TIFKIRA TA’ MICHAEL BONNICI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA
21 ta' ĠUNJU 1944 - 29 ta’ MEJJU 2019
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn
it-13 ta’ Mejju 1987 u l-10 ta’ Marzu 2003
Michael Bonnici
L-EWWEL DISKORS TA’ MICHAEL BONNICI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 11 TAD-29 TA’ LULJU 1987 IS-SITT LEĠIŻLATURA
AĠĠORNAMENT
ONOR. MICHAEL BONNICI: Sur President, dan hu l-maiden speech tiegħi. Jien inħoss li ħafna drabi s-saħħa politika tal-pajjiż titqies minn kemm il-pajjiż huwa ekonomikament b'saħħtu u ħafna fatturi oħra politiċi, b'mod speċjali ta' stabbilità. Hekk ukoll is-saħħa soċjali tal-pajjiż tiddependi wkoll mill-għeruq prinċipali tal-pajjiż, li hija l-familja. Dik hija, nistgħu ngħidu, is-saħħa tal-pajjiż bħala nazzjon.
Fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista hemm indikat ċar u tond:
"... l-Istat għandu jagħraf li l-aktar ħaġa li għandu bżonn kull bniedem biex jgħix hieni hi li jitrabba fil-familja tiegħu u jgawdiha. Għalhekk l-interess veru tal-Istat ma jista' qatt ikun li jdgħajjaf il-familja".
U jżid jgħid:
"Hu għall-kuntrarju, li jsaħħaħha u jgħinha fejn ma tistax tlaħħaq waħidha mal-ħtiġijiet tagħha.".
Dan huwa li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista u dawn huma l- iktar żewġ punti kardinali li fuqhom irid jimxi l-programm tal- Partit Nazzjonalista fil-gvern. Dan kollu ġie msaħħaħ meta naraw li fil-Ministeru tal-Politika Soċjali hemm indikat ċar u tond li għandu jkun hemm responsabbiltajiet ukoll f'dawk li għandhom x'jaqsmu ma' affarijiet tal-familja. Jien persważ li m'għandu jkun hemm l-ebda dubju f'din il-ħaġa u għandu jkun hemm consensus minn Malta kollha, miż-żewġ naħat tal-Kamra, li kulħadd jaqbel li f'Malta jkollna Ministeru tal-familja. Dan qed ngħidu għax anke rajt liġijiet ta' pajjiżi oħra, tendenzi ta' pajjiżi oħra, fejn diġà għandhom dan il-Ministeru li jikkomprendi l-familja kollha fl-istadji tagħha kollha kemm huma. U jien inhoss li għalkemm din hi urġenti, bix-xogħol li għandu l-Gvern bħalissa, ma jistax ikun li jqisha bħala prijorità kbira. Però huwa ttamat li fil-futur qarib din tiġi msaħħa. Kont qed ngħid li pajjiżi oħra fid-dinja wkoll għandhom dan il-Ministeru tal-familja, anke saħansitra ġewwa l-Awstralja, fejn jemigraw persuni minn kull pajjiż tad-dinja, kemm mill-Italja, kemm mill-Afrika u minn kull żona tad-dinja, biex isibu l-għajxien tagħhom. B'danakollu, kien ukoll ġie stabbilit tliet snin ilu l-Ministeru tal-familja, kumpless kemm hu kumpless, bl-ideoloġiji differenti li hemm f'dak il-pajjiż.
F'Malta wkoll tinħass il-ħtieġa li jkun hemm fuq bażi soda dan l-abbelliment soċjali ġdid f'pajjiżna. Infatti kien hawn u għad hawn moviment volontarju li sa mill-bidu tiegħu, xi 30 sena ilu, ta sehem kbir għall-familja Maltija. Però mhux dan biss irridu, dan huwa moviment volontarju u l-iktar li għamel kien mill-aspett reliġjuż aktar minn dak soċjali u politiku. Jeħtieġ li jkun hawn min jieħu verament ħsieb il-familja fl-istadji kollha ta' ħajjitha, mill-bidu sal-aħħar. Diżgrazzjatament dan il-moviment qatt ma ngħata għarfien uffiċjali. Imma issa li l-Gvern bil-ħsieb li jagħmel kumitat, Ministeru, uffiċċju relatat ma’ affarijiet tal-familja, nispera li b'dan ikun qed jistituzzjonalizza dan il-moviment li qed jaħdem għall-familja. Nerġa' ngħid, il-problemi tal-familja huma kbar ħafna. Pereżempju, għaliex għandna hawn Malta tant u tant għaqdiet li jirrigwardaw il-familja, pereżempju, għandna l-għaqdiet tan- nisa, tal-ġenituri - dawk li huma vis-à-vis l-iskejjel - taż- żgħażagħ, tal-pensjonanti, tal-anzjani, u issa dan l-aħħar smajna li hawn ukoll l-għaqda tar-romol? Għax f'kull sezzjoni tal-familja hawn xi problemi, u qed tinħass nazzjonalment li jkun hawn xi għaqda li taqbeż għal dan il-għan. Ħafna drabi ma jkunx hemm problemi vera fl-ewwel snin taż-żwieġ ta' dik il-familja li tkun għadha kemm ġiet ifformata, fil-bidu jkun hemm biss xi ħaġa żgħira. U jien hawnhekk nagħmel suġġeriment biex anke dawk li sejrin jiżżewġu, fil-kuntratt taż-żwieġ li jmorru jagħmlu għand il-Gvern, jingħataw booklet ta' dawk il-liġijiet, miktubin bl-iktar mod elementari, sabiex huma jkunu jafu fiex jistgħu jsibu ruħhom u kif jolqtuhom il-liġijiet meta huma jaslu għal dan il-pass.
Bħalma kont qed ngħid, fl-ewwel żmenijiet taż-żwieġ ma jkunx hemm xi problemi kbar, però jiddispjaċini li f'dawn l-aħħar snin kien hawn problema meta tqanqlet il-kwestjoni tal-iskejjel tal-Knisja. X'ġara f'dawn iż-żmenijiet? Ħafna ġenituri, wieħed minnhom jien ukoll - li għandi kull dritt li nibgħat lit-tfal fejn irrid jiena u fejn jogħġobni, jekk irrid inħallas jew ma nħallasx, għandi kull dritt nibgħathom f'liema skola rrid - sabu dak id-daqsxejn ta' konflitt. Ngħidlu "daqsxejn" għax illum ittaffa. Però f'dak iż-żmien, kemm rajna troubles, familji inkwetati, ġenituri inkwetati, meta wara t-tliet xhur tal-vaganzi tal-1983 sabu l-bibien tal-iskola tagħhom magħluqin għat-tfal tagħhom. Mhux talli hekk, talli mal-bibien tal-iskejjel ukoll kellhom il-pulizija biex żgur ma jidħlux. Mr Speaker, jiena nħoss li din kienet l-ikbar crime li seta' jagħmel il-Gvern Soċjalista. Jiena għandi nifhem li għandu jkun hemm libertà assoluta fejn kulħadd jagħżel li jibgħat it-tfal l-iskola fejn irid hu. M'għandux ikun hemm restrizzjonijiet. Għaliex għandu jkun hemm restrizzjonijiet? Jien inħoss li dik l-edukazzjoni li naqsitilhom dak iż-żmien kien kollu tort tal-Gvern Soċjalista. Però dak iż-żmien għadda, il-poplu rebaħ u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-unuri li kellhom qabel. Għaliex m'għandux ikun hawn din il-libertà? L-iskop tal-Gvern Soċjalista kien wieħed: Li jaħtaf l-iskejjel tal-Knisja taħt il-kontroll ta' jdejh, imma dan ma rnexxielux. Il-Gvern Soċjalista kien jemmen, u anke jien kont nemmen, fil-libertà reliġjuża sa mill-1962 u 1963 meta kien hawn il-kwestjoni politika/reliġjuża, il-Perit Mintoff kien jgħid li jemmen fil-libertà reliġjuża. Jien dak iż-żmien kont naqbel miegħu f'dak is-sens għax kulħadd għandu dritt li jekk irid jadura l-baqra, jekk irid jadura x-xemx, jadura li jrid. L-istess fl-iskejjel. Jiena bħala wieħed mill-ġenituri għandi kull dritt nibgħat lit-tfal tiegħi - bħalu li għandi responsabbiltà ta' wliedi - fl-iskola li rrid. U dan mhux qed ngħidu għalija biss għax anke min-naħa l-oħra tal-Kamra kien hemm min kellu t-tfal tiegħu mat-tfal tiegħi fl-iskejjel tal-Knisja. Mhuwiex vera li kien hawn il-kwestjoni finanzjarja għax b'xejn u mhux b'xejn. Jien naf li għamilt l-ikbar sagrifiċċji biex bgħatt lit-tfal tiegħi l-iskola. Qgħadt nieqes minn ħafna affarijiet u l-istess għamlu ħafna ġenituri oħra, ħallew l-abbelliment tad-dar, ħallew li jistgħu jgawdu xi pjaċiri oħra, ħallew is-safar tagħhom, ħallew ħafna affarijiet biex bagħtu lill-uliedhom l-iskola. Hekk għandu jkun. Hekk għandha tkun din il-libertà. Għandu jkun hemm kontroll assolut li din il-ħaġa ma terġax isseħħ. Grazzi għall-Partit Nazzjonalista fil-gvern din it- theddida spiċċat, m'għadhiex teżisti u issa hemm l-ikbar libertà li l-iskejjel tal-Knisja jistgħu jibqgħu miftuħa.
Punt ieħor huwa rigward iż-żgħażagħ, żmien fejn il-familja wkoll ikollha d-diffikultajiet tagħha. U dan huwa meta ż-żgħażagħ jibdew jikbru. U jien naqsam iż-żgħażagħ minn 12-il sena 'l fuq fi tliet kategoriji. Hemm il-kategorija ta' dawk l- istudenti li tassew iridu ... (Interruzzjonijiet) Dawn huma l- problemi tal-familji ... (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Dan maiden speech, irrispetta lil sieħbek.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Jien inħoss li għandi naqsam iż- żgħażagħ minn 12-il sena 'l fuq fi tliet kategoriji. Hemm min verament irid jistudja, hemm min miskin moħħu ma jagħtihx għax m'għandux dak it-talent biżżejjed, allura jmur ... (Interruzzjonijiet) Imma jien insemmihom. Għandi kull dritt insemmihom! Iż-żgħażagħ imsemmijin f'ħafna affarijiet oħra indirettament forsi fid-Diskors tal-Aġent President ...
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Point of order. Tant jissemmew iż-żgħażagħ fid-Diskors tal-Aġent President li l-Gvern għamel Ministeru għall-anzjani. Jiġifieri l-bqija hu kollu taż-żgħażagħ!
MR SPEAKER: Ma naqbdux dibattitu fuq dan, issa. Kompli.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Kont qed ngħid li naqsam iż-żgħażagħ fi tliet kategoriji. Dawk li għandhom moħħhom tajjeb u se jistudjaw; dawk iż-żgħażagħ li forsi t-talent tagħhom mhux daqshekk biżżejjed u jippreferu sengħa; u hemm dawk l-oħrajn li ma jridu jafu b'xejn. Dawn ukoll għandhom il-problemi tagħhom u kull Gvern, anke l-Gvern preżenti, għandu jaħseb bis-sħiħ għal dawn, b'mod speċjali għal din l-aħħar kategorija ta' nies. (Interruzzjonijiet) Jeħtieġ li l-Gvern preżenti wkoll jagħmel il-parti tiegħu. U din se jagħmilha. Infatti liġi li għandna hawn ippreżentata fil-Parlament, jew inkella li se tiġi diskussa, hija dik tal-ħaddiema awżiljarji. Il-Gvern Soċjalista kien isejħilhom f'ħafna korpi, tad-Dejma, Tal-Pijunieri u x'naf jien. Imma din hija l-kelma denja li dawn iż-żgħażagħ li msieken forsi moħħhom ma jagħtihomx wisq għall-iskola ... Allura x'se jagħmel għalihom? Mhux se jdaħħalhom f'korpi, mhux se jdaħħalhom f'dixxiplina militari imma se jittrenjahom bl-iktar mod serju, bl-iktar mod dixxiplinat - mhux fuq bażi militari - imma li jpoġġihom fis-soċjetà u jieħdu posthom fis-soċjetà għall-ġid tal-familja li huma jkunu se jtellgħu. Ħafna drabi din hija l-kwalità taż-żgħażagħ - veru mhux iż-żgħażagħ kollha - li jidħlu fihom il-vizzji tad-drogi, jidħlu fihom ċertu vizzji oħrajn li jirvinaw ħajjithom miċ-ċokon tagħhom stess. Jien nittama, anzi jien ċert, li lil dawn iż-żgħażagħ, il-Partit Nazzjonalista jagħtihom dak kollu li jkollhom bżonn u li se jiġu bżonn. Infatti qatt ma nista' ninsa meta konna mmorru fil-meetings ta' qabel l-elezzjoni u kont inkun fuq il-palk u kont nara dawk l-elef u eluf ta' żgħażagħ. Kienu dawn l-eluf ta' żgħażagħ li rebbħu l-elezzjoni lill-Partit Nazzjonalista. Kienet il-maġġoranza tagħhom li biha seħħet ir-rebħa tal-Partit Nazzjonal¬ista.
Jien inħoss ukoll li kien hawn problemi oħra li laqtu ħafna lill-familja. Dawn sirt naf bihom meta ġew familji għandi stess peress li jien għandi kuntatt kontinwu magħhom.
Ħalli nieħu bħala eżempju koppja miżżewġa bi tlett itfal u l-povru raġel bi Lm30 fil-ġimgħa paga, il-minimum wage jew xi ħaġa iżjed, u tlett itfal li ma jaħdmux. Ara kemm batiet il-familja. Ħallejna dik il-freeze tal-pagi għal erba' snin sħaħ u issa għal ħamsa, u konsegwenza ta' hekk batiet ħafna l-familja. Jiena ċert li l-Partit Nazzjonalista, kif wiegħed, jagħti għajnuna soċjali lill-familja kollha b'mod speċjali lill-mara. Jien nirrikonoxxi li l-Gvern Soċjalista kien ta ċ-children's allowance u l-bonus. Dawn għamlu tajjeb għal paga miżera ħafna li kien hawn, però, b'danakollu, dan ma kienx biżżejjed. Gvern Nazzjonalista se jirrikonoxxi mhux biss lit-tfal, mhux biss il-bonus li huwa frott ta' ħidma tar-raġel imma anke se jirrikonoxxi lill-omm, lill-mara miżżewġa li jagħtiha l-għajnuna li jkollha bżonn u li l-Gvern jidhirlu xieraq biex din tkun tista' tkompli tgħajjex lill-familja tagħha.
Hawn ukoll il-konċett tal-anzjani. Kemm kienet idea sabiħa tal-Gvern Nazzjonalista li jintroduċi dan is-servizz lill-anzjani. Jien ċertissimu li dan se jagħmel hit kbir fil-pajjiż meta bosta anzjani jinsabu lonely ħafna jgħixu waħedhom. X'kienet is-soluzzjoni tal-Oppożizzjoni? Li jinġabru Ħas-Serħ jew Ħaż-Żmien. Għaliex abbandunajniehom mill-irħula tagħhom? Għaliex, meta dak li jkun kien imdorri jmur jisma' l-quddiesa u jmur jixtri mit-tali ħanut, imur jieħu pinta mit-tali ħanut, abbandunajna s-sistema li twieldu fiha u għexu fiha meta kienu żgħar u bgħatniehom f'dawk il-postijiet? Huwa skop nobbli tal-Gvern Nazzjonalista li lil dawn jistabbilixxihom f'kull belt jew raħal ta' pajjiżna.
Il-pensjonanti wkoll kellhom il-problemi tagħhom kif għadu kif spjega f'dik l-introduzzjoni tal-liġi l-Onor. Louis Galea dwar il-żidiet li l-Gvern se jagħti lill-pensjonanti. Ta' min ukoll li wieħed jinkoraġġih f'din il-ħaġa u jagħmel kull mezz possibbli biex din isseħħ fl-inqas żmien possibbli.
Jien ukoll nixtieq nagħmel enfasi dwar ir-romol. Hawn problema wkoll tar-romol f'pajjiżna li ħafna drabi qed isibu ruħhom waħedhom. Jien nappella, anke lill-Gvern tiegħi, biex dawn jekk ikunu waħdihom u ma jkollhomx familja, il-Gvern jagħtihom l-ewwel rikonoxximent biex huma wkoll isibu jaħdmu u jagħtihom prijorità f'pajjiżna. Hemm ukoll il-kwestjoni tad-divorzju f'pajjiżna li nibża' li se jkisser il-familja Maltija. Id-divorzju hawn Malta mhux rikonoxxut, però huwa rikonoxxut mill-Gvern Malti fuq bażi waħda, f'każi fejn id-divorzju jkun rikonoxxut barra minn Malta. Din kien introduċieha l-Gvern Soċjalista. Allaħares naqgħu fi żmien meta dan il-Parlament - nista' nkun hawn jien u nista' ma nkunx, nistgħu nkunu aħna lkoll jew ma nkunux - jilleġiżla fuq id-divorzju. Dan jgħarraq l-istat tal-pajjiż, dan jirvina l-pajjiż għax joħloq fih ħafna u ħafna problemi.
Niġi għal punt ieħor li rrid insemmi. Jiddispjaċini ngħid li f'pajjiż nisrani hawn ukoll - għax qed nisimgħu ilmenti li ma tantx tista' tipprovahom imma qed isiru reali għax tisma' minn hawn u minn hemm - il-kwestjoni tal-abort. Hawn Malta qed nisimgħu li hawn ċertu nies irresponsabbli biżżejjed u anke ċertu tobba illi qegħdin jagħmlu l-abort. Din hija ħaġa li ta' min wieħed verament jikkundannaha. Veru li ma tistax tiġi pprovata għaliex min hu involut għandu l-interess li ma jikxifx lil dawk u ma jinkixifx huwa stess. Però allaħares ma tinħoloqx kuxjenza nazzjonali dwar din il-marda kbira. Għaliex wieħed ikollu tlieta, erbat itfal u allura ma jkunx irid tfal iżjed, dan jagħmel abort. Allaħares naslu li niġu f'din is-sitwazzjoni. Nafu li ġraw xi każijiet, però ma jistgħux jiġu pprovati. Imma jiena nappella li kemm it-tobba u kemm in-nisa Maltin u kemm l-irġiel tagħhom jew ma' dak li jkunu qegħdin, biex ma jaslux għal dan l-att kriminali. Anzi għandha titqanqal kuxjenza nazzjonali kontra dan l-iskandlu li qed isir.
L-aħħar ħaġa li rrid ngħid, Mr Speaker, li jekk hawn bżonn ta' unions f'pajjiżna - mhux ta' General Workers' Union, mhux ta' ċertu klassi tal-ħaddiema, bħal UĦM - proprju hawn bżonn ta' union għall-familja Maltija. Jinħtieġ li din tiġi shielded, jinħtieġ li din tiġi miksija u mgħottija b'ċertu tarka li ma tintlaqatx mill-kurrenti tal-ħajja moderna li għalkemm jgħidu li huma progressivi jistgħu jħassru s-sisien tal-familja Maltija. Jiena nappella mill-ġdid lill-familji Maltin biex ikomplu jingħaqdu bħalma huma magħqudin. Nappella lill-Gvern biex iżomm l-għaqda fil-familja Maltija biex ninsew id-differenzi politiċi ta' bejnietna, ninsew id-differenzi li hawn u b'mod rikonċiljarju, mhux bi ġlied minħabba politika, minħabba festi li għadna ffissati ħafna fuqhom, ngħaqqdu lil pajjiżna f'familja waħda, biex Malta tkun familja waħda sħiħa biex b'hekk il-pajjiż ikun aktar b'saħħtu u aktar kotran għal dak li jkollu bżonn 'il quddiem.
ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 235 TAT-TLETTAX-IL PARLAMENT TAT-TLIETA, 11 TA’ ĠUNJU 2019
KONDOLJANZI
ID-DEPUTY SPEAKER (L-Onor. Claudette Buttigieg): Bħalma hija l-konswetudni, il-Parlament ħareġ ktejjeb b’tifkira tas-Sur Michael Bonnici li kien Membru Parlamentari bejn l-1987 u l-2003. Insejjaħ lill-Ministru Evarist Bartolo biex jagħmel kelmtejn f’din l-okkażjoni.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol): Sinjura President, inħossni onorat li min-naħa tal-Gvern se nkun jien li nsellem lil Michael Bonnici. Michael kien ġentlom kbir, kien persuna ta’ umanità kbira u ta ħafna u ħafna lil pajjiżna, kemm ġol-Parlament kif ukoll ’il barra minnu.
Din hija t-tieni darba li qiegħed insellimlu pubblikament lil Michael għax l-ewwel darba kienet meta kont l-Arkivji ta’ Santu Spirtu u ħabbart li se nagħmlu mużew tal-istorja tal-mediċina. Ċert li Michael kien ikun kuntent ħafna għax kien għamel ħafna xogħol, sa mis-sena 2007, biex jibni l-ispiżerija storika li għandna hemmhekk. Michael ma kienx it-tip li jgħid, “Jien favur li nagħmlu din l-ispiżerija li tmur lura s-sekli” u daqshekk, imma kien imidd idejh għax-xogħol. Fil-fatt, kien għamel l-ixkaffar hu, irranġa l-għamara hu, żebagħ kullimkien hu u għamel tliet snin jaħdem hemmhekk sakemm finalment infetħet din l-ispiżerija, grazzi għalih. Għalhekk, meta nagħmlu l-mużew tal-istorja tal-mediċina rridu nagħuth il-ġieħ li jixraqlu għax-xogħol kbir li għamel hemmhekk. (Onor. Membri: Hear, hear)
Forsi wieħed jista’ jgħid li bejn is-sena 2007 u s-sena 2010 Michael kellu l-Partit tiegħu fil-gvern u allura ried jaqdi dmiru b’dak il-mod. Le, Michael ma kienx dak it-tip. Sa ftit tal-ġimgħat ilu kien għadu qed jagħti sehmu biex ikompli jkabbar din l-ispiżerija f’Santu Spirtu, ir-Rabat. Anzi, infurmat li ħmistax ilu Michael ċempel mill-isptar iddispjaċut għax kellu jagħti diskors fuq ix-xogħol li għamel fuq din l-ispiżerija u ma setax. Infurmat ukoll li huwa mhux biss ta ħafna minn ħinu imma ta wkoll ħafna mill-wirt tiegħu u ta’ missieru. Huwa saħansitra kien idur l-irkantijiet u jixtri affarijiet mingħand l-antikwarji biex kemm jista’ jkun nibnu spiżerija li tkun serja.
Il-ġenerożità ta’ Michael Bonnici hija kbira u ma kenitx tieqaf mal-wirt storiku u mal-wirt kulturali. B’mod eżemplari Michael kien jgħin biex il-wirt tagħna bħala poplu jinxtered aktar u aktar. Pereżempju xi ħaġa interessanti hija li Michael kien ippropona li l-Każin Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żebbuġ jissemma għal Mikiel Anton Vassalli. Għalija din hija xi ħaġa sabiħa ħafna u sinifikanti għaliex aħna l-politiċi għandna ħabta ninfirdu mhux biss fuq il-preżent imma anke fuq il-passat u speċi ngħidu, “Nerik Mizzi tagħhom, Manwel Dimech tagħna”. Imma Mikiel Anton Vassalli ta’ min hu?! Jien għalija dawn huma kollha tagħna; dawn huma kollha mill-familja Maltija u Michael Bonnici, anke fil-livell ta’ raħal, kien jgħin biex jibni din il-kuxjenza storika.
Xi ħaġa interessanti li sirt naf biha dan l-aħħar hija li Michael, anke fl-aħħar ġimgħat tiegħu, kien qiegħed jieħu sehem f’riċerka li qed issir minn ħabib tiegħi dwar l-użu tat-Thalidomide. It-Thalidomide hija mediċina terribbli li kienet tingħata fis-snin sittin u li konsegwenza tagħha twieldu persuni b’diżabilitajiet severi ħafna, inkluż f’pajjiżna. Jiġifieri Michael kien qiegħed jagħmel studju flimkien ma’ ħabib tiegħi fuq l-importazzjoni ta’ din il-mediċina u l-effett li ħalliet fuq persuni li wħud minnhom għadhom jgħixu fostna.
Għalija l-aħħar eżempju kbir ta’ Michael huwa li meta konna se nieħdu lit-tfal fiċ-ċimiterju ta’ Ħaż-Żebbuġ biex insellmu lil Dun Karm f’Jum Dun Karm, f’nofs il-ġimgħa kmieni filgħodu kont iltqajt ma’ Michael u qalli li kien mar inaddaf il-qabar u jagħmel il-fjuri ħalli xħin imorru t-tfal isibu l-qabar ta’ Dun Karm nadif u kif wieħed jistenna. Michael kien dak it-tip.
Għalija l-valuri kbar ta’ Michael ħarġu wkoll meta kien miet Karmenu Bugeja, Żebbuġi prominenti ieħor. Karmenu u Michael żgur li ma kinux jappartjenu għall-istess partit politiku imma meta miet Karmenu, Michael, minn jeddu, organizza l-baned kollha ta’ Ħaż-Żebbuġ biex jakkumpanjaw lil Karmenu mill-knisja saċ-ċimiterju. U jien naħseb li jekk wieħed jaqra l-obitwarju li kiteb Michael lil Karmenu jara li dak l-istess obitwarju nistgħu niktbuh lil Michael; kien sejjaħlu persuna tal-familja, filantropu, bniedem qalbu tajba, bniedem li ma kienx jagħmel partiġjaniżmu politiku, bniedem li ħabb ħafna l-familja u bniedem li kien jgħin bl-akbar onestà lil kull min jista’. Dak li ntqal f’dak l-obitwarju nistgħu ngħiduh għal Michael ukoll.
Jien naħseb li għandna xorti li pajjiżna kellu politiċi bħal Michael. Għandna ħafna u ħafna x’nitgħallmu minnu għax la kien jaf x’inhi mibegħda u lanqas ma kien jaf jitkellem b’xi sens vendikattiv. Preżenti qed nara lil uliedu u lill-mara ta’ Michael; naħseb li għandhom ikunu kburin bih. Naħseb ukoll li bħala pajjiż tajjeb infakkru persuni bħal Michael għax għandna ħafna u ħafna x’nitgħallmu minnu. (Onor. Membri: Hear, hear)
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGUIS: Michael Bonnici: iż-Żebbuġi, l-ispiżjar, Michael il-politiku, Michael id-Deputy Speaker u Michael il-ħabib tan-nies. Nixtieq insellem lill-mara tiegħu Beatrice, li qiegħda hawn fostna llum, lil uliedu Elaine u żewġha Tonio, Bertrand u martu Amanda, Raphael Louis kif ukoll lin-neputijiet. Nirringrazzjahom talli ġew hawnhekk u talli lill-Partit Nazzjonalista u lil dan il-pajjiż sellfulu lil Michael.
F’dawn l-erbat ijiem inkitbu ħafna affarijiet sbieħ dwar Michael f’diversi ġurnali. Pereżempju Noel D’Anatas kiteb li Michael Bonnici kien ħabrieki, persuna ta’ qalb tajba u li dejjem kien lest li jgħin. Issemmiet ukoll il-ħidma volontarja tiegħu għat-twaqqif ta’ mużew tal-istorja farmaċewtika fl-Arkivju Nazzjonali li għadu kif tkellem dwaru l-Ministru Evarist Bartolo. Sibt ukoll artiklu li kiteb il-kollega l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, li kien fil-Parlament ma’ Michael għal ċertu żmien. L-Onor. Mifsud Bonnici qal hekk dwaru:
“L-eletturi kien jafhom personalment, wieħed wieħed, b’isimhom u x’kienu jridu jew x’kienu l-kwalitajiet tagħhom. Kien maħbub sew u qatt ma smajt lil xi ħadd jgħid kontra tiegħu b’xi mod. Kien qalbu f’idu.”
L-Onor. Mifsud Bonnici kompli jgħid hekk:
“Anke jekk ma ġiex dejjem trattat tajjeb kellu wkoll rispett u mħabba għall-Partit Nazzjonalista u għal Eddie Fenech Adami, il-kap tiegħu. Għalih il-kap kien ħabib rispettat li lest li jisimgħu, il-bniedem li jappella lejh għar-rimedju effettiv meta kien jara lil ħutu fil-grupp jaġixxu kontra dak li kien qiegħed jara li hu tajjeb.”
Qalilna wkoll hekk l-Onor. Mifsud Bonnici:
“Mort għandu wkoll numru ta’ drabi u niftakar li kellu b’mod partikolari presepju mill-isbaħ għal qalbu bil-pasturi tax-xema’. Niftakru jurini l-figuri varji li kellu. Kull wieħed kien sabiħ u ma stajtx ma nammirax l-ispjega tiegħu għal kull wieħed minnhom. Kien verament bniedem kalm, seren, ferħan u li ma jagħmel ħsara lil ħadd.”
Xi ħaġa oħra interessanti li jien ma kontx naf biha imma li kiteb dwarha s-Sur Noel Grima fil-ġurnal The Malta Independent hija li Michael kien qajjem każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ fil-Parlament; Dr Emmy Bezzina kien l-avukat tas-Sur John Zammit u kienu saru laqgħa wara oħra wara oħra, tant li eventwalment intalab li l-kumitat jieqaf bil-każ u meta Michael Bonnici qalilhom, “U l-apoloġija lejja fejn hi?”, kulħadd telaq ’l hemm u ma tawhx apoloġija. Noel Grima però jgħidilna hekk:
“But now, after all these years and at least on my part, I feel an apology to Mr Bonnici is owed.”
Forsi dawn li kkwotajt huma nies fil-politika imma interessanti li persuna bħal Diane Smith kitbet fil-ġurnal The Times of Malta u qalet li Michael kien jintegra nies barranin fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-istess għamel Manwel Cutajar, minn Ħaż-Żebbuġ, li wera l-apprezzament tiegħu u qal li kien hemm mument fejn Michael anke onorifikazzjoni ma kienx aċċetta. Dan juri kemm kien bniedem ta’ prinċipju. Manwel Cutajar kiteb ukoll hekk:
“Fl-idea tiegħi, Michael kien maħbub, apprezzat u rispettat minn ħafna.”
Ma nistax ma nsemmix ukoll l-omelija li għamel Fr Gordon Refalo, li wħud minna attendejna għaliha. Fr Refalo qal li Michael ma kienx biss politiku imma kien ukoll bniedem ta’ prinċipju, kien Nisrani, u kien ċittadin tajjeb li għaraf x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tiegħu għax minkejja li kellu ħafna impenji, qatt ma ttraskura lill-familja. Din hi xi ħaġa oħra li aħna l-politiċi għandna nitgħallmu minn Micheal. Fr Refalo qalilna wkoll li Michael kellu sens ċiviku qawwi li mbottah biex jaħdem f’diversi għaqdiet soċjali, tal-istorja, tal-arti, tal-kultura u favur l-ambjent.
Persuna oħra li hija magħrufa sew f’Ħaż-Żebbuġ huwa Nazju Abela, li wkoll jaħdem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Huwa fakkarna f’dak li għamel Michael għal dak li għandu x’jaqsam mal-proġett tal-mafkar ta’ Dun Karm Psaila, li żejjen il-pjazza wiesgħa li hemm fi Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ. Michael kien il-protagonista ewlieni f’dan il-proġett u organizza l-ġbir, ħa ħsieb il-permessi, ħa ħsieb l-organizzazzjoni taċ-ċerimonja u ħa ħsieb diversi affarijiet oħrajn. Barra minn hekk, flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa, Michael kien ħa ħsieb ukoll ir-restawr tal-kappella grazzjuża u antika ta’ Santu Rokku fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żebbuġ, u tant u tant affarijiet oħrajn.
Nixtieq ukoll insellem lil Michael Bonnici għaliex hu kien il-moħħ wara l-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żebbuġ. Minbarra l-ħidma parlamentari fid-distrett, huwa għen ħafna u kien minn ta’ quddiem biex inxtara l-każin Nazzjonalista fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Nagħlaq billi ngħid li fuq il-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żebbuġ dakinhar tal-funeral ta’ Michael rajna miktub il-kliem: Grazzi Michael. Naħseb li grazzi lil Michael mhux biss jgħidhielu l-Partit Nazzjonalista imma jgħiduhielu wkoll iż-Żebbuġin, jgħidhielu dan il-Parlament u tgħidhielu Malta. Grazzi Michael! (Onor. Membri: Hear, hear)
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Nistaqsi jekk hawnx permess biex l-Onor. Godfrey Farrugia jagħmel diskors qasir ukoll. L-Onor. Byron Camilleri.
ONOR. BYRON CAMILLERI: Sinjura President, għal din l-okkażjoni qiegħed jingħata l-permess.
ID-DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Robert Cutajar.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: F’dawn iċ-ċirkostanzi m’għandniex problemi.
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Godfrey Farrugia, fil-qosor kemm jista’ jkun.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Grazzi kollegi. Grazzi Sinjura President. L-ewwel darba li ltqajt ma’ Michael kien meta kont għadni tfajjel u qbadt ir-rota u mort nixtri mingħand Dante, li kien missieru u li kellu l-ispiżerija De Rohan. Michael, niftakar, kien fuq wara tal-ispiżerija jistudja. Mur għidli dakinhar li aktar tard dik il-mejda kont se nokkupaha jien bħala tabib meta l-ispiżerija De Rohan kienet immexxija minn Michael! Qattajt 15-il sena hemmhekk u għadni niftakar lil Michael, li dak iż-żmien kien Deputat, jisma’ r-rajdu u meta ma jkollix nies, għax kont għadni nibda, jħallihuli fejni biex jekk jinqala’ xi ħaġa l-Parlament jitlaq mill-ewwel. Dak iż-żmien ma kienx hawn mezzi oħra kif tkun taf x’inhu għaddej.
Lil Michael nafu wkoll iqassam il-gazzetta Belt Rohan wara l-bieb tal-knisja meta kien fil-Kumitat Ċiviku, li kien membru tiegħu u kien anke jmexxih. Ħaż-Żebbuġ kien għal qalbu u kien għal qalbu minn dejjem. Mhux talli hekk, talli l-ewwel ġawhra ċkejkna li Din l-Art Ħelwa kienet ħadet f’idejha kienet proprju l-Kappella ta’ Santu Rokku u kien anke bis-saħħa ta’ Michael Bonnici li din ġiet restawrata. L-istess ġara fil-każ tal-monument ta’ Antonio Sciortino, ta’ Dun Karm Psaila u oħrajn.
Il-qalb kbira li kellu lejn Ħaż-Żebbuġ u l-poplu Żebbuġi lil Michael tiddistingwih. Huwa serva lill-poplu Żebbuġi mhux biss fil-politika imma anke fil-professjoni tiegħu. Lili għallimni immens. Jien ħarist lejh bħala role model biex lili jsawwarni kemm bħala żagħżugħ imma wkoll bħala persuna fil-ħajja pubblika.
B’diqa nsellem lil Michael u lill-familja tiegħu, li nafhom sew. Naf li Michael se jibqa’ mfakkar f’Ħaż-Żebbuġ għall-ferħ u l-patrijottiżmu li ġab fir-raħal tagħna. (Onor. Membri: Hear, hear)
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra filwaqt li ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Michael Bonnici. Fuq livell personali nista’ ngħid li lili għamilli kuraġġ kbir meta ngħatajt dan l-inkarigu li għandi lum u qalli wkoll żewġ stejjer sbieħ li ngħożżhom f’qalbi. Nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha.
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |
Deputy Speaker - 15.06.1995 |
Dissolution of Parliament: 23.09.1996 |
Elected on: | 26.10.1996 |
Oath of Allegiance: | 05.12.1996 |
Dissolution of Parliament: | 03.08.1998 |
Elected on: | 05.09.1998 |
Oath of Allegiance: | 24.10.1998 |
- 03.03.2003 |