Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Frederick Azzopardi

Frederick Azzopardi  

Commemoration Booklet


TIFKIRA TA’ FREDERICK AZZOPARDI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI

PARLAMENT TA’ MALTA

 


15 TA’ SETTEMRU 1949  - 17 TA’ OTTUBRU 2020

 

Membru Tal-Kamra tad-Deputati bejn

It-8 ta’ Settembru 1998 u s-17 ta’ Ottubru 2020

 

Frederick Azzopardi

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ FREDERICK AZZOPARDI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 41 TAS-17 TA’ DIĊEMBRU 1998


ID-DISA’ LEĠIŻLATURA


KUMITAT TA' PROVVISTA ESTIMI ĠENERALI 1999

IT-TNAX-IL JUM STABBILIT

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX


ONOR. FREDERICK AZZOPARDI: Sur President, meta l-poplu ssejjaħ biex jagħti l-vot tiegħu sentejn wara l-elezzjoni tal-1996 il-Partit Laburista deher li kien fiduċjuż li r-rebħa kienet se tkun tiegħu għax mingħalih li kien ħoloq il-ġid meta fil-fatt dan ma kien minnu xejn, anzi wettaq il-kontra ta' dak li wiegħed billi minbarra li ħoloq 33 taxxa inġusta, għolla saħansitra s-servizzi tad-dawl u l-ilma. Għalhekk fl-aħħar elezzjoni l-poplu ma fdax fil-Partit Laburista għax meta induna li kien ġie ngannat bl-istil modern u trasparenti tat-tmexxija u dan l-istil ma tahx is-sodisfazzjon li kien qed jistenna, dlonk biddel il-fehma tiegħu bil-kbir. Il-poplu jrid fatti u mhux paroli, il-poplu jistenna li jiżra' għelieqi għammiela biex fi żmien il-frott isib x'jaħsad u mhux jibqa' b'idejh vojta. 80 ġurnata wara r-rebħa l-Gvern Nazzjonalista ppreżenta budget meqjus imsejjes fuq is-serjetà u d-direzzjoni, liema budget se jqajjem lil pajjiżna mid-dipressjoni akuta li waqa' fiha billi juri t-triq li biha l-poplu Malti u Għawdxi jkun jista' jaħdem u joħloq il-ġid filwaqt li jsib id-direzzjoni t-tajba biex il-pajjiż jidħol fil-millennju l-ġdid bl-ottimiżmu li għada se jisbaħ aħjar u li se jkun jista' jaħsad il-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu.

Wara t-tmexxija tal-Gvern Laburista, minkejja li daħħal daqstant taxxi inġusti u piżijiet oħra li jammontaw għal Lm70 miljun fis-sena, il-finanzi tal-gvern mhux talli ma tjebux imma talli marru għall-agħar tant li l-iżbilanċ strutturali ta' din is-sena minflok Lm105 miljun kien se jkun ta' Lm163 miljun. Naturalment dan kollu seħħ minħabba li l-gvern preċedenti, minflok ma ħaddem miżuri li jnisslu fiduċja u juru direzzjoni, staġna l-ekonomija li ssarrfet f'nuqqas ta' investiment, f'telf ta' impjiegi u f'inqas dħul għall-gvern. Quddiem dan kollu l-Gvern Nazzjonalista qed jagħti dehra realistika tal-qagħda mwiegħra li l-pajjiż għandu quddiemu, imma qed jagħmel dan mingħajr mhu qed jagħti l-ebda skossi lill-ekonomija, mingħajr mhu qed jieħu miżuri drastiċi li jaqtgħu nifs il-poplu, mingħajr mhu qed idaħħal taxxi żejda u mingħajr mhu qed jitlef il-kuxjenza soċjali, anzi qiegħed inaqqas il-piż tal-madmad kiefer li nissel il-Gvern Laburista fuq spallejn kull wieħed u waħda minna.

Sur President, bħala Għawdxi, l-ewwel ħaġa li tiġini f'moħħi għar-rigward tal-miżuri li jissemmew f'dan il-budget hemm proprjament in-noll tal-vapur. Kif jaf kulħadd, in-noll għall-karozzi tar-residenti Għawdxin se jsir Lm2 minflok Lm3, jiġifieri roħs ta' iktar minn 33%, u n-noll tal-passiġġieri Għawdxin se jsir 30c minflok 50c, jiġifieri roħs ta' 40%. Bla ebda dubju, din il-miżura se tfejjaq ġerħa minn qalb kull Għawdxi għax kulħadd jaf x'effett kienet ħalliet iż-żieda esaġerata u bla bżonn fuq il-ħajja Għawdxija. Aħna l-Għawdxin m'għandniex triq oħra minn fejn ngħaddu u rridu jew ma rridux, kemm jekk in-noll ikun għoli kif ukoll jekk ikun irħis, illum jew għada rridu nagħmlu użu mis-servizz tal-vapur, kemm għal raġunijiet ta' studju, kemm għal raġunijiet ta' xogħol kif ukoll għal diversi raġunijiet oħra u għalhekk iż-żieda li kienet ġiet imposta fuq in-nollijiet tal-vapur kienet laqtitna fil-laħam il-ħaj. Ta' min jgħid li din il-miżura, li kienet ittieħdet bla ebda sens t'għaqal, tellfet ħafna qligħ lin-negozjanti li jiddependu mit-turiżmu, fosthom lin-negozjanti tar-ristoranti, tal-lukandi, tal-ħwienet tas-souvenirs u ta' ħafna negozji oħra, u dan juri ċar daqs il-kristall li l-Gvern Laburista qatt ma għożż l-interessi veri Għawdxin.

Għal dan il-għan u bħala twettiq ta' wegħda oħra fil-programm elettorali, Gvern Nazzjonalista raħħas in-noll tal-vapur u biex iktar naħsdu għall-futur, raħħas ukoll in-noll għat-turisti, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin, wara t-8.00 p.m. f'ċerti xhur tas-sena. Dan se jgħin qatigħ biex titkattar l-attività ekonomika f'Għawdex u huwa inċentiv f'waqtu li ta' min jimitah fi sferi oħra tal-ekonomija. Ħafna negozji b'konnessjonijiet diretti mat-turiżmu se jiggwadanjaw minn din il-miżura, iktar u iktar meta huwa maħsub li issa d-day trippers, li s'issa qed jinġabu Għawdex bħal ħarba, se jibdew itawlu l-mawra tagħhom fostna. Ma nkun qed ngħid xejn ġdid jekk intenni li l-ikbar attività ekonomika f'Għawdex hija l-industrija turistika. It-turiżmu f'Għawdex jiġġenera l-ikbar ammont ta' flus, jinvolvi l-ikbar operat ta' riżorsi umani u għalhekk jeħtieġ li jsir ħafna studju u li tingħata ħafna attenzjoni biex dan jirnexxielna nsostnuh fis-snin li ġejjin, u naturalment din se tkun biċċa xogħol iebsa. Hawn wieħed irid iqis li hawn diversi gżejjer oħra qrib tagħna li qed jissieltu biex jiġbdu lejhom kull loqma li joħloq dan ir-riżors.

S'issa Għawdex kien jintgħażel mit-turist għall-karatteristiċi partikolari tiegħu, fosthom għax-xemx u l-baħar, għall-kwiet u l-mistrieħ għad-diving kif ukoll għall-kultura u l-wirt arkeoloġiku għani li jħaddan. Sal-lum dan kollu qed jiġi ppreżentat lid-day tripper li jinġieb Għawdex għal ftit sigħat, bħal leħħa ta' berqa, qisu f'Malta hemm xi ħaġa li se taħrab u li mhijiex se tistennieh, bil-konsegwenza li ħafna drabi t-turist barrani meta jmur lura lejn pajjiżu mhu qed jibqa' jiftakar xejn mill-gżira tat-tliet għoljiet, għajr forsi xi tifkira ċkejkna. Hawnhekk nixtieq nagħmilha ċara li jien m'għandi xejn kontra dan it-tip ta' turiżmu imma min-naħa l-oħra m'għandniex nagħmlu l-iżball li nkejlu s-suċċess tat-turiżmu f'Għawdex fuq id-day trippers u rridu nagħmlu l-almu kollu tagħna sabiex in-numru ta' turisti li jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom ikompli jikber għax id-day-tripper mhuwiex dak it-turist li l-Għawdxi joħlom li jsib wara l-bieb tal-lukanda jew tal-ħanut tiegħu. Għawdex għandu bżonn turiżmu li jrendi s-sena kollha, turiżmu li juża r-riżorsi kollha disponibbli li għandha din il-gżira, mil-lukandi sal-bajjiet, mill-mużewijiet sal-pajsaġġi u mill-arkeoloġija sal-iċken element naturali.

Bla dubju ta' xejn, il-miżura li ttieħdet f'dan il-budget, li n-noll tal-vapur għall-Maltin u għall-barranin ikun orħos wara t-8.00 p.m. f'ċerti xhur tas-sena, se sservi ta' għajnuna biex it-turisti jinġiebu Għawdex f'ħinijiet differenti tal-ġurnata u fl-opinjoni tiegħi mhijiex xi ħaġa daqstant diffiċli li jingħata permess biex il-mużewijiet, il-postijiet storiċi u ċerti ħwienet li huma konnessi direttament ma' din l-industrija jibqgħu miftuħin sa tard bil-lejl. Il-konċett ta' Gozo-by-night għandu jkun reklamat bis-sħiħ ħalli t-turisti jittieħdu f'postijiet bħaċ-Ċittadella u l-Ġgantija u bl-użu ta' sistema ta' dwal speċjali t-turist ikun jista' jingħata l-opportunità li jġarrab esperjenza unika ta' era partikolari. Fil-ħinijiet ta' bil-lejl din il-gżira tat-tliet għoljiet tista' toffri wkoll serati folkloristiċi b'ikel tipiku Malti, żfin, wirjiet ta' artiġjanat, serati mużiko-letterarji u spettakli li ftit jistgħu jitgawdew bi nhar u b'hekk Għawdex ikun qed jingħata iktar ħajja wara nżul ix-xemx.

Sur President, minbarra din il-miżura mmirata direttament lejn l-Għawdxin, tħabbru ħafna iktar miżuri ta' fejda fil-budget li ppreżenta l-Gvern Nazzjonalista. Pereżempju, iż-żieda ta' Lm1.75 għall-għoli tal-ħajja, il-bonus ta' Lm13 li se jingħata f'Marzu għal darba waħda biss u ż-żieda ta' Lm234 li se jingħataw il-ħaddiema tal-gvern permezz ta' ftehim kollettiv, huma kollha miżuri li se jħallu effett pożittiv immedjat fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu u li se jagħtu nifs ġdid verament. Hawn wieħed ma jridx jinsa jsemmi wkoll li l-gvern preżenti, permezz ta' dan il-budget, raħħas il-prezz tal-pitrolju b'5c, għolla s-ceiling ta' ġenitur wieħed għal Lm4,000, reġa' daħħal l-overtime lill-pulizija u raħħas ukoll it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Kif qed naraw, dan il-budget li ppreżenta l-Gvern Nazzjonalista huwa wieħed serju u ħanin u l-għan tiegħu huwa li jerfa' u jgħin liż-żgħir. Biżżejjed ngħid li dan il-budget qed jaħseb għal tisħiħ fis-sistema tal-pensjonijiet, neħħa t-taxxa li kienet ġiet imposta mill-Gvern Laburista fuq id-drenaġġ, żied l-istipendju tal-istudenti u ta wkoll għajnuniet oħra lil dawk il-familji li għandhom ħamest itfal jew iktar. F'dan il-budget tħabbru wkoll għadd ta' proġetti kapitali oħra u fil-fatt huwa maħsub li dawk il-proġetti li kienu tniedu mill-amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel u li baqa' ma sar xejn fuqhom din is-sena se jingħataw spinta 'l quddiem għax mhux biss huwa maħsub li dawn il-proġetti se jkattru x-xogħol imma se jgħollu wkoll il-livell tal-ħajja tagħna.

Sur President, dan kollu hu żerriegħa għall-futur, tkattir ta' ġid u sens ta' direzzjoni fit-triq it-tajba biex imbagħad meta jkun il-waqt ikollna ħsad tajjeb. Dan il-budget se jagħmel tajjeb għall-iżbalji li twettqu b'kapriċċ u forsi l-ikbar żball li twettaq kien meta ġiet introdotta s-sistema ta' tassazzjoni indiretta tas-CET li sal-lum għadu ħadd ma jaf kif taħdem eżatt. Illum jien m'iniex beħsiebni noqgħod nirripeti l-vantaġġi li l-VAT għandha fuq is-CET għax dawn kollha ħarġu ċari waqt id-dibattiti li kellna matul din il-ġimgħa. Dan il-budget qed iħares fit-tul u fil-fatt huwa bidu ta' programm li se jieħu sas-sena 2004 għax il-gvern, b'impenn serju, ħejja pjan ta' ħames snin biex fl-aħħar id-dħul tal-gvern ikun ikbar mill-ħruġ. Ta' min jgħid ukoll li minn issa stess se tibda ssir ristrutturazzjoni tal-ekonomija u tal-finanzi pubbliċi biex jonqos l-iżbilanċ finanzjarju, ħalli fl-aħħar il-pajjiż jibda joħroġ mill-istaġnar distruttiv. Għal dan il-għan il-gvern qed jipproponi ċerti miżuri biex jiżdied id-dħul tiegħu.

Barra minn hekk, minħabba li sa 20 sena oħra se jkun hawn żewġ ħaddiema għal kull pensjonant, hemm bżonn naħsbu bis-serjetà biex inżidu d-dħul fil-qasam tas-servizzi soċjali. Fil-fatt f'dan il-budget tħabbar li l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali se tiżdied minn issa stess għal 9% u mbagħad mill-1 ta' Jannar tas-sena 2000 se terġa' tiżdied għal 10%. Huwa maħsub ukoll li d-dipartimenti tat-taxxi jibdew jiġu mgħammra tajjeb biex tingħeleb il-kultura tal-evażjoni filwaqt li jsir iktar infurzar f'dak li hu ġbir ta' taxxi u fil-fatt inħolqot task force apposta biex tara li l-flus li jkunu ġew minfuqa mill-ministeru jintnefqu tajjeb u li wara kollox jingħata value for money. Dan kollu se jissokta fis-snin li ġejjin. Sur President, il-futur mhuwiex ikrah imma fl-istess ħin lanqas huwa faċli. Pajjiżna huwa tagħna lkoll u għalhekk wasal iż-żmien li kulħadd jagħraf id-dover tiegħu li jerfa' skont kemm jiflaħ. Hemm bżonn nifhmu li d-dħul tal-gvern għandu jissaħħaħ biex anke jkun jista' jitwieżen dak li huwa fil-bżonn ħalli hu wkoll ikollu l-opportunità li jimxi 'l quddiem. Il-ħsieb ta' dan il-gvern huwa li joħloq dak ix-xogħol li jnissel il-ġid u li jżid ir-riżorsi ta' pajjiżna. Hu maħsub li l-qgħad se jinżel għal 4% biss. Issa nixtieq ngħid xi ħaġa dwar l-impjiegi f'Għawdex.

Sur President, kif jaf kulħadd il-miżura li tkejjel is-suċċess jew il-falliment tal-politika tal-gvern hija proprjament il-qagħda tal-impjiegi u aħna nafu x'suċċess kien kiseb il-Gvern Nazzjonalista tul iż-żewġ leġiżlaturi tiegħu ta' bejn l-1987 u l-1996 fil-ħolqien tal-impjiegi, fejn kull min ried jaħdem sab xogħol u, filwaqt li qabel il-ħaddiem kien jitkarrab għax-xogħol, dak iż-żmien ix-xogħol kien beda jiġri wara l-ħaddiem. Matul dawk id-disa' snin il-Gvern Nazzjonalista, bil-politika tiegħu rnexxielu joħroġ lill-gżira Għawdxija mill-periferija li kien fiha u ressqu lejn iċ-ċentru u b'hekk ħareġ il-potenzjal tiegħu billi ħajjar dak l-investiment li tant kien nieqes f'Għawdex, liema investiment ħoloq mhux inqas minn 3,500 post ta' xogħol. Madanakollu jiddispjaċini ngħid li ma nistgħux ngħidu l-istess għas-sentejn li għamel imexxi pajjiżna l-Gvern Laburista, bil-konsegwenza li llum is-sitwazzjoni tal-impjiegi hi ferm differenti.

Sur President, nagħlaq id-diskors tiegħi billi ngħid li dan il-budget juri kemm il-Gvern Nazzjonalista għandu viżjoni reali u jħaddan sens ta' direzzjoni għall-pajjiż. Il-poplu, li sentejn ilu pprova lill-Partit Laburista, malajr intebaħ li t-tpaċpiċ fil-vojt u l-wegħdiet fiergħa ma jwassluna mkien. Il-poplu jrid il-fatti, il-poplu jrid tmexxija li timlieh bil-kuraġġ, il-poplu jrid tmexxija li tħares lejn l-Ewropa u lejn il-ġid kollu li din toffri, il-poplu jrid gvern li jnissillu fiduċja, li jibda jgħinu jemmen fih innifsu, li jurih id-direzzjoni ta' fejn għandu jimxi, li jgħidlu fejn jista' jasal, u fuq kollox il-poplu jrid budget li jkun jixbah lil għalqa għammiela; fejn tiżra' llum biex taħsad għada. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

Condolences (15 Oct 1949 - 17 Oct 2020)

ESTRATTI MIS-SEDUTI PARLAMENTARI TAT-TLETTAX-IL PARLAMENT NRU 373 TAT-TNEJN 19 TA' OTTUBRU 2020 U MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 376 TAL-ERBGĦA, 22 TA’ OTTUBRU 2020

 

TISLIMA LILL-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI

 

ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, filwaqt li nifraħ lill-Onor. Caruana u l-Onor. Dalli, naħseb lil huwa importanti li llum, f’din l-ewwel okkażjoni f’din il-Kamra, insellmu lill-kollega l-Onor. Frederick Azzopardi li ħalliena. (Onor. Membri: Hear, hear) X’kuntrast, Sur President: nilqgħu żewġ kollegi ġodda però tlifna kollega ħabib li kważi sibt diffikultà fil-politika u anke llum f’dan id-diskors biex niddeskrivih. Naħseb li l-posts fuq Facebook minn diversi persuni żgur jiddeskrivuh aħjar milli nista’ niddeskrivih jien hawnhekk. Jien ċert li f’din il-Kamra se nsibu l-okkajżoni u l-mument li nikkomemoraw il-ħidma li wettaq f’din il-Kamra u fil-politika Maltija l-Onor. Frederick Azzopardi. Però, inħoss li hu d-dover tagħna lkoll li f’din l-ewwel seduta minn meta ħalliena, insellmulu. Insellem ukoll hawnhekk lill-familjari tiegħu li ċertament iħossu t-telfa ta’ Frederick. L-aħħar żmien kien żmien diffiċli ħafna għalih. Ħafna minna li qegħdin hawnhekk għexna miegħu ż-żmien li qatta’ fil-Parlament, ħafna minna sifirna miegħu; kif għamilt inti, Sur President, jien, u ħafna mill-kollegi taż-żewġ naħat tal-Kamra. Kien raġel fuq l-irġiel, kien bniedem li tieħu pjaċir tkun miegħu, kien ġentlom ta’ veru u naħseb li din il-Kamra, fil-mument opportun li niddeċiedu lkoll flimkien, se ssellimlu kif jnixraq. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Prim Ministru Robert Abela.

ONOR. ROBERT ABELA: Sur President, jekk ikolli niddeskrivi lil Frederick insib l-istess diffikultà li semma l-Onor. Agius; diffiċli biex issib il-kliem preċiż imma hemm kelma waħda li tikkaratterizzah: ġentlom. Fid-diskursati qosra li kien ikollna ta’ sikwit dejjem kont nammira l-umiltà tiegħu, il-profondità fil-ħsieb. Kien jaf jitkellem fuq temi diversi u kien wieħed minn dawk id-Deputati li dejjem ikun preżenti fil-Parlament. Niftakar episodji ħelwin, daqqa diskussjoni leġġera, daqqa fuq suġġetti partikolari, imma kien bniedem li tista’ titkellem miegħu. Verament li t-telfa tiegħu lanqas hemm kliem biex wieħed jiddeskrivi l-kobor tagħha. Nagħti l-kondoljanzi sinċiera tiegħi lis-Sinjura tiegħu u lit-tfal tiegħu. Niftakar li l-frażi li kienet tagħlaq kull konverżazzjoni ta’ bejnietna kienet dejjem tkun: “Sellili għal missierek”. Dik kienet xi ħaġa li verament kont ngħożżha. Intenni minn hawnhekk il-kondoljanzi sinċiera tiegħi lill-familja kollha tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Jiena ningħaqad mal-Onor. David Agius u mal-Prim Ministru. Jien immur lura fil-memorja mindu daħal fil-Parlament u anke qabel għax niftakar li meta kien jaħdem fil-Ministeru għal Għawdex konna nagħmlu ħafna xogħol flimkien; dak iż-żmien jien kont Superintendent f’Għawdex. Immur lura ħafna! Dejjem kien ġentlom, dejjem nafu bħala persuna li għalih il-familja dejjem tiġi l-ewwel, kien jagħmel kollox għall-familja. Kien bniedem rispettat minn kulħadd u, kif għedt fl-istqarrija li ħriġt, kien persuna li ta eżempju ta’ kif tista’ tiddibatti b’mod li tibqa’ tirrispetta anke lil min ma taqbilx miegħu. Jien bqajt viċin ħafna tiegħu u mal-familjari tiegħu anke f’dawn iż-żmenijiet diffiċli.

Bħalissa diġà qed nippreparaw il-ktejjeb li noħorġu s-soltu f’okkażjonijiet bħal dawn biex infakkru dak li għamel hawnhekk l-Onor. Frederick Azzopardi u fil-ġranet li ġejjin insibu l-okkażjoni biex minn din il-Kamra nkunu nistgħu nagħtu l-kondoljanzi tagħna b’mod aktar ċar. Nirringrazzjakom.

 

ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 376 

 

KONDOLJANZI WARA T-TELFA TAL-MEMBRU PARLAMENTARI FREDERICK AZZOPARDI

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Kif l-Onor. Membri diġà ġew informati, illum il-Kamra qed tiltaqa’ biex jingħataw il-kondoljanzi wara t-telfa tal-mibki Membru Parlamentari l-Onor. Frederick Azzopardi li ħalliena fis-17 ta’ Ottubru.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, mill-biljuni ta’ ċittadini li jeżistu fid-dinja ftit huma dawk illi jkollhom l-unur li jservu lil pajjiżhom bħala rappreżentanti fil-Kamra tad-Deputati ta’ pajjiżhom. Terġa’ huma aktar ftit dawk il-Membri Parlamentari - fil-fatt jekk inħares lejn l-Onor. Membri ta’ din il-Kamra nkun nista’ ngħoddhom fuq il-ponot ta’ subgħajja - li mhux biss jirnexxilhom jagħmlu aktar minn 20 sena jirrappreżentaw lill-poplu tagħhom bħala Membri Parlamentari imma jirnexxilhom saħansitra jiġu eletti konsekuttivament għal ħames darbiet wara xulxin.

L-Onor. Frederick Azzopardi huwa wieħed minn dawk il-ftit ċittadini fid-dinja li kellu dan l-unur u rnexxielu jagħmel hekk wara li kien għamel xi ftit xhur iservi fil-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex bħala Viċi Sindku.

Huwa ġie elett għall-ewwel darba f’din il-Kamra - proprjament mhux f’din il-Kamra imma fil-Kamra li kellna ġewwa l-Palazz tal-President ftit metri ’l bogħod minn hawn - fl-1998 u minn dakinhar sal-lum baqa’ jiġi elett f’kull elezzjoni ġenerali, jiġifieri fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1998, tal-2003, tal-2008, tal-2013 u tal-2017. Biex tkun elett għal ħames darbiet wara xulxin, biex isservi lill-poplu għal aktar minn 20 sena u biex tibqa’ tikseb il-fiduċja tal-kostitwenti tiegħek, bilfors li n-nies iridu jkunu jħobbuk, u lil Frederick in-nies - speċjalment l-Għawdxin - kienu jħobbuh, u kienu jħobbuh għax kien iħobbhom lura. Infatti ftit huma dawk l-Għawdxin - mhux li ma kinux jafuh għax lill-Onor. Azzopardi kienu jafuh il-Maltin u l-Għawdxin kollha! - li l-Onor. Frederick Azzopardi ma kienx jafhom personalment. Jien naħseb li ftit biss minna nistgħu ngħidu li nafu lill-kostitwenti tad-distrett tagħna - jekk mhux tal-pajjiż kollu - individwalment, imma l-Onor. Frederick Azzopardi kien jirnexxilu jagħmilha din. Min-naħa tiegħi, dan nista’ ngħidu b’ċertezza għax jien kont nifforma parti mid-delegazzjoni tal-OSCE (Organization for Security and Co-operation in Europe) mal-Onor. Frederick Azzopardi għal numru ta’ snin, u l-Onor. Azzopardi kien l-aktar persuna mill-grupp parlamentari tal-OSCE li kien igawdi rispett. Bħalissa qed nara lill-Ministru Carmelo Abela, li huwa wieħed mill-Ministri li kien ikun magħna. Konna nsiefru spiss flimkien mal-Onor. Frederick Azzopardi, mhux fuq vaganzi imma fuq xogħol biex nirrappreżentaw lil pajjiżna f’dan il-grupp tal-OSCE flimkien miegħu.

Sur President, l-Onor. Frederick Azzopardi kellu kapaċità. Jien naf li issa se jkun hawn anke Membri min-naħa tal-Oppożizzjoni li se jitkellmu, u ninsab ċert li l-kelma “ġentlom” se tissemma f’kull diskors għax l-Onor. Azzopardi kien bniedem ġentlom. Imma aktar minn hekk l-Onor. Frederick Azzopardi kellu kapaċità li ftit politiċi oħra għandhom; dik li mingħajr ma taf iġiegħlek tiftiehem miegħu. Huwa kien magħruf għal din il-kapaċità mhux biss f’Għawdex u Malta f’dan il-Parlament imma anke fil-komunità internazzjonali tal-OSCE. L-ewwel nett ta’ min jgħid li l-Onor. Frederick Azzopardi tant kien ilu tiela’ u nieżel għal dawn il-laqgħat li kien wieħed mill-aktar nies magħrufa fl-Assemblea Parlamentari tal-OSCE. Fil-fatt meta konna mmorru miegħu, in-nies kienu jiġu jkellmu lilu daqslikieku aħna ma neżistux! Kulħadd kien ikellem lill-Onor. Frederick Azzopardi u aħna konna nimxu warajh u nistaqsuh: “Dan min hu?” U Frederick kien jgħidilna min hu.

Niftakar li anke meta kien ikun hemm xi kwestjoni taħraq bjen xi żewġ delegazzjonijiet ta’ pajjiżi differenti, il-Presidenza kienet titlob lill-Onor. Frederick Azzopardi biex jintervjeni u jara kif isolviha. Bħalissa qed niftakar f’żewġ episodji partikolari ta’ dan it-tip. Pereżempju, niftakar - il-Ministru Carmelo Abela kien magħna wkoll - li darba l-membri tad-delegazzjoni tal-Istati Uniti - iva, xejn anqas mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti! - u l-membri tad-delegazzjoni tal-Palestina kienu damu xi jumejn jiddibattu u jilletikaw fuq il-wording ta’ xi paragrafu ta’ riżoluzzjoni. Ma setgħux jiftiehmu u fl-aħħar daħal l-Onor. Frederick Azzopardi bejniethom, marru jieħdu kafè jew xi whiskey u wara xi kwarta li ġew lura rnexxielhom jilħqu ftehim!

Episodju ieħor huwa dak ta’ meta darba kien hemm kwestjoni bejn il-membri tad-delegazzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-membri tad-delegazzjoni tal-Georgia. Dawn kienu dejjem imqabbdin ma’ xulxin u ma setgħu jiftiehmu b’xejn! Biżżejjed ngħid li dawn kienu saħansitra joqogħdu jitgħajru waqt l-Assemblea, sakemm fl-aħħar il-Presidenza talbet lill-Onor. Frederick Azzopardi biex ikellimhom b’mod mhux uffiċjali. Fil-fatt kienu għamlu xi sagħtejn jitkellmu, u mbagħad kien ġie lura b’dik id-daħka tipika tiegħu u qalilna: “Kollox sew; ftiehmu!”

Fil-fatt, Sur President, ta’ min jgħid li l-Onor. Frederick Azzopardi kellu din il-kapaċità anke f’din il-Kamra. F’din il-Kamra l-Onor. Azzopardi għamel perjodu li fih kien Deputy Whip tal-Oppożizzjoni, u għalhekk meta jien bħala Kap tal-Kamra u l-Whips li kellna minn din in-naħa konna nkunu qed nipprovaw niftiehmu mal-Whips li kellha l-Oppożizzjoni fuq xi ħaġa taħraq u nibqgħu ma nistgħux naqblu - l-Onor. David Agius ukoll kien Whip fuq in-naħa tal-Partit Nazzjonalista, u mal-Onor. David Agius ma tantx naqbel meta jkun hemm xi ħaġa taħraq! - kont ngħidilhom: “Ħalli nipprovaw inkellmu lil Frederick għax ma’ dak naslu!” Konna mmorru għandu, hu kien jilqagħna b’dik it-tbissima - fil-fatt ir-ritratt li hawn fil-ktejjeb qabad lil Frederick eżatt; seren b’dik it-tbissima fuq wiċċu u b’rasu naqra baxxa! - u meta konna noħorġu mill-uffiċċju lil sħabna konna ngħidulhom li ftehemna. Meta mbagħad sħabna kienu jistaqsuna xi ftehemna, wara li naħsbuha ftit konna ngħidulhom li proprjament mhux ftehemna imma ċedejnielu għax dan hekk kien; mingħalina li almenu miegħu konna se naslu u hu, b’dik id-daħka u l-manjieri ġentili tiegħu, kien jirnexxilu jieħu dak li ħaddieħor ma kienx jirnexxilu jieħu!

Fil-fatt dan kien is-sigriet tas-suċċess tal-Onor. Frederick Azzopardi; li għalkemm ma taqbilx miegħu politikament, inti dejjem tmur tajjeb u tieħu pjaċir miegħu. Jien qattajt ħafna ħin miegħu, u nista’ ngħid li kien an easy-going person. Ħaġa waħda kellu Frederick li ma kontx tista’ tmerih fuqha; meta konna mmorru Vjenna - u aħna konna mmorru ħafna Vjenna għax is-Sede tal-OSCE hemm qiegħda - bilfors kien ikollna mmorru nieklu fir-ristorant L’Asino che Ride! Min kien jiġi magħna żgur li jiftakru dan ir-ristorant li jinsab fil-qalba ta’ Vjenna. Naħseb li anke inti tiftakru, Sur President, għax ġieli kont hemmhekk ukoll. Jien naħseb li mhux “L’Asino“ kien jogħġbu lil Frederick imma “che ride“! Li naf hu li dan ir-ristorant kien jagħmel pizza li ġġennek!

Fil-fatt jien għadni sal-lum meta mmur Vjenna, anke jekk immur vaganza, hemmhekk immur niekol; fir-ristorant L’Asino Che Ride, u meta nkun hemm dejjem niftakar fi Frederick. Mill-bqija huwa kien tip ta’ persuna li fejn tgħidlu jiġi.

Sur President, meta nħares lejn il-bieb ta’ din il-Kamra għadni nistħajjel li se nara lil Frederick dieħel hawn ġew u jkolli nistqarr li nħoss ċerta diqa meta nirrealizza li fil-fatt m’aħniex se narawh iżjed. Però daqskemm inħoss diqa, qed iħossu miljun darba aktar diqa minni l-familjari tiegħu, l-aktar Carmen u t-tfal tiegħu Luke, Maureen u Lara. Għalhekk f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem ir-residenti u ċ-ċittadini Għawdxin u Maltin, f’isem il-Gvern u jien ċert li f’isem il-Parlament kollu, nixtieq nestendi l-kondoljanzi tiegħi u tagħna lkoll lill-familja, lill-qraba u lill-ħbieb tal-Onor. Frederick Azzopardi. Għalkemm l-Onor. Frederick Azzopardi mhux se jerġa’ jidħol minn dak il-bieb, jien persważ li qed iħares lejna mis-sema u forsi nagħmlu sew jekk meta jkollna xi battibekk jaħraq bejnietna niftakru li hu jkun qed iħares lejna b’dik id-daħka u jgħidilna: “U ejja; ftiehmu u rranġaw!” Insellmu l-memorja tal-Onor. Frederick Azzopardi. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, l-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għall-intervent tiegħu. Ikolli nammetti li lill-Onor. Frederick Azzopardi jien ma nafux. Għadni dieħel fil-politika, għadni dieħel fil-Partit Nazzjonalista u relazzjoni personali u intima mal-Onor. Azzopardi, kif għandhom ħafna mill-kollegi tiegħi u kif għadu kemm semma d-Deputat Prim Ministru l-Onor. Chris Fearne, jien m’għandix. Allura forsi tgħidli, Sur President: “Mela x’qomt titkellem tagħmel?!”

Tista’ tkun taf bniedem personalment u tista’ tipprova ssir taf bniedem minn għemilu, minn dak li taqra dwaru, minn dak li tisma’ dwaru u minn dak li jirrakkontawlek dwaru. Però naħseb li l-isbaħ mod kif tista’ ssir taf persuna huwa billi tħares lejn il-familja tiegħu. Jien lanqas lill-familja tiegħu ma naf. Iltqajt mal-Onor. Frederick Azzopardi madwar xahrejn u nofs jew tliet xhur ilu; fil-bidu tal-kampanja għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tkellimt miegħu fil-qosor għax diġà kien jidher li qed ibati. Tkellimt ftit ukoll ma’ Carmen, li kienet preżenti flimkien miegħu. F’dak il-mument kwiet waqt il-konverżazzjoni qasira li kellna - għax jien fhimt li l-preżenza tiegħi setgħet kienet qed tgħejjieh - hu kien qed jagħmel sforz biex ikompli miegħi, u hemmhekk fhimt kemm hu u Carmen huma persuni kbar.

Meta lbieraħ ħarist lejn uliedu, meta smajt lil ibnu Luke jitkellem fid-diskors li għamel u anke meta smajt l-omelija li għamel il-qassis, fhimt li inti tista’ tkun persuna sempliċi imma tkun persuna kbira, li tista’ tkun persuna kwieta imma tkun persuna li fis-silenzju tiegħek tagħmel ħafna ħoss, u li tista’ tkun persuna umli imma warajk tħalli ħafna ġid. Għalhekk, Onor. Frederick Azzopardi, minkejja li ma nafekx personalment nixtieq insellem lilek, nixtieq insellem lill-memorja tiegħek u iva, nixtieq li nkompli nsir nafek permezz ta’ sħabek li jafuk sew, permezz tal-familja tiegħek li nixtieq insir naf aktar u permezz ta’ dak kollu li nixtieq inkompli naqra u napprezza dwarek ħalli nkun nista’ nitgħallem minnek. M’hemmx isbaħ milli jkollok persuna li inti tkun tista’ tħares lejha u tammiraha, u naħseb li fiċ-ċokon tiegħu l-Onor. Frederick Azzopardi jista’ jkun wieħed minn dawn il-persuni.

Ippermettuli nirrimarka - anke jekk forsi b’xi mod inkun qed nonqos għax jista’ jkun li għadni ma nafx il-proċeduri sew - li waqt li d-Deputat Prim Ministru l-Onor. Chris Fearne kien qed jitkellem dwar l-Onor. Frederick Azzopardi, jien ftakart fil-mibki Onor. Karl Chircop li wkoll ħalliena meta kien għadu Membru ta’ din il-Kamra u kien għadu qed iservi. L-Onor. Karl Chircop kien bniedem sabiħ ukoll, u lili anke hu kien tani togħma tajba ħafna tal-politika.

Għalhekk, Sur President, ejjew nibqgħu napprezzaw lil xulxin u ejjew nibqgħu napprezzaw kemm f’dan il-pajjiż hawn nies ġenwini li jagħtu servizz tassew liċ-ċittadin. Ejjew napprezzaw li fin-nofs ta’ din il-Kamra m’hemmx linja, m’hemmx ħajt, imma din hija Kamra waħda li fiha hemm rappreżentanti denji li jistgħu, jixtiequ u aħna nittamaw li jkomplu jagħtu ġieħ lilhom infushom kif ukoll lill-pajjiż biex aħna ma nkunux biss “Onorevoli” imma nkunu wkoll onorabbli, bħall-Onor. Frederick Azzopardi, billi fil-ħidma tagħna tassew inwettqu dak li għandna nagħmlu għall-ġid taż-żgħir, għall-ġid tal-kbir u għall-ġid tal-pajjiż kollu Malti u Għawdxi. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Adrian Delia.

ONOR. ADRIAN DELIA: Sur President, l-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lid-Deputat Prim Ministru l-Onor. Chris Fearne għad-diskors tagħhom.

Ħafna drabi ngħidu li rridu nagħmlu politika għan-nies imma naħseb ninsew li fil-politika hemm in-nies ukoll għax hemm il-politiċi, u ngħid għalija personali jekk kien hemm persuna waħda li għallmitni li fil-politika hemm nies li jafu jagħmlu differenza ... U jagħmlu differenza mhux meta jitkellmu, meta jagħmlu speeches kbar jew inkella meta jgħajtu, kif ħafna drabi nħobb nagħmel jien, imma meta fis-skiet tagħhom ikunu qed ibiddlu l-affarijiet, ikunu qegħdin jgħaddu messaġġ, ikunu ta’ sapport u jkunu qed iwettqu l-passjoni tagħhom, jiġifieri dak li f’ħajjithom ikunu qed jgħixu għalih. Ilbieraħ meta konna qed insellmu lill-Onor. Frederick Azzopardi waqt il-quddiesa ta’ ċelebrazzjoni, fl-omelija ssemmew żewġ affarijiet li kienu għal qalb dan l-Onor. Membru; il-politika u l-familja. Ċertament m’iniex se nitkellem jien fuq il-familja imma naħseb li jekk għandna testment ħaj tal-imħabba li wera l-Onor. Frederick Azzopardi tul ħajtu, din hija l-umiltà li biha rabba u għallem lil uliedu. Fil-fatt huwa ċar għal kulħadd li dak li jgħix warajk jagħmlek u jiddefinik bħala min kont f’ħajtek, imma jien li nista’ nitkellem huwa fuq il-kontribut li l-Onor. Frederick Azzopardi ta fil-qasam tal-politika, għallinqas mill-perspettiva ta’ kif bidel lili fil-ħajja politika tiegħi.

Sur President, xi kultant taħseb li fil-politika għandek udjenzi kbar u li qed tagħmel differenza għax tkun qed tipperswadi, tikkonvinċi u tolqot lil ħafna nies, imma fir-realtà l-aktar ħaġa diffiċli hi li tolqot lil persuna waħda, li taffettwa lil persuna waħda, li tbiddel lil persuna waħda u li lil dik il-persuna tagħmilha aħjar. Illum jien nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lilkom il-familjari, li sliftuna lill-papà, lin-nannu, lir-raġel u wara kollox lil Frederick, għax filwaqt li fil-politika lili għallimni ħafna, huwa għallimni ħafna aktar fil-ħajja. Għallimni li ħafna drabi biex tieħu raġun mhux tikkonvinċi trid imma tħalli effett fuq persuna li mbagħad bil-mod tasal biex tifhem dak li tkun qed tipprova tagħmel. Għallimni wkoll li ħafna drabi fil-qasam tal-politika l-akbar atti ta’ kuraġġ lanqas jidhru. Irrid insemmi li l-aħħar ġranet tal-Onor. Frederick Azzopardi f’din id-dinja kienu l-aħħar ġranet tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u ma ninsa qatt li ftit ġranet qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, waqt li konna għaddejjin bl-aħħar ġranet tal-kampanja, kien ċempilli l-Onor. Edwin Vassallo, li kien qiegħed maġenbu, u jien ħsibt li nqala’ xi ħaġa. Kien Frederick li ried ikellimni biex jagħmilli kuraġġ, u ma nistax nispjega s-sensazzjoni qawwija li tħoss meta tkellmek persuna bħal din li qatt ma tkun ħasbet fiha nnifisha imma dejjem tkun ħasbet fl-oħrajn!


Anke f’dak il-mument ta’ dgħjufija kbira personali tiegħu u ta’ wġigħ, l-Onor. Frederick Azzopardi xorta ħass li kellu jagħmel kuraġġ lil oħrajn! Għalija dan huwa don kbir u din hija xi ħaġa li rridu niċċelebrawha għax jekk nagħrfu l-kobor tagħha u nipprovaw nipprattikaw imqar farka minnha aħna wkoll inkunu verament qed nagħmlu ġieħ lill-Onor. Azzopardi, mhux bil-kliem biss imma anke bl-għemil tagħna. B’hekk almenu lil dan il-mibki Onor. Membru nkunu qed nipprovaw nagħtuh ftit lura minn dak li tana hu matul dawn l-aħħar 23 sena.

Sur President, ma rridx nieħu ħafna ħin imma rrid ngħid li r-ringrazzjament tiegħi jmur għalih, li jien ċert li qed jismagħni. M’hemmx dubju li din il-Kamra tilfet rappreżentant b’saħħtu tal-poplu Malti u partikolarment tal-poplu Għawdxi, imma issa naħseb li hemm fuq hemm xi ħadd li qed jirrappreżentana bl-aktar mod sinċier, leali, ġenwin u onest. Nirringrazzjak, Frederick! Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Peress li għandna żewġ Membri Parlamentari li jirrappreżentaw lid-distrett ta’ Għawdex li jixtiequ jintervjenu, nixtieq nagħtihom minuta kull wieħed biex jagħmlu l-intervent tagħhom.

L-Onor. Kevin Cutajar.

ONOR. KEVIN CUTAJAR: Sur President, jien nixtieq ngħaddi ħsieb żgħir. Bħala Deputat Għawdxi u bħala Għawdxi jien ilni naf lill-Onor. Frederick Azzopardi minn ċkuniti permezz ta’ missieri, peress li kienu kollegi fiċ-Ċivil. Jekk hemm ħsieb wieħed li se nibqa’ ngħożż u nġorr miegħi bħala memorja tal-Onor. Frederick Azzopardi huwa li dan dejjem ta importanza lis-sustanza - jiġifieri li tkun effettiv fil-politika - u mhux lill-qoxra ta’ barra, bħalma ħafna drabi jiġri llum meta nfittxu l-ħin kollu s-sensazzjonaliżmu. L-Onor. Frederick Azzopardi ma kienx dak it-tip ta’ bniedem, u dik hija xi ħaġa li jien tgħallimt u li fil-mixja politika tiegħi se nibqa’ ngħożż għal dejjem għax naħseb li fl-aħħar mill-aħħar dan huwa l-qofol tal-ħajja politika.

Nixtieq ngħaddi wkoll messaġġ żgħir lill-familjari tiegħu, li naf illi qegħdin magħna. Jien nifhem il-mument li għaddejjin minnu bħalissa, u minn qalbi nixtieq nagħtihom il-kondoljanzi f’ismi, f’isem il-familja tiegħi u f’isem ħafna Għawdxin. Jien ħaġa waħda biss ngħidilhom - għalkemm forsi llum ma tantx se jifhmuha għax ovvjament il-mument għadu dak li hu - li huma żgur jistgħu jkunu kburin bi Frederick għax huwa mhux biss ħalla impatt qawwi fil-qasam politiku imma anke fil-ħajja Għawdxija. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Chris Said.

ONOR. CHRIS SAID: Sur President, l-aħħar kommemorazzjoni ta’ Membru Parlamentari li ħalliena u li saret f’din il-Kamra kienet 12-il sena ilu meta konna fakkarna t-telfa tal-mibki Onor. Karl Chircop. Dak iż-żmien jien kont għadni dieħel fil-Parlament u nista’ ngħid li l-mewt tiegħu kienet ħalliet impressjoni fuqi.

Illum qed infakkru kollega li, kif qal id-Deputat Prim Ministru, għal dawn l-aħħar 22 sena kien elett għal ħames elezzjonijiet ġenerali konsekuttivi. Fil-fatt f’kull elezzjoni ġenerali li kkontesta l-Onor. Frederick Azzopardi dejjem ġie elett f’din il-Kamra, u dan juri l-istima, l-appoġġ kif ukoll il-mod kif kien jaħdem dan l-Onor. Membru f’Għawdex u fost l-Għawdxin.

Forsi aħna qed infakkru lill-Onor. Frederick Azzopardi biss bħala dik il-persuna li għamlet 22 sena Membru ta’ dan il-Parlament, però fil-verità l-Onor. Azzopardi ta ’l fuq minn 50 sena servizz lil Għawdex u lill-Għawdxin, l-ewwel bħala civil servant - u kif qal il-kollega tiegħi d-Deputat Prim Ministru, huwa dejjem ta dan is-servizz bi tbissima - u mbagħad għamel għaxar snin fil-Ministeru għal Għawdex meta dan kien għadu qed jitwaqqaf, jiġifieri meta kien għad hemm dawk il-problemi tal-bidu. Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-Onor. Frederick Azzopardi kien il-persuna li flimkien ma’ oħrajn beda jwettaq ammont ta’ ġid, ta’ proġetti u ta’ inizjattivi fil-gżira Għawdxija. Ta’ min jgħid ukoll li matul dawk is-snin kien l-Onor. Frederick Azzopardi li kien il-contact person man-nies. Min jaf kemm marru nies jitkellmu miegħu u hu min-naħa tiegħu dejjem kien iweġibhom, b’dik it-tbissima, li se jkun hemm għalihom!

L-Onor. Frederick Azzopardi kellu għal qalbu wkoll l-għaqdiet volontarji, speċjalment dawk Għawdxin. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863, il-parroċċa tal-Katidral u l-għaqdiet kollha li huma konnessi magħha, li kienu ferm għal qalb Frederick. Però mhux biss. Minbarra t-12-il sena f’dan il-Parlament bħala kollega tiegħu, qabel jien kont Sindku tal-lokalità tiegħi, u matul id-disa’ snin li jien għamilt sindku, meta Frederick kien ukoll Deputat, ma kienx hemm okkażjoni waħda li kien mistieden għaliha fil-lokalità tiegħi u m’attendiex, kemm jekk kien mistieden min-naħa tal-Kunsill Lokali kif ukoll jekk kien mistieden minn xi għaqdiet volontarji tal-lokalità. Dan kien Frederick; ma kienx iżomm il-kuntatt kontinwu man-nies bid-diskors imma kien iżomm dan il-kuntatt b’mod reali; permezz tal-preżenza tiegħu man-nies f’kull lokalità mill-14-il lokalità Għawdxija. L-Onor. Frederick Azzopardi ma kienx juri kemm dawn l-għaqdiet kienu għal qalbu bil-kliem imma bis-sostenn u bil-preżenza tiegħu fl-attivitajiet li kienu jorganizzaw dawn l-għaqdiet għax fl-aħħar mill-aħħar dak minnu nnifsu huwa sostenn ukoll.

Sur President, matul it-12-il sena li għamilna flimkien bħala kollegi ta’ din il-Kamra eletti mill-istess distrett, l-Onor. Frederick Azzopardi kien persuna li lili kien jagħtini dejjem il-pariri fis-skiet. Min jaf kemm poġġejna bilqiegħda u ddiskutejna flimkien problemi li kien qed iħabbat wiċċu magħhom Għawdex matul iż-żminijiet, u l-pariri tiegħu dejjem kienu pariri ta’ persuna li kellha esperjenza kbira, liema pariri huwa kien lest jagħtihom mingħajr ma jieħu l-mertu tagħhom hu jew mingħajr ma joqgħod idoqq it-trombi għax ikun ta dawk il-pariri. Irrid ngħid ukoll li matul dawn l-aħħar snin ħija Edward iżżewweġ lin-neputija ta’ Frederick, Claire, u allura bħala familji sirna aktar close.

Biex ma ntawwalx, Sur President, lil Frederick irrid ngħidlu “grazzi”. Aħna kollha midjunin lejh, b’mod partikolari jien, għax mingħandu tgħallimna, u ngħid għalija jien tgħallimt ħafna. Ta’ dan irrid nirringrazzja wkoll lill-familja tiegħu; lil Carmen, lil Luke, lil Maureen, lil Lara, lill-familji tagħhom u lin-neputijiet talli silfuhulna għax ovvjament min jidħol fil-ħajja pubblika - bħal kull wieħed u waħda minna - ikun qed jieħu mill-ħin u mill-attenzjoni tal-familja tiegħu. Għalhekk: Grazzi Frederick, u grazzi wkoll lil din il-Kamra ta’ dak li qed tagħmel dalgħodu. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Jien ukoll ningħaqad mas-sentimenti tagħkom.

Fil-fatt jien għandi ħafna x’nirrakkonta fuq Frederick. Irrid ngħid li l-ewwel darba li ltqajt ma’ Frederick kien fl-1993 għax dak iż-żmien kont ġejt trasferit Għawdex bħala Supritendent tal-pulizija, u ngħidilkom il-verità fih sibt ħabib. Kif għedt inti, Onor. Said, hu kien jaħdem fil-Ministeru għal Għawdex, u aħna dak iż-żmien konna niltaqgħu b’mod regolari u minn hemmhekk sirna ħbieb kbar. Imbagħad kien ħareġ għall-politika. Niftakar li jien kont ġejt elett u sirt Membru Parlamentari fl-1996 filwaqt li hu kien daħal fil-politika bħala Membru Parlamentari fl-1998. Minn dak iż-żmien ’l hawn tant sirna close li nista’ ngħid dħakna ħafna u bkejna flimkien.

Qed nara lill-Onor. Jason Azzopardi. Niftakar darba minnhom jien, l-Onor. Jason Azzopardi u l-Onor. Frederick Azzopardi konna qegħdin Ruma għal inter-religious meeting interessanti tal-OSCE. Dak iż-żmien jien kelli ammirazzjoni partikolari lejn il-Kardinal Martini - illum mejjet - li kien xellugi u liberali. Niftakar li xħin rajtu, lill-Onor. Jason Azzopardi għedtlu: “Imxi miegħi ħalli narawh!”, u kien hemm Frederick u qalli: “Jaf isir papa!”. Fil-fatt imbagħad kien miet ftit wara, u għalhekk hawn bqajna niċċajtaw biha din għax kien jgħidli: “Ma laħaqlekx papa!” Li rrid ngħid jien huwa li konna niċċajtaw ħafna flimkien.

Darb’oħra niftakar li konna qegħdin Toronto bħala delegazzjoni tal-OSCE fejn kien magħna anke Dr Louis Deguara. Ovvjament dak iż-żmien jien kont attiv fil-Partit Laburista, u għalhekk kienu ġew ħafna segwaċi tal-Partit Laburista f’Toronto biex jeħduni nżur il-klabbs u x’naf jien. Niftakar li dak il-ħin Dr Louis Deguara ma kienx magħna, imma kien hemm miegħi l-Onor. Frederick Azzopardi u l-ewwel ħaġa li staqsewni kienet: “Dan magħna?” Jien għedtilhom: “Mela; mhux magħna qiegħed?!” U niftakar li konna tlaqna bil-karozza bil-bandiera tal-Partit Laburista! Bil-kariżma li kellu lill-Onor. Frederick Azzopardi kulħadd ħa grazzja miegħu u bdew jistaqsuni fuq liema distrett joħroġ, u jien bdejt dejjem noqgħod attent ħalli nara kif se nikkonvinċihom li hu magħna! Però ħabbewh u konna morna anke għall-festa ta’ San Ġorġ flimkien waqt li konna hemmhekk għax il-komunità Għawdxija ta’ hemmhekk sal-bandisti kienet ġabet!

Sur President, minbarra li Frederick kellu kariżma kbira, huwa kien dejjem korrett u dejjem kien joqgħod attent li ma jweġġa’ lil ħadd. Bħalma għedt meta ħriġt l-istqarrija fuqu, he led by example; kien jagħmel l-argument mingħajr ma jweġġa’ lil ħadd. Tant kien hekk, li r-ritratt li għażilna għall-ktejjeb - għax meta tlabna lill-familjari tiegħu biex jibagħtulna xi ritratti tiegħu, huma bagħtulna ħafna ritratti - fejn hu jidher bil-kotba li jien noħroġ regolarment dwar ir-Rulings; Is-Sedja Titkellem jien għażiltu b’intenzjoni; għax hu kien bniedem li meta kont nagħti Ruling ma kienx biss jaqrah imma meta kien ikun hemm xi dubju kien jiġi

fis-skiet u jgħidli: “Għidli daqsxejn kif wasalt għal din id-deċiżjoni”. Jiġifieri kien bniedem verament korrett.

Darb’oħra konna qed induru l-Vatikan u jien biex niċċajta għedtlu: “Tgħid hawn min iqarar bil-Malti hawn?!” Għandikun dakinhar kien magħna l-Onor. Jason Azzopardi wkoll. Kien hemm qassis qed iqarar, u ħdejn il-konfessinarju kien hemm miktub: “Deutsch”, “Italiano”, “Español” u anke “Malti”! Jien skantajt kif dan il-qassis kien jaf bil-Malti wkoll u għalhekk għedtlu: “Tridx immorru nqerru għandu, Frederick?” Morna u meta avviċinajnieh sirna nafu li kien Malti. Biex niċċajta lil Frederick għedtlu: “Imma mhux Għawdxi dan; Malti minn Birkirkara!”

L-Onor. Frederick Azzopardi kien dejjem jitkellem fuq il-familja. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li l-familja tiegħi u l-familja ta’ Frederick iltaqgħu flimkien - jien tifla waħda għandi - u dejjem kien hemm dik ir-relazzjoni ta’ rispett bejn iż-żewġ familji. Huwa kien dejjem jitkellem fuq il-valuri tal-familja u dejjem kien moħħu biex jara li l-interess tal-familja dejjem jiġi l-ewwel. Qrajt il-kumment ta’ Dr Lawrence Gonzi, li fuq il-gazzetta kiteb li għall-Onor. Frederick Azzopardi l-ewwel kienet tiġi l-familja u mbagħad il-pajjiż, u verament hekk kien.

Ġaladarba semmejt lil Dr Gonzi se nikkonkludi b’dan ir-rakkont. Darba minnhom konna qegħdin Palermo fuq xogħol bħala delegazzjoni tal-OSCE - għax aħna bħala delegazzjoni tal-OSCE konna nsiefru ħafna fuq xogħol - u peress li biex naslu Palermo l-ewwel kellna ninżlu Pozzallo, krejna karozza minn Pozzallo. Għal Palermo kont soqt jien. Filgħaxija għedtlu: “Fred, taf fejn imissna mmorru nieklu? Sferracavallo.” Ta’ min jgħid li hemmhekk kien imur jiekol il-mibki Imħallef Falcone, u meta kien imur hu kienu jkeċċu lil kull min kien ikun fir-ristorant dak il-ħin u jservu lilu, li kien imur bil-gwardja tiegħu. Qalli: “Immorru!” U konna domna hemmhekk. Niftakar li sadanittant beda jċempillu Dr Gonzi, li dak iż-żmien kien Prim Ministru, u ma setax jaqbdu l-lukanda. Fl-aħħar qabdu fuq il-mobile. Qallu: “Fred, fejn qiegħed?” Fil-pront dar lejja u qalli: “Ċempel il-Prim Ministru; x’se ngħidlu?!” Għedtlu: “Għidlu li qegħdin Sferracavallo”. Imbagħad qbadtlu l-mobile u lil Dr Gonzi kellimtu jien. Qalli: “X’qegħdin tagħmlu?” Għedtlu: “Qegħdin hawn nieħdu pjaċir!” Qalli: “Ara suq bil-mod!” Issa jew b’kumbinazzjoni jew ma nafx, tlaqna mir-ristorant u wara xi żewġ mili jew tlieta waqfitilna l-karozza fil-motorway fis-1.00 a.m. u domna sat-3.00 a.m. biex wasalna l-lukanda! Imma l-Onor. Frederick Azzopardi baqa’ b’dik il-kalma jgħidli: “Tinkwieta xejn Anġlu; kollox nirranġaw!”

Jien immissjajtu ħafna lil Frederick, anke għax kien verament persuna li ma naħsibx li se jkollna ħafna bħalu. Jalla jkollna ħafna bħalu, imma hu kien bniedem uniku! Nirringrazzja lill-familja kollha tiegħu, li qegħdin hawnhekk jisimgħuna ngħidu dan kollu. Matul ħajtu l-Onor. Frederick Azzopardi dejjem ferraħ lil ta’ madwaru u kien raġel ma’ kulħadd. Kien bniedem li jagħmel minn kollox biex jaqdi lil dak li jkun. Peress li jien kont attiv fil-Partit Laburista, niftakar li meta kien ikun qed jipprova jaqdi lil xi ħadd minn Għawdex kien jgħidli: “Anġlu, taf lil xi ħadd li jista’ jgħin lil dan il-bniedem forsi nkunu nistgħu naqduh?” Kien persuna li jibqa’ jistinka sal-aħħar biex iwettaq id-dmir tiegħu.

Nikkonkludi billi filwaqt li nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tal-Onor. Frederick Azzopardi, ninformahom li se nibagħtilhom traskrizzjoni tad-diskorsi li saru dalgħodu sabiex ikunu jistgħu jżommuhom bħala memorja tal-mibki Onor. Frederick Azzopardi. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 14.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
Dissolution of Parliament: 07.01.2013
Positions
Parliamentary Assistant to the Minister for Gozo - 10.03.2010
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 11.03.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts

Thirteenth Legislature (2017 - 2022)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 06.06.2017
Oath of Allegiance: 24.06.2017
- 17.10.2020

Electoral Districts