TIFKIRA TA’ JOE CASSAR FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
14 TA’ JANNAR 1947 - 2 TA’ MEJJU 2017
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn id-29 ta’ Marzu 1983 u t-3 ta’ Awwissu 1998
Joe Cassar
L-EWWEL DISKORS TA’ JOE CASSAR FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 230 TAL-11 TA’ FRAR 1985 IL-ĦAMES PARLAMENT
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-KODIĊI TA'
ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA ĊIVILI
CODE OF ORGANIZATION AND CIVIL PROCEDURE (AMENDMENT) BILL
STADJU TA’ KUMITAT
ONOR. JOE CASSAR: Mr Chairman, jien fuq din il-ħaġa naqbel mal-Ministru Cassar u ma' dawk li tkellmu favur l-abolizzjoni ta' dan l-istitut. Il-ħabib tiegħi Dr John Buttigieg, l-aħħar darba beda b'Mr Micawber maħluq mill-ġenju ta' Charles Dickens. Jien kont immur aktar 'il bogħod. Pereżempju, jekk jaqra l-Bibbja, isib li l-Profeta Nehemija ndaħal mal-kredituri ta' armla biex ma jeħdulhiex lit-tfal biex jarrestawhom u jbigħuhom bħala lsi¬era. Jiġifieri din hija istituzzjoni antika ħafna. Anke, pereżempju, fid-Dodici Tavole li huma meqjusa bħala milestone fil-liġi kienet teżisti ...
ONOR. MEMBRU: Fil-liġi Rumana.
ONOR. JOE CASSAR: Fil-liġi Rumana. Dawk kienu jgħidu li wara sentenza d-debitur irid iħallas fi żmien 30 ġurnata. F'każ li f'dak iż-żmien ma kienx iħallas, kien jiġi arrestat u miġjub quddiem il-maġistrat. Jekk jibqa' ma jħallasx il-kreditur kellu l-jedd li jieħdu u jorbtu bil-ktajjen u jekk idewmu mbagħad 60 ġurnata kien jinġieb għal tlett ijiem wara xulxin fil-pubbliku u kien jew jinbiegħ bħala lsir jew anke xi drabi ġismu mqatta' biex il-kredituri jieħdu parti minnu. Jiġifieri din hija ħaġa antika ħafna. Veru li jekk tkompli taqra tara li l-profeti pprovaw jimmitigaw din il-liġi li tant tidher hekk, imma milli jidher il-kredituri kienu dejjem isibu t-toqob fil-liġi Lhudija biex japprofittaw ruħhom mid-debituri tagħhom. Kien hemm ukoll fil-liġi Rumana l-famuż nexum ...
ONOR. JOSEPH CASSAR: Il-famuż Shylock.
ONOR. JOE CASSAR: Għadni ma wasaltx għalih, pass pass ġej. Il-famuż jew in-notorju nexum li bih id-debitur kien isir proprjetà tal-kreditur. Din imbagħad tneħħiet, imma baqa' l-arrest li neħħih Kostantinu l-Kbir fis sena 320 wara Kristu li spiċċa mil-liġi Rumana. Kompla l-arrest personali fil-Medju Evu. Hawnhekk ta' min ifaħħar il-missjoni tal-Knisja Kattolika li dejjem għamlet kemm setgħet biex timmitiga l-affarijiet dwar l-arrest personali.
Issa ngħaddi għal-liġi Maltija. Pereżempju l-Kodiċi De Vilhena tal-1729 u l-Kodiċi De Vilhena tal-1784 kienu jgħidu hekk:
"L'esecuzione delle sentenze non derivante da publico istromento si faccia prima sovra immobbli e semi moventi. Ed i loro difetto sugli stabile e non avendo il debitore semi moventi o stabili contro la persona.".
Dak li kienu jgħidu l-Kodiċi De Rohan u l-Kodiċi De Vilhena hawn Malta. Imbagħad Luigi XIV fi Franza daħħal id-distinzjoni li għadha teżisti f'ħafna kodiċijiet bejn id-djun ċivili u d-djun kummerċjali. Il-Qrati tagħna fuq din ibbażaw ħafna fuq il-Mattirolo li jagħti din id-definizzjoni tal-arrest personali.
"La privazione inflitta al debitore della libertà personale per cagione del inadempimento dell'obbligazione civile o commerciale del medesimo assunte.".
U kif qal il-Ministru, dwar din il-kwestjoni li qamet issa, point of order jew hekk, jekk irid jiġi abolit dan l-istitut irridu nabolixxu minn section 358 sa 375 u mhux dan l-artikolu biss. Jiena naħseb li din hija l-intenzjoni wkoll tal-Ministru. Veru li l-liġi tagħmel ċerti salvagwardi, imma dan jista' jkollok bniedem onest li tiġih ħażina u allura għax ġietu ħażina tibagħtu l-ħabs. Kif qal il-Ministru, f'każ ta' dolo u frodi kollox jaqa' taħt il-Kodiċi Kriminali. Jiġifieri nistgħu nabolixxu dan l-artikolu u bil-liġi Kriminali xorta jibqa' reat.
Quddiem dan il-Parlament kien diġà tressaq Abbozz ta' Liġi li għandu x'jaqsam bejn wieħed u ieħor mal-kwestjoni tal-lum. Dan kien fit-13 ta' Novembru l963. Dan l-Abbozz kien tressaq mill-Onor. Caruana Demajo fis-sens li jabolixxi l-artikoli 252 u 264 (ċ) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Kien sar ukoll is-Second Reading li l-iskop tiegħu kien biex jabolixxi l-mandat tal-arrest personali għal dejn u l-mandat tal-arrest fuq suspett ta' ħarba li hemm fil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, u biex jagħmel emendi konsegwenzjali f'liġijiet oħra. Dawn iż-żewġ mandati mhumiex skont il-konċetti ġuridiċi u soċjoloġiċi moderni. Jekk tara d-debate ta' dak iż-żmien tara li barra l-Ministru Caruana Demajo ħa parti l-mibki Dr Anton Buttigieg u anke kien ħa parti Dr Herbert Ganado. Il-Ministru kien spjega l-evoluzzjoni tal-arrest kif l-ewwel kien forma ta' skjavitù mbagħad forma ta' arrest u li llum b'mod biex iġieg¬ħel lid-debitur iħallas. Dr Buttigieg kien għamel diskors dakinhar verament tajjeb u kien qal li l-Ministru m'għandux jaqbad liġi hekk u jemendaha, imma għandu jemenda kollox u m'għandux iħares biss dawn id-drittijiet imma għandu jħares id-drittijiet kollha. Bi pjaċir ngħid li l-mibki Dr Buttigieg ma kellu assolu¬tament xejn l-idea li jmaqdar il-Qorti. Tant, anzi li dakinhar appella lill-Ministru li kull Abbozz ta' Liġi jikkonsulta ruħu fuqu mal-avukati u mal-imħallfin.
Dr Herbert Ganado kien kontra, ried li l-istitut jibqa'. Fl-Italja mbagħad spiċċa fl-l942. Fl-Ingilterra għad baqa' d-Debtors Acts tal-1869 u tal-1878. Saru diversi emendi. U Halsbury jgħid hekk: - li hija importanti naħseb anke b'referenza għal dak li għadu kemm qal il-Ministru -
"The intention and effect of the existing law on imprisonment for debt is that a fraudulent debtor shall be punished but that an honest debtor shall not.".
Din hija l-kwestjoni li jrid jiddiskuti dan il-Parlament, jekk għandux minħabba dejn ineħħi l-libertà ta' dak li jkun, l-aktar ħaġa prezzjuża li għandu l-bniedem.
Issa ta' min jgħid ukoll li l-Kostituzzjoni ta' Malta, artikolu 35(1)(d) tissalvagwarda l-arrest tad-debitur, għax tgħid hekk:
"Ħadd m'għandu jiġi pprivat mil-libertà personali tiegħu ħlief kif jista' jkun awtorizzat b'liġi fl-esekuzzjoni ta' ordni ta' Qorti magħmul biex jiżgura twettiq ta' xi obbligu impost lilu b'liġi.".
ONOR. JOSEPH CASSAR: Iva, salvagwardat hemm.
ONOR. JOE CASSAR: Jiġifieri din il-parti tal-liġi hija salvag¬wardata wkoll bil-Kostituzzjoni. Il-Ministru semma wkoll il-European Convention. Dan huwa eżatt il-Protocol 4, numru 1 li jgħid hekk:
"No one shall be deprived of his liberty merely on the ground of inability to fulfil a contractual obligation.".
Jiġifieri l-European Convention qiegħda biss għal debitu, għal contractual obligation. Dan biss issemmi, ma ssemmix affarijiet oħra. Jiġifieri f'każ ta' frodi jibqa' japplika. Nerġa' ngħid, jien naqbel mal-Ministru u nispera li dan il-Parlament jaqbel li dan l-istitut jitneħħa kif hemm bżonn ukoll nemendaw il-kodiċijiet tagħna f'affarijiet oħra.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 6 tat-Tlettax-il Parlament tal-Erbgħa 28 ta' Ġunju 2017
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum qed infakkru l-mewt ta’ Dr Joseph Cassar, li kien Membru Parlamentari bejn l-1983 u l-1998 kif ukoll Segretarju Parlamentari. Insellem lill-mara tiegħu u lill-membru l-ieħor tal-familja li jinsabu preżenti magħna. Kif saret konswetudni, il-Parlament ħareġ ktejjeb għall-okkażjoni.
Insejjaħ lill-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Sur President, huwa unur għalija li f’isem il-Gvern, nagħti l-kondoljanzi lill-familja ta’ Dr Joseph Cassar. Dr Cassar kien jifforma parti minn żewġ branki tal-Istat tagħna; dak tal-Eżekuttiv u dak tal-Ġudikatura. Naħseb li fit-tnejn li huma qeda d-dmirijiet tiegħu b’mod impekkabbli u b’mod li ħadd ma jista’ jsib xi jgħid dwaru. Dan iwassalni għall-ewwel punt tiegħi. Minkejja li pajjiżna huwa pajjiż pjuttost żgħir, persuni li jkunu servew attivament f’partit politiku, meta jingħataw il-fiduċja biex iservu fi branki oħra tal-Istat, f’dan il-każ fil-Ġudikatura, jafu jiddistakkaw ruħhom mill-passat politiku tagħhom u kapaċi jaqdu dmirijiethom b’mod verament newtrali u oġġettiv. Tant hu hekk li Dr Cassar saħansitra serva fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Mill-esperjenza li għandi tiegħu nista’ ngħid li qatt ma ħares lejn wiċċ ħadd u dan huwa xhieda tal-irġulija politika li kellu.
Nixtieq niddedika parti żgħira minn din it-tifkira għal-legacy li ħallilna Dr Cassar meta kien Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur tal-koperattivi; settur li ftit li xejn għadu jissemma llum. Parti mir-riċerka tiegħi meta kont l-Università kienet proprju fuq ix-xogħol li kien għamel meta kien responsabbli minn dan il-qasam u nista’ ngħid li Dr Cassar prattikament kien il-bniedem li ta l-ħajja mill-ġdid lill-qasam tal-koperattivi f’Malta. Fil-fatt, huwa introduċa konċett li sal-lum il-ġurnata kważi baqa’ biss bl-avvanzi li kien daħħal hu. Qed nirreferi għall-koperattivi fis-servizz pubbliku. Jekk niftakar sew, kien hemm l-iskema A u l-iskema B u persuni mill-qasam pubbliku kienu ġew inċentivati biex jidħlu fid-dinja tal-koperattivi għax meta wieħed jaħdem ma’ ħaddieħor, ikun jaqbillu aktar u fl-istess ħin dak li jkun ikollu inċentiv biex ikun aktar produttiv.
Dan kien u għadu konċett pjuttost innovattiv però fl-aħħar tas-snin tmenin u fil-bidu tas-snin disgħin kellna numru ta’ koperattivi fis-settur pubbliku. Uħud minnhom marru tajjeb ħafna u wħud minnhom għadhom jeżistu sal-lum. Biżżejjed insemmi l-Koperattiva Tabelli u Sinjali Tat-Traffiku. Dawn il-persuni kienu jaħdmu mal-Gvern però bil-mod kif ġew strutturati, żiedu l-produttività tagħhom, żiedu wkoll is-servizz u żiedu t-take-home pay tagħhom. Naturalment kien hemm koperattivi oħra li ma kellhomx dak is-suċċess, però din hija xi ħaġa normali fid-dinja tal-intrapriża. Fil-fatt, madwar 50% ta’ dawk li jidħlu f’intrapriża ma jirnexxilhomx jimxu ʼl quddiem.
Sfortunatament, il-progress f’dan ir-rigward iġġammja għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett il-pjan ta’ Dr Cassar, li kien imnebbaħ minn xogħlijiet li kiteb il-Prof. Serracino Inglott, kien maqsum f’żewġ skemi. L-ewwel skema kienet biex il-ħaddiema fil-koperattivi jingħataw is-salvagwardja li jekk xi ħaġa tmur ħażina jkunu jistgħu jerġgħu lura mal-Gvern. Din kienet popolarissima. It-tieni skema kienet tinċentiva lil dak li jkun biex jitlaq minn mal-Gvern. Fil-verità l-ebda gvern qatt ma rnexxielu jinċentiva lin-nies biżżejjed biex jidħlu għaliha. Nistqarr li internament bħala Prim Ministru kemm-il darba nistaqsi kif se nagħtuha l-ħajja mill-ġdid din l-idea.
It-tieni raġuni għalfejn il-qasam tal-koperattivi u s-settur pubbliku staġnaw ftit ġejja mill-fatt li minn dak iż-żmien sal-lum, daħħalna acquis communautaire dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u ġieli saret l-argumentazzjoni li ma tistax tiffavorixxi koperattivi pubbliċi għaliex tkun qed tiddiskrimina kontra kumpaniji privati. Jien nifhmu dak l-argument u minnu nnifsu żamm lura l-iżvilupp f’dan il-qasam.
Il-qasam tal-koperattivi jinstema’ innovattiv u kważi kważi jinstema’ ta’ qabel żmienu, aħseb u ara fis-snin disgħin! Għalhekk, nixtieq inrodd ħajr u nagħti ġieh lil Dr Cassar għall-kontribut imparzjali tiegħu fil-Ġudikatura, għall-kontribut tiegħu fil-qasam eżekuttiv u għaliex fejn kellu jieħu deċiżjoni dejjem ħadha b’mod oġġettiv. Nirringrazzjah ukoll għal dawn l-innovazzjonijiet li għadni kif semmejt. Mhux se nidħol fihom għax ma nqisx ruħi bħala kritiku letterarju. Naħseb li hawn nies aktar kompetenti minni biex jitkellmu dwar il-qasam letterarju però żgur li rridu nfakkruh minn dan il-qasam ukoll.
Sur President, nagħti l-kondoljanzi lill-familja ta’ Dr Cassar. Nirringrazzjak.
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, l-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru tal-kliem sbieħ li qal fil-konfront ta’ Peppinu, kif konna nsejħulu. Nixtieq ukoll insellem lill-familjari tiegħu, b’mod partikolari lill-mara tiegħu, Mary. Nilqagħhom magħna fil-Kamra tad-Deputati.
Jien għandi x-xorti li lil Peppinu kont nafu personalment sa minn meta kont student l-Università u kont dħalt fil-famuża SDM (Studenti Demokristjani Maltin). Dak iż-żmien aħna konna nqisuh bħala wieħed mill-ideologues tal-Partit Nazzjonalista għax kien jaf ifissirlek il-politika fis-sens ideoloġiku tagħha. Fil-fatt, konna mmorru ħafna għandu fuq hekk.
Sur President, nixtieq nagħmel erba’ riflessjonijiet fil-qosor. L-ewwel nett meta l-Partit Nazzjonalista tela’ fil-gvern fl-1987, Peppinu kien responsabbli mill-qasam tal-housing. Dik kienet l-ewwel responsabilità li kellu fl-Eżekuttiv, u bir-raġun għaliex Peppinu kien magħruf għar-ruħ soċjali li kellu u għat-tendenzi politiċi xellugin tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista huwa magħruf li jġib flimkien nies b’ideat politiċi li ħafna drabi fl-ispettru politiku jimxu minn centre-left għal centre, centre-right u xi kultant anke right u żgur li Peppinu kien is-simbolu tal-fazzjoni xellugija fil-Partit Nazzjonalista li kienet, u għadha, fazzjoni importanti ħafna fil-Partit Nazzjonalista u għall-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant nixtieq insellem lil Peppinu għar-ruħ soċjali li kellu.
It-tieni riflessjoni. Peppinu kien letterarju ta’ talent enormi u kien jikteb b’mod regolari, kemm fil-gazzetti kif ukoll f’postijiet oħrajn. Fil-fatt, kien kontributur regolari fil-gazzetta In-Nazzjon u tajjeb ngħid li fil-kontribuzzjonijiet tiegħu kien jifli l-politika mil-lat ta’ sustanza. Għalhekk, kemm fil-Partit Nazzjonalista u jien ngħid anke lil hinn minnu, Peppinu kien magħruf li meta jidħol fuq konċett politiku, ikun jaf x’qiegħed jgħid. Min dak il-lat żgur li kien meqjus bħala awtorità fil-Partit Nazzjonalista.
It-tielet riflessjoni. Kif qal il-Prim Ministru, l-Avukat Cassar eventwalment sar il-Maġistrat Cassar għax mill-Eżekuttiv mexa għall-Ġudikatura. Għalkemm mhuwiex normali li politiku jinħatar fuq il-bank tal-Ġudikatura, anzi ħafna drabi meta jsir hekk, ikun hemm element ta’ kontroversja, fil-każ ta’ Peppinu żgur li ma kien hemm l-ebda kontroversja. Anzi, Peppinu ma ġibed xejn lejh ħlief rispett u ammirazzjoni.
Niġi għall-aħħar riflessjoni però mhux l-inqas. Wieħed mill-privileġġi li kelli matul dawn l-aħħar erba’ snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien li ninnomina lil Peppinu bħala membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Meta l-Prim Ministru talabni biex ninnonima persuna fuq din il-Kummissjoni, jien ma ħsibthiex darbtejn biex ninnomina lilu, anzi kważi kważi kienet għażla awtomatika u naturali, għar-raġuni li Peppinu kien xempju tal-onestà u tal-integrità. Għalhekk, inħossni privileġġat u onorat li f’isem l-Oppożizzjoni kont innominajtu u ħtartu membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Sur President, jekk tippermettili, nixtieq nissellef paragrafu qasir minn artiklu li kiteb il-kuġin ta’ Peppinu u Eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Michael Bonnici. Ma kontx naf li huma primi kuġini! Sirt naf meta qrajt dan l-artiklu. Michael, li nsellimlu minn hawnhekk, fost affarijiet oħra dwar Peppinu kiteb hekk:
“Jalla l-karriera tiegħu tkun mera għall-politiċi kollha, partikolarment f’dawn iż-żmenijiet, ’il bogħod mill-politika popolari, dik egoistika u immorali.”
F’ismi, f’isem il-Partit Nazzjonalista u f’isem l-Oppożizzjoni, insellem il-memorja tal-avukat u Maġistrat Joseph Cassar. Nagħti l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu. Grazzi.
L-ISPEAKER: Nirringrazzja lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-ħsebijiet tagħhom dwar Dr Joseph Cassar, li kien magħruf bħala Peppinu. Jien niftakru fil-Parlament fil-leġiżlatura ta’ bejn l-1996 u l-1998. Niftakar li ħadd qatt ma lissen kelma waħda negattiva fil-konfront tiegħu. Dr Cassar kien ġentlom u dejjem kellu kelma nadifa, anke fl-eqqel tad-dibattiti ta’ dak il-perjodu. Fil-fatt, kien igawdi r-rispett ta’ kulħadd.
Kemm ilni Speaker tal-Parlament, Dr Cassar avviċinani kemm-il darba u kienet tinteressah ħafna l-pubblikazzjoni ‘Mill-Parlament’ li bdejna noħorġu fl-aħħar leġiżlatura. Kien jinteressah ħafna anke mill-proċedura parlamentari u kien jidħol f’ċertu dettall. Ma kellux għalfejn, għax ma kienx għadu fil-Parlament, imma jekk wieħed jaqra l-ewwel diskors li għamel fil-Parlament, isib li kien tkellem ħafna fuq l-inġustizzji u l-attakki personali. Dan juri kemm Peppinu kien persuna ta’ integrità.
Rigward il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħidma ta’ Peppinu bħala membru tal-Ġudikatura, jien ngħid li persuna korretta tibqa’ korretta kull fejn tkun. La tkun korretta, tpoġġiha fejn tpoġġiha se tibqa’ korretta. Ċertament Peppinu kellu ħsibijiet xellugin. Jien kont niddiskuti ħafna miegħu ħsibijiet ta’ valuri xellugin. Kif qal il-Prim Ministru, kellu jkun membru tal-Partit Nazzjonalista li joħroġ bil-konċett tal-koperattivi. Dan il-konċett kien ispirat minn ħsibijiet xellugin, probabbli mill-Amerika Latina u mill-eks Jugożlavja.
Minn hawnhekk insellem lill-mara tiegħu, li qaltli li Peppinu kien isemmini ħafna f’ċerti okkażjonijiet, kif ukoll lill-familjari kollha tiegħu. Grazzi.
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 29.03.1983 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |
Sworn in as Parliamentary Secretary in the Ministry for Human Resources - 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: 23.09.1996 |
Elected on: | 26.10.1996 |
Oath of Allegiance: | 05.12.1996 |
Dissolution of Parliament: | 03.08.1998 |