħad għall-Manikata u Tarġa Gap, u aktar u aktar għal Kemmuna fejn diġà ħawlu ħafna siġar tad-dwieli, siġar taż-żebbuġ, kif ukoll siġar oħrajn. Erbat ijiem ilu, Mr Speaker, għaddejt mill-Magħtab, dan limiti tal-Għargħur, u f'post safejn ftit ilu kien hemm fil-veru sens tal-kelma miżbla sħiħa u affarijiet mormija l-ħin kollu jieħdu n-nar, illum dan il-post qiegħed jinbidel b'pass mgħaġġel f'għelieqi u siġar tal-frott fihom. Sirt naf illi dan hu wieħed biss mill-proġetti illi għandhom f'idejhom bħalissa l-Forzi Armati biex jirreklamaw l-art abbandunata. U minn hawn, Mr Speaker, nixtieq nifirħilhom lil dawn in-nies tax-xogħol ferm siewi illi qegħdin jagħmlu u tar-ritmu illi bih mexjin f'dan ix-xogħol.

Dan il-gvern mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti jaħdem għall-bidwi, u dan sar fl-interess tal-bidwi kif ukoll tal-mara tad-dar u tal-ekonomija tal-pajjiż. Kulħadd kellu l-opportunità jisma' lill-Prim Ministru jkellem liż-żgħażagħ Soċjalisti u x'kellu jgħidilhom fuq dan. Mr Speaker, il-Prim Ministru qalilhom - fi kliemu eżatt -

"Importanti ż-żgħażagħ ikunu jafu wkoll li Malta m'għandhiex biedja biżżejjed. Għalkemm qed nirreklamaw ħafna artijiet, ikollna nimportaw ħafna qamħ u ikel ieħor, u biex inpattu rridu nagħmlu xogħol ta' servizz lill-barrani.".

Mela, Mr Speaker, aktar ma nżidu l-produzzjoni tal-biedja inqas niddependu fuq il-barrani, u iktar ma flus jibqgħu Malta, iktar ikollna ekonomija b'saħħitha. L-akbar trux min ma jridx jisma' u l-aktar għama min ma jridx jara, għax min għandu għajnejh f'wiċċu u min għandu widnejn tajba, jaf li l-biedja hija settur vitali tal-ekonomija ta' pajjiżna li fih il-Gvern Soċjalista minn dejjem stinka u ħadem kif għadu sejjer sal-lum u kif jibqa' għal li ġej għax dan il-gvern tagħna jemmen li ż-żieda fit-tkattir tal-ikel hija essenzjali għal gżiritna.

F'Għawdex hemm art għall-biedja aktar minn terz li hawn Malta u għalhekk l-aħjar u l-isbaħ xogħol li jista' jinħoloq f'Għawdex hu dak tal-biedja. Għalhekk, skont il-programm elettorali tal-partit tagħna, illum fil-gvern, qegħdin ikomplu jiġu mistħarrġa proġetti ħalli l-art li mhix qed tinħadem titgħatta bil-ħamrija u b'hekk ir-raba’ saqwi f'Għawdex ikompli jikber. Barra minn hekk, biex dan il-gvern ikompli jgħin dejjem lill-Għawdxin, aħna, kif diġà jaf il-poplu, daħħalna minn nofs Marzu 'l hawn it-trasport b'xejn, mingħajr ebda ħlas, ta' ħxejjex, frott u prodotti oħra tal-biedja minn Għawdex għal Malta. Irrid inżid ukoll li kemm f'Għawdex kif ukoll f'Malta dan il-gvern tagħna f'dawn l-aħħar għaxar snin bena ħafna lqugħ u ħażniet tal-ilma għat-tisqija u ħawwel eluf kbar ta' siġar u frott.

Fil-programm elettorali tagħna aħna għidna li l-proġett tat-tisfija tad-drenaġġ f'Sant Antnin, limiti ta' Wied il-Għajn, għandu jitlesta fi żmien qasir. Illum nafu infatti li l-impjant tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ għat-tisqija beda jasal mill-Italja filwaqt li x-xogħlijiet min-naħa tal-gvern għaddejjin ġmielhom għall-istallazzjoni tiegħu. Mr Speaker, dan l-impjant sewa lill-gvern madwar Lm0.5 miljun. Fuq dan il-proġett diġà tkellem fiż-Żejtun il-ħabib tiegħi l-Ministru Micallef f'laqgħa li kellu mal-bdiewa li jgawdu minn dan il-proġett. Dawn huma l-bdiewa ta' Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Marsaxlokk u x-Xgħajra, li b'kollox ilaħħqu mat-800 bidwi. F'din il-laqgħa mal-bdiewa, il-Ministru tagħhom saħaq fuq il-ħtieġa li jikkoperaw peress li l-ilma li jkun prodott irid jintuża malajr billi ma jistax jinħażen għal tul ta' żmien. Il-Ministru aċċerta wkoll lil dawn il-bdiewa li dan l-ilma se jkun tajjeb għal kull tip ta' wiċċ ta' raba’. Għalhekk, dawn il-bdiewa għandhom jieħdu din l-opportunità biex jibdlu r-raba’ tagħhom f'raba’ saqwi u fl-istess ħin il-gvern diġà qiegħed jaħseb biex ifassal pjan dwar liema prodotti dawn il-bdiewa l-aħjar jibdew ikabbru, skont ma jitlob is-suq. Il-Ministru qal ukoll lil dawn il-bdiewa biex iserrħu rashom, għaliex mhux se jkun il-każ li jekk tikber il-produzzjoni jaqa' l-prezz, għaliex biex jilqa' għal dan, il-gvern lest li jgħin biex titwaqqaf intrapriża li tippreżerva l-prodotti.

Ħaġa oħra li l-gvern tagħna għandu ferm għal qalbu hija t-twaqqif ta' koperattiva oħra tal-bdiewa li jgħinhom jimxu 'l quddiem biex il-profitt mix-xogħol tagħhom jibqa' kemm jista' jkun ... Biex nagħti eżempju wieħed, is-sena l-oħra, id-Dipartiment tal-Biedja importa 1,110 tunnellata metrika ta' żerriegħa tal-patata Arran Banner u 1,339 tunnellata metrika ta' żerriegħa tal-patata Alpha biex jipprovdi lill-bdiewa u l-koperattivi tal-bdiewa skont il-ħteġijiet tagħhom. La qiegħed fuq dan is-suġġett, ta' min ifakkar ukoll li għal darba oħra d-Dipartiment tal-Biedja reġa' daħal għar-responsabbiltà tal-esportazzjoni tal-patata u anke tal-basal f'isem il-bdiewa tagħna u ġabilhom aktar minn Lm412,000 għall-patata li esportaw u aktar minn Lm44,000 għall-basal. Din hija l-barka ta' Alla għall-bdiewa mwassla lilhom mill-Gvern Soċjalista.

Minbarra l-ħsieb li jsaħħaħ il-koperattiva tal-bdiewa u jħajjar biex jinbtu oħrajn, il-gvern għandu l-mira li jinbnew ukoll numru ta' rziezet moderni fejn kull familja li trid taħdem l-art tkun tista' tgħix u tgwadi f'dar mhux inqas komda minn ta' ħaddieħor u mgħammra bis-servizzi kollha ta' dawl, ilma, drenaġġ, eċċ.

Barra minn hekk, il-gvern għadu sejjer ukoll fit-triq li qabad sa mill-1971 bit-tagħlim prattiku tal-bdiewa, kemm f'pajjiżna kif ukoll permezz ta' żjarat f'pajjiżi barranin. Illum, in-numru ta' bdiewa żgħażagħ li qed jattendu kors ta' tliet snin huwa 56 f'Malta u 48 f'Għawdex li minnhom flimkien, 31 huma fit-tielet sena. Jien minn hawn irrid nifirħilhom lil dawn iż-żgħażagħ u ngħidlhom li l-gvern huwa kburi bihom u filwaqt li jistenna li jagħtu l-aħjar xogħol possibbli għal arthom u nieshom, jawguralhom ukoll u jgħinhom biex huma jkollhom għixien tajjeb kif verament jixirqilhom, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlas ta' xogħlu kif jemmen il-gvern tagħna. Tant hu hekk, li anke l-flus li jinġabru mill-bejgħ ta' prodotti minn dawn l-agricultural training centres jinqasmu minn dawk li qed jattendu għal dan il-kors. Is-sena l-oħra, infatti, dawn ħadu aktar minn Lm8,000 bejniethom. Mr Speaker, il-politika tal-gvern tagħna dwar l-agrikoltura għandha - kif naraha jien - erba' għanijiet. L-ewwel hu li tiżdied il-produzzjoni l-aktar billi nużaw mezzi tekniċi u moderni u billi nagħmlu l-aħjar użu mill-fattur tax-xogħol. It-tieni hu li l-bidwi jkollu l-għixien diċenti kif jitlob iż-żmien tal-lum. It-tielet hu li jkun hemm suq kemm jista' jkun stabbli biex nassiguraw li l-prodott hu dejjem tajjeb. Ir-raba' għan hu li l-prodott jilħaq lill-konsumatur bi prezz raġonevoli.

Rigward l-ilma għax-xorb - għax kont se ninsa - il-gvern, l-istess bħal fil-każ tal-ilma tat-tisqija, qed jagħmel ħiltu kollha. Il-vot tal-ilma fl-aħħar Budget kien ta' Lm8.6 miljun, u dan ma kienx jinkludi t-tqegħid tal-pipeline taħt il-baħar minn Għawdex għal Kemmuna u Malta li fil-fatt kien diġà tlesta. Barra minn hekk, Mr Speaker, il-gvern ħa miżuri oħra bħalma huma l-borehole drilling u l-konservazzjoni tal-ilma tal-widien biex tkompli tiżdied il-provvista tal-ilma. Iżda ġara li minħabba ż-żieda kontinwa tal-konsum tal-ilma kkaġunata l-aktar mill-iżvilupp kontinwu industrijali sibna li ma nistgħux inlaħħqu b'dawn il-mezzi biss li semmejt, il-mezzi konvenzjonali. Il-gvern ma baqax lura. Għadna kif kellna ftit ġimgħat ilu l-istqarrija mill-istampa tal-Ministeru tax-Xogħlijiet fejn qalilna li diġà ġew iffirmati għall-provvista u t-tħaddim tal-impjant tal-produzzjoni tal-ilma ħelu mill-baħar u l-ilma sal-mastru bis-sistema ta' reverse osmosis. B'hekk se jkollna impjant ta' 4.5 miljun gallun ilma kuljum f'Għar Lapsi u impjant ieħor ta' 1 miljun gallun ilma kuljum fil-Marsa. Allura, Mr Speaker, il-gvern tagħna hu fiduċjuż li nkunu nistgħu naqdu l-ħtieġa għall-ilma li jista' jkollna bżonn fis-snin li ġejjin minħabba n-nuqqas ta' xita, bħalma ġara f'dawn l-aħħar snin u li n-Nazzjonalisti bilkemm ma ridux jgħidu li anke dan in-nuqqas ta' xita kien tort tal-gvern. Iżda biex naqtgħulhom l-għatx bil-perżut aħjar ikunu jafu n-Nazzjonalisti li l-ewwel ilma ta' dan l-impjant ta' Għar Lapsi nibdew inġawduh għat-tmiem ta' dan is-sajf stess u li sa qabel l-aħħar ta' din is-sena ż-żewġ impjanti jkunu qed jipprovdu 5.5 miljun gallun ilma kuljum, jiġifieri jkunu qed jagħtu l-full production tagħhom biex b'hekk tkun infaqgħet bużżieqa oħra Nazzjonalista. (Onor. Membri: Hear, hear)

Mr Speaker, nixtieq ngħid xi ħaġa dwar l-industrija tal-bini li lilha naf l-għixien tiegħi u tal-familja tiegħi u li żviluppat tant b'pass mgħaġġel dawn l-aħħar għaxar snin taħt il-gvern tagħna li wettaq programm vast ta' bini ta' djar u flats li bih ipprovda aktar minn 5,000 bejn djar u flats f'diversi nħawi f'Malta u f'Għawdex u qassam 'il fuq minn 3,800 plot, barra minn benefiċċji oħra taħt forma ta' ċens baxx u self ta' flus b'rati baxxi għal min ried jibni fejn joqgħod. Barra minn hekk, matul l-1972/74, il-gvern qered is-slums li kien baqa' l-aktar fil-Belt u rranġa Beltissebħ biex tieħu fiha dipartimenti tal-gvern u d-djar li fihom kienu qabel joqogħdu dawn in-nies, issa qassamhom lil dawn il-familji li qabel kienu qed jgħixu fis-slums. In-nefqa kapitali taħt gvern Soċjalista fil-bini ta' djar u flats u tneħħija tas-slums kienet ta' 'l fuq minn Lm22 miljun sa mill-1971 sal-1981. F'dawn l-istess snin ukoll, saru mal-180 estensjoni jew bini ta' fabbriki f'Malta u f'Għawdex u n-nefqa kapitali kienet ta' 'l fuq minn Lm22 miljun. Saru wkoll il-bini u l-estensjoni fl-isptarijiet tal-gvern li f'dawn l-aħħar għaxar snin laħqu Lm10 miljun. Saru wkoll ħafna xogħlijiet fl-iskejjel, bħall-iskola l-ġdida f'Ħal-Lija, Ħal Balzan u dik tal-Baħrija u l-oħra tal-Birgu, tliet skejjel ġodda li qed jiġu f'moħħi bħalissa. Saret ukoll l-iskola tas-snajja' Umberto Calosso f'Santa Venera u nbena ċ-ċentru tal-fiżikament inkapiċitati fil-Wardija u tkompla l-bini tat-Technincal Institute fin-Naxxar.

Mr Speaker, dawn huma biss ftit mill-eżempji li ġew f'moħħi dan il-ħin u ma rridx ninsa ngħid li waqt li kienet għaddejja din il-ħidma kollha fil-qasam ta' bini ta' djar mill-gvern u fil-bini ta' estensjonijiet ta' sptarijiet u fabbriki, skejjel u x'naf jien, fis-settur pubbliku kien hemm ukoll il-ħin kollu xogħol kbir fil-bini ta' flats u djar fis-settur privat. Infatti, jekk wieħed iħares lejn in-numru ta' permessi ta' bini li ħarġu fiż-żmien għaxar snin ta' Gvern Soċjalista, jara li dan kien 'il fuq minn 50,000 permess, ogħla sewwa minn dak iż-żmien tal-boom li kienu jiftaħru bih in-Nazzjonalisti, boom mill-1962 sal-1970 li kienu jlaħħqu mal-34,000 permess. Mr Speaker, wieħed irid ifakkar ukoll li dak iż-żmien ta' Gvern Nazzjonalista, ħafna permessi kienu nħarġu għal bini għall-barranin u mhux għall-Maltin. Dan l-iżvilupp imgħaġġel ġej mill-fatt li llum il-ħaddiem għandu iktar flus f'idejh u jekk irid jixtri fejn joqgħod jew irid jibni aħjar milli diġà għandu, f'dawn l-aħħar għaxar snin ta' Amministrazzjoni Soċjalista l-kondizzjonijiet tal-ħaddiem tant tjiebu li lanqas biss tista' tqabbilhom ma' kif kienu taħt Gvern Nazzjonalista.

Mr Speaker, il-benefiċċji soċjali żdiedu, f'ħafna każi, b'seba' darbiet aktar milli kienu kif sabhom dan il-Gvern fl-1971. Dan il-Gvern daħħal ukoll il-bonus li jiżdied kull sena għall-ħaddiem u għall-pensjonanti kollha. Daħħal iċ-children's allowance, għotja ta' flus fl-okkażjoni taż-żwieġ kemm lill-għarus kif ukoll lill-għarusa, u ħaġa li dan il-gvern ferm u ferm kburi biha, daħħalna l-pensjoni taż-żewġ terzi għall-ħaddiema kollha. Kien dan il-gvern ukoll li daħħal għall-ewwel darba n-national minimum wage u paga għan-nisa daqs dik tal-irġiel u żied il-pagi sena wara sena mhux biss għall-impjegati tal-gvern imma anke għall-ħaddiema kollha tal-partikular.

Sa mill-1974 'il hawn, infatti sa minn Ottubru tal-ewwel sena tal-1971, il-partit tagħna kien fil-gvern anke f'ċirkostanzi meta l-ekonomija tal-pajjiż u tal-finanzi kienu inċerti ħafna, il-gvern tagħna beda jżid il-pagi b'mod li minn dik is-sena sas-sena li aħna fiha sal-lum, l-inqas paga minimu hija dik ta' Lm32 fil-ġimgħa, filwaqt li fi żmien in-Nazzjonalisti l-paga minima kienet biss ta' Lm8.05 fil-ġimgħa. Dan hu ġid li jarah u jmissu b'idejh kulħadd. Għalhekk, il-ħaddiem Malti jrid lilna fil-gvern, Mr Speaker, u aħna mhux se ngħidulu le la tana l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament, għax għalina l-ħaddiem huwa l-mimmi ta' għajnejna. Iva, ħaddiem Malti, aħna hawn se nibqgħu naqdu dmirna f'dan il-Parlament biex intom timxu dejjem għalenija 'l quddiem, pass wara l-ieħor u ċertissimi li ħadd daqs il-Gvern Soċjalista, il-gvern tagħkom, ma għandu għal qalbu l-livell tal-għixien tagħkom. Għalhekk jien żgur li l-ħaddiem Malti jibqa' dejjem warajna minkejja t-tixwix ta' min irid jinqeda u jisserva bih il-għaliex il-ħaddiem Malti u l-poplu Malti jaf li l-Partit Soċjalista għalih Malta dejjem l-ewwel u qabel kollox. (Onor. Membri: Hear, hear)

Condolences (2 May 1941 - 27 Oct 2018)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 166 tat-Tlettax-il Leġislatura tat Tnejn 12 ta' Novembru 2018

KONDOLJANZI

ONOR. CHRIS FEARNE (Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, George Gatt kien għal ħafna snin protagonist ta’ dan il-Parlament; naturalment mhux ta’ din il-Kamra li qegħdin fiha llum għax dak iż-żmien konna fil-binja l-oħra, imma kien protagonist ta’ din l-istituzzjoni li tirrappreżenta lill-poplu. Fil-fatt, George kien Membru Parlamentari fi tliet leġiżlaturi differenti: l-ewwel fil-leġiżlatura ta’ bejn l-1981 u l-1987 taħt Gvern Laburista u mbagħad f’żewġ leġiżlaturi mmexxijin minn Gvern Nazzjonalista bejn l-1987 u l-1992, u bejn l-1992 u l-1996.

Lil George nafu bħala bniedem umli, bħala bniedem ta’ qalb kbira, bħala bniedem li dejjem żamm saqajh mal-art minkejja li kellu suċċessi kbar, kemm bħala politiku kif ukoll fil-ħajja personali u professjonali tiegħu, u nafu bħala bniedem li dejjem jaħseb fuq ħaddieħor qabel ma jaħseb fuqu nnifsu.

Ftit tal-ġimgħat ilu, meta George kien diġà marid serjament u kien dieħel u ħiereġ l-isptar, kien talabni biex jiġi jkellimni. Jien għedt li probabbilment kien se jitlobni xi pjaċir personali, bħal pereżempju biex insiblu xi kamra għalih, jew biex ikollu xi trattament aħjar minn ħaddieħor. Għedtlu li niltaqa’ miegħu bi pjaċir, anke għaliex kont qed nittama li jirrakkontali xi stejjer ta’ meta kien Membru Parlamentari u nkun nista’ nitgħallem mingħandu. Madanakollu George ma ġiex biex jitlobni xi ħaġa personali imma ġie biex bħala pazjent, jirrakkontali xi ftit mill-esperjenzi li għadda minnhom. Huwa faħħar ħafna l-istaff, li kienu għamlu ħafna miegħu, mill-infermieri sat-tobba. Ried iwassal dan is-sentiment li kien qiegħed jgħinu fil-ġlieda li kellu mal-mard.

Qalli wkoll xi ħaġa li jekk ma tkunx pazjent u ma tgħaddix minnha, lanqas tiġik f’moħħok. Xi ħaġa żgħira u kważi kważi tista’ tinstema’ redikola imma għall-pazjenti tfisser ħafna. Qalli li s-servizz fis-swali tal-isptar huwa impekkabbli u l-infermiera huma anġli u t-tobba huma ddedikati immens. Qalli li s-servizz kien tajjeb ħafna u ma seta’ jgorr fuq xejn, però kienet iddejqu ħafna dik li fil-5.00 a.m. kien jgħaddi t-trolley tal-ikel u peress li kellu r-rota żżaqżaq, kien iqajjem lilu u lil kulħadd! Qagħad jagħmel appuntament miegħi biex jgħidli dan u kellu raġun! Fil-fatt, għedtilhom biex jagħmlulha daqsxejn żejt din ir-rota. Xi ħaġa bħal din ma kellux għalfejn jgħidha lili bħala Ministru, imma ħass li ried jgħidha lili u ġie u qalhieli! Issa, minħabba l-atruiżmu ta’ George, nawgura li hemm ħafna iżjed pazjenti li minflok ma jqumu fil-5.00 a.m. qed iqumu naqra iżjed bi kwiethom għax ma jisimgħux ir-rota żżaqżaq fil-kuriduri!

George minn dejjem kien bniedem viċin in-nies, speċjalment tal-11-il Distrett u t-12-il Distrett Elettorali, b’mod partikolari l-Mosta, il-Mellieħa, in-Naxxar u l-Għargħur. Però huwa mhux biss kien viċin in-nies imma kien ukoll viċin is-soċjetajiet kulturali u sportivi, li kien jgħinhom kemm bil-ħin kif ukoll bir-riżorsi tiegħu. Kien ukoll bniedem li għamel suċċess kbir fil-ħajja politika u fil-ħajja professjonali tiegħu. Barra minn hekk, kien bniedem li ta ħafna lis-settur tal-kostruzzjoni u mhux biss kellu f’moħħu l-iżvilupp imma kellu wkoll f’moħħu l-iżvilupp b’mod sostenibbli. Fil-fatt, huwa magħruf għall-proġett li għamel f’Ħal Ferħ ġewwa Għajn Tuffieħa, proġett li għal ħafna snin kien proġett eżemplari, kif ukoll għall-iżvilupp tal-lukanda li hemm f’Selmun.

Sur President, qed nara xi familjari ta’ George Gatt. F’ismi, f’isem il-Gvern, f’isem din il-Kamra u f’isem ħafna nies li serva, nagħtihom il-kondoljanzi. Nawgura minn qalbi li l-memorja ta’ George tibqa’ ħajja fosthom u fost in-nies tal-11-il Distrett u t-12-il Distrett. Nawgura wkoll li jkun hawn ħafna aktar Membri Parlamentari li jkollhom l-animu altruista li kellu George Gatt. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. ADRIAN DELIA (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, mhux se nitkellem dwar George Gatt il-politiku imma dwar George Gatt il-persuna. Dan għaliex kelli l-privileġġ li għal dawn l-aħħar 20 sena nkun nafu personalment. Fil-fatt, kont niltaqa’ miegħu ta’ sikwit fl-uffiċċju tiegħu, suppost biex nagħtih il-pariri jien imma ħafna drabi kien jispiċċa jagħtina l-pariri hu fuq il-ħajja!

Nixtieq nikkwota silta mill-ewwel diskors ta’ George Gatt f’dan il-Parlament:

“Dan il-Gvern mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti jaħdem għall-bidwi, u dan sar fl-interess tal-bidwi kif ukoll tal-mara tad-dar, u tal-ekonomija tal-pajjiż.”

Silta oħra importanti hija din:

“Iż-żgħażagħ ikunu jafu wkoll li Malta m’għandhiex biedja biżżejjed. Għalkemm qed nirriklamaw ħafna artijiet, ikollna nimpurtaw ħafna qamħ u ikel ieħor, u biex inpattu rridu nagħmlu xogħol ta’ servizz lill-barranin.”

George kien iħobb il-familja, kien iħobb il-biedja, kien iħobb il-bidwi u kien iħobb il-prodott Malti. Ta’ spiss kien idewwaqni xi prodotti minn tiegħu, fosthom iż-żejt, li mhux kien jagħtihuli biss imma mbagħad kien jinsisti biex nagħtih il-ġudizzju tiegħi dwar dak li tant iħobb.

L-aktar tagħlima importanti li ħadt mingħand George Gatt hija li l-familja għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox. Fil-fatt, lejn l-għeluq tad-diskors tiegħu huwa jgħid, “Malta l-ewwel u qabel kollox”! Dan il-kliem juri li għalih il-pajjiż, u dak kollu li jagħmilna Maltin, jiġi l-ewwel u qabel kollox.

Sur President, ningħaqad mal-Ministru Chris Fearne u nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-familja ta’ George Gatt. Nixtieq li niftakru f’dawk li telqu minn dak li kienu qed jagħmlu u forsi anke telqu lill-familja u x-xogħol tagħhom biex jaħdmu u jagħtu servizz lil pajjiżna. Ta’ dan, dawn il-persuni għandna nkunu eternament grati lejhom. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Alex Muscat.

ONOR. ALEX MUSCAT: Sur President, xtaqt li ngħid kelmtejn fuq George għaliex apparti li kien ġar tiegħi, kien ukoll ħabib personali tiegħi u kien l-ewwel persuna li lili qarrbitni lejn il-politika. George kien politiku onest u altruist. Fil-fatt, illum il-ġurnata għadek issib nies minn kull sfera politika li jgħidulek kemm għenhom George u kemm kien bniedem onest. George kien ukoll raġel li jħobb ħafna l-familja. Kif taf int ukoll, Sur President, erħilu nhar ta’ Ħadd jiġbor lill-familja kollha flimkien. L-ors tiegħu kien li jara l-familja u n-neputijiet miġburin għandu.

George kien baqa’ jsegwi u baqa’ joħlom sal-aħħar fuq pajjiżna. Fil-fatt, l-aħħar li żortu ppropona diversi proġetti dwar kif nistgħu nkomplu ntejbu lil pajjiżna. Hemmhekk stajt nara fih sens ċiviku kbir. Sal-aħħar minuta ta’ ħajtu xtaq li jibqa’ jkun ta’ kontribut għal pajjiżna u jibqa’ jara lil pajjiżna miexi ’l quddiem.

Sur President, nieħu l-okkażjoni biex bħall-bqija tal-Kamra, nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Nirringrazzja lid-Deputat Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Onor. Alex Muscat. Jien lil George Gatt kont ilni nafu snin twal. Missieri, Alla jaħfirlu, u George kienu ħbieb kbar. Tant hu hekk li missieri kien l-ewwel segretarju tal-Każin Laburista tal-Mosta bejn l-1961 u l-1962 u meta George ħareġ għall-elezzjoni, missieri kien l-ewwel segretarju tal-klabb li kellu ġewwa l-Mosta.

Irrid insellem lis-Sur Jason Micallef, hawnhekk preżenti, u nirringrazzjah talli bagħatli messaġġ biex jgħidli li George kien qiegħed ħażin għax hekk kelli x-xorti li tal-inqas narah ftit sigħat qabel ma miet.

George qatt ma ra kbir. Kull min jafu, Laburisti u Nazzjonalisti, jaf li George qatt ma ra kbir, anzi dejjem kien benefattur fis-skiet. Fil-fatt, tmur fejn tmur kulħadd jgħidlek kemm għenu George. U din il-ħaġa semmieha wkoll Fr Michael Borg fl-omelija. Jiġifieri George kien bniedem ta’ qalb kbira li dejjem ħadem fis-skiet.

George kien self-made. Huwa beda bħala immigrant fil-Kanada u kien biss meta ġie lura li bena l-imperu tiegħu, u dan għamlu bix-xogħol u l-kapaċità tiegħu flimkien mas-solidarjetà u l-kolleġjalità qawwija tal-familja tiegħu. Aħna meta nirreferu għalihom bħala l-Familja Gatt tal-Gżejri tal-Mosta, inkunu qed nirreferu għal familja li dejjem għamlet ġieħ lis-soċjetà.

Jien niftakar anke Mintoff kellu rispett lejn George u qatt ma ċaħdu mill-kelma li tah. George kien bniedem li jagħti kelma u jżommha. L-aħħar li rajtu u kien mhux ħażin kien fil-festa ta’ Santa Marija ta’ xi sentejn ilu, fil-Każin ta’ Nicolo Isuard, u niftakar li kien beda jifraħ miegħu kulħadd.

Ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u nsellem lill-familjari ta’ George Gatt u bħalma nagħmlu s-soltu, għaddejnielkom il-ktejjeb tal-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament. Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur George Gatt bil-miktub. Nirringrazzjakom.

 

Electoral History

Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 16.03.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996