Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Francis Zammit Dimech

Francis Zammit Dimech  

Commemoration Booklet

Tifkira

tal‑Ex Deputat Parlamentari

Francis Zammit Dimech

fil‑Kamra tad‑Deputati

Parlament ta’ Malta

 

 

23 ta’ Ottubru 1954 – 21 ta’ April 2025

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati bejn id‑9 ta’ Lulju 1987 u l‑1 ta’ Mejju 2017

 

Dott. Francis Zammit Dimech


Ġurament ta’ Lealtà

bħala

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

 


L‑Ewwel Diskors ta' Francis Zammit Dimech

fil‑Kamra tad‑Deputati

 

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 4 tal‑Erbgħa, 15 ta’ Lulju 1987

 

IS‑SITT LEĠIŻLATURA

 

INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD‑DISKORS TAL‑AĠENT PRESIDENT - KONTINWAZZJONI

 

ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, nixtieq illi fl‑ewwel diskors tiegħi f’din il‑Kamra nittratta aspett wieħed li hemm fid‑Diskors li sar mill‑Aġent President, li hu l‑aspett tax‑xandir f’dan il‑pajjiż. Huwa fatt magħruf li l‑futur tad‑demokrazija f’kull pajjiż huwa dejjem marbut mas‑salvagwardji li jkollok biex fil‑pajjiż ikun hemm verament ix‑xandir ħieles. Għalhekk huwa xieraq li fid‑Diskors tal‑Aġent President insibu dan il‑kliem:

 

"M’għandux jitqies li Xandir Malta tifforma parti minn Telemalta, imma se jkollha statut formali li jagħmilha awtonoma, ħielsa minn indħil u direttivi ministerjali. Mhix se titħalla timxi fuq il‑linji politiċi partiġġjani li qabdet mill‑1975 ’l hawn. Il‑Gvern beħsiebu jippermetti l‑pluraliżmu fix‑xandir."

 

Forsi għalhekk tajjeb li wieħed fil‑qosor ifakkar lill‑Kamra x’inhi l‑pożizzjoni tax‑xandir illum.

 

Ix‑xandir f’Malta fl‑1975 sar monopolju assolut tal‑Gvern ta’ dak iż‑żmien. Wara li kien hemm dak li kien deskritt bħala sit‑down strike fir‑Rediffusion u din il‑Kamra riedet tara s‑sitwazzjoni li żviluppat minn dik is‑sitwazzjoni, l‑ewwel saret il‑liġi li kienet issejħet il‑Liġi tal‑Kunsill tal‑Emerġenza biex jitmexxa x‑xandir. Kienet hekk imsejħa “tal‑Emerġenza” għax verament il‑provvedimenti ta’ dik il‑liġi ma damux wisq fis‑seħħ. Però kienu damu biżżejjed biex diversi impjegati li kien hemm dak iż‑żmien max‑Xandir, kienu tkeċċew anke mingħajr raġuni ġusta mill‑Kunsill tal‑Emerġenza li kien waqqaf il‑Gvern Soċjalista ta’ dak iż‑żmien. Imbagħad kienet saret il‑Korporazzjoni Telemalta. Anke hawnhekk meta qed ngħidu li issa x‑xandir irid jinqata’ minn ħdan din il‑korporazzjoni, irid jiġi mfakkar li meta wieħed isemmi din il‑korporazzjoni qed nitkellmu fuq korporazzjoni suġġetta għall‑kontroll totali tal‑Gvern. 

 

Nirreferi għal artikli 3 u 4 ta’ dik il‑liġi li apparti li l‑Ministru responsabbli mit‑telekomunikazzjoni kellu libertà assoluta jaħtar lil min irid, kellu wkoll il‑fakultà ‑ apparti li jaħtar għal kemm żmien irid ‑ li jekk u x’ħin jidhirlu li bniedem m’għadux tajjeb, jgħidlu: “Isma, tista’ titlaq” jew “inti għandek titlaq”. Jiġifieri lanqas il‑Gvern ma kien intrabat b’dik il‑liġi, li jekk bniedem jaħtru għal sitt xhur jew għal sena, iżomm it‑terminu tal‑ħatra tiegħu. Mhux hekk biss imma fejn dik il‑korporazzjoni kienet tiġi biex taħtar General Manager ‑ u allura dan huwa każ li kien jolqot il‑fergħa tax‑xandir fi ħdan it‑Telemalta ‑ hemmhekk skont artiklu 28(2) tat‑Telemalta Act, il‑korporazzjoni kien ikollha taġixxi wkoll taħt l‑approvazzjoni ministerjali.

 

Però wieħed irid jgħid ukoll li bħala stat ta’ fatt ‑ meta llum qed inħarsu li ssir din il‑firda mill‑Korporazzjoni Telemalta għall‑istruttura tax‑xandir ‑ għalkemm il‑Gvern preċedenti kien ħa ħsieb il‑miżuri kollha biex jeżerċita kontroll totali fuq l‑istrutturi tax‑xandir fil‑pajjiż, kien fil‑fatt qal li t‑Taqsima tax‑Xandir ma tkunx taħt il‑kontroll tat-Telemalta imma taħt id‑direzzjoni ta’ Ministru separat. Infakkar fil‑qosor fil‑kawża ‑ l‑aħħar waħda fil‑fatt li kellha ssir minn Dr Eddie Fenech Adami bħala Kap tal‑Oppożizzjoni kontra Maurice Mifsud Bonnici, dak iż‑żmien Chairman tat-Telemalta ‑ li punt prinċipali f’din il‑kawża kien biex jiġi stabbilit is‑sempliċi prinċipju li meta jkun hemm referenzi għalih fl‑aħbarijiet dan għandu jissemma b’ismu, għax Xandir Malta dak iż‑żmien anke dan kienet tqis li huwa xi privileġġ li jekk ma tkunx ordnata mill‑Qorti m’għandhiex tagħmlu!  Iċ‑Chairman tat-Telemalta Corporation kien xehed li l‑Ministru responsabbli għall‑korpi parastatali kien tah direttiva verbali fejn qallu: Isma’, inti tindaħalx fil‑kwestjoni tax‑xandir. Naturalment dan kien sar mhux biex b’xi mod jonqos il‑kontroll minn fuq l‑istruttura tax‑xandir, imma biex ir‑responsabbiltà tkun lejn Ministeru ieħor.

 

Hawn irrid nieħu aspett ieħor tal‑politika tal‑Gvern il-ġdid rigward ix‑xandir. Fil‑fatt fil‑programm elettorali nsibu ‑ punt li diġà twettaq ‑ li għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa bejn ix‑Xandir, il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni u l‑Università, kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra bħal dik li tipprovdi mezzi għall‑produzzjoni ċinematografika.  Dan biex joħorġu prodotti ta’ kwalità wisq aħjar minn dawk preżenti. Mela hawnhekk il‑viżjoni għall‑futur hi li għandna nenfasizzaw darba għal dejjem ir‑rwol edukattiv tax‑xandir. Għandna ngħidu darba għal dejjem li l‑medjokrità trid tispiċċa u jrid ikun hemm promozzjoni ġenwina tat‑talent Malti, inkluż b’mod partikolari t‑talent żagħżugħ.  Jekk għall‑mument nieħdu biss l‑aspett kulturali, wieħed ma jistax ma josservax li ilna ma naraw teledramm ta’ livell serju fuq l‑istazzjon televiżiv Malti. Ilna ma naraw ukoll produzzjonijiet lokali tal‑livell mixtieq. Għalhekk il‑Gvern il‑ġdid huwa impenjat li jara li din is‑sitwazzjoni titranġa bl‑aktar mezzi radikali u biex verament ikun hemm il‑promozzjoni tat‑talent Malti. Dan anke fi sfond lil hinn mill‑ambjent u mil‑limiti tal‑konfini ta’ pajjiżna billi, pereżempju, wieħed fl‑opinjoni tiegħi, għandu jerġa’ jikkonsidra l‑parteċipazzjoni f’avvenimenti Ewropej bħall-Eurovision Song Festival. 

 

Naturalment, meta nsemmu l‑aspett edukattiv tax‑xandir ma nistgħux ninsew ukoll l‑aspett li dan huwa mezz kif iwassal l‑informazzjoni lill‑pubbliku. Meta jwassal l‑informazzjoni lill‑pubbliku jrid jagħmel dan bil‑mezzi awdjoviżivi kollha li huma għad‑dispożizzjoni tiegħu u li għandhom isiru għad‑dispożizzjoni tiegħu. Hawnhekk kellna l‑anomalija li l‑ftuħ ta’ dan il‑Parlament ma ġiex irrekordjat, lanqas bħala siltiet żgħar. Jien naħseb li din hija xi ħaġa straordinarja li avveniment nazzjonali bħal dan, minħabba l‑oppożizzjoni min‑naħa l‑oħra tal‑Kamra, ma kienx irrekordjat biex l‑aħbarijiet ikunu aktar viżivi. Intuża l‑argument li d‑dibattitu kellu jixxandar kollu, u kif nafu din il‑Kamra għaddiet mozzjoni li fiċ‑ċirkostanzi l‑aktar adattati u important kien li jkun hemm ix‑xandir dirett tal‑proċeduri tal‑Kamra. Il‑mozzjoni, forsi korrettement ukoll, tgħid li apparti t‑trażmissjonijiet live jista’ jkun hemm ukoll irrekordjar ħalli ċerti dibattiti jistgħu jkunu mxandra f’ħin differenti forsi anke f’forma ridotta, ċjoè li wieħed ikun kapaċi jagħmel eżerċizzju tajjeb ta’ editing.

 

Nixtieq li fuq dan is‑suġġett nikkwota ftit lil din il‑Kamra l‑prattika fl‑Ingilterra. Nikkwota mill‑BBC Handbook tas‑sena li għaddiet paġni 27‑29 li jittrattaw it‑taqsima ‘Broadcasting from Parliament’. Hawnhekk insibu referenza b’mod partikolari għal esperiment li kien sar fil‑House of Lords fl‑ewwel sitt xhur tal‑1984. Dan l‑esperiment, filwaqt li kien jinkludi li ċerti xandiriet kienu jingħataw direttament, kien jinkludi bħala l‑bażi prinċipali tiegħu li l‑cameras tal‑BBC u tal‑ITV setgħu jidħlu faċilment fil‑House of Lords, jirrekordjaw meta jidhrilhom huma u jxandru aħbarijiet tal‑andament tal‑House of Lords fl‑Ingilterra anke fil‑forom ta’ programmi editjati tajjeb u li naturalment ikunu jirriflettu l‑opinjonijiet kollha riflessi fil‑Kamra b’mod imparzjali. Għaliex qiegħed insemmi dan? Fid‑dinja moderna tal‑lum irridu nħarsu lejn dan it‑tip ta’ esperiment; għaliex filwaqt li l‑aktar dibattiti importanti probabbilment għandhom ikunu mogħtija live coverage, dan m’għandux ifisser li l‑kumplament tax‑xogħol parlamentari fil‑pajjiż għandu jkun prattikament injorat mill‑mezzi tax‑xandir u mhux irrapportat b’mod viżiv u b’mod li fil‑fatt inkunu qed niġġeneraw interess ferm akbar mill‑poplu kollu fix‑xogħol li aħna nagħmlu hawn ġew. 

 

Fl‑Ingilterra eżempji ta’ dan huma programmi bħal “Today in Parliament”, “Yesterday in Parliament” u “This Week in Westminster”. Jekk inħarsu wkoll lejn stazzjonijiet oħra bħar‑RAI, insibu programmi jew servizzi bħal “Oggi in Parlamento” u programmi oħrajn. L‑enfasi finali hija fuq ġurnaliżmu serju u imparzjali għaliex ikun professjonali. U f’dan is‑sens ippermettili nikkwota wkoll parti mill‑agreement li għandha l‑BBC fl‑Ingilterra mal‑Gvern Ingliż ‑ nirreferi għal ‘Licence and Agreement’ tat‑2 ta’ April 1981 bejn il‑BBC u s-Secretary of State tal-Ingilterra. F’dan l‑agreement, fost affarijiet oħrajn, insibu dawn il‑preċiżi kelmiet:

 

“The Corporation shall broadcast an impartial account day by day prepared by professional reporters of the proceedings in both Houses of the United Kingdom.”

 

Kieku kelli, biex ngħid hekk, niġbed suġġeriment minn dan kollu li qed ngħid hawnhekk, huwa li naħseb wasal il‑mument li f’pajjiżna nkunu kapaċi bis‑serjetà - jekk mhux fuq bażi ta’ kuljum għall-inqas ta’ darba fil‑ġimgħa - nipproduċu programm b’tul ta’ massimu ta’ nofs siegħa, l‑aktar tliet kwarti li jkun ikopri l‑ewwel nett rapport adegwat tal‑opinjonijiet diversi u fil‑proporzjon li jkun espressi hawnhekk miż‑żewġ naħat tal‑Kamra matul dik il‑ġimgħa fil‑Parlament. Jekk ikun programm editjat b’mod serju u b’mod verament imparzjali jkun  programm interessanti għax, li jkun hemm spjegazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida mressqa quddiem il‑Kamra tad‑Deputati, liġi  li tkun għaddiet, u anke jagħti ħjiel ta’ dak ix‑xogħol li jkun hemm pendenti quddiem il‑Kamra għall‑ġimgħa ta’ wara. Huwa b’mezzi bħal dawn li wieħed għandu jippromwovi l‑interess fl‑andament u fix‑xogħol ta’ din il‑Kamra, apparti l‑okkażjonijiet straordinarji meta jkun hemm xandira diretta.

 

Sur President, nixtieq nirreferi għal prinċipji oħra li huma sagri għall‑Gvern il‑ġdid u li hemm referenza għalihom fid‑Diskors tal‑Aġent President u li huma inkorporati fil-Programm Elettorali tal‑Partit Nazzjonalista. Dwar il‑prinċipju ta’ l‑aċċess ħieles il‑Programm Elettorali jenfasizza li:

 

“Għandu jkun assigurat ukoll li jkun hemm aċċess kemm jista’ jkun miftuħ għall‑użu tal‑mezz televiżiv mill‑poplu bil‑parteċipazzjoni tal‑għaqdiet kollha interessati; li jkun rikonoxxut il‑prinċipju tal‑pluraliżmu fix‑xandir u li allura t‑talbiet għal stazzjonijiet televiżivi u stazzjonijiet radjofoniċi jkunu kkonsidrati fid‑dawl ta’ dan il‑prinċipju.”

 

U fid‑Diskors tal‑Aġent President nerġgħu nisimgħu l‑enfasi li dan huwa prinċipju li qed jiġi attwat. Qed insemmu l‑pluraliżmu; jekk wieħed isegwi l‑ġurnaliżmu tan-naħa l‑oħra, jista’ jinnota x’suġġerimenti jagħmlu l‑ġurnalisti Soċjalisti llum! Riċentement qrajna, per eżempju, is‑suġġeriment li l‑Partit Soċjalista għandu jpprepara ruħu biex ikun jista’ jmexxi stazzjon tax‑xandir. Wieħed allura jgħid li l‑Partit Soċjalista qed jagħraf li din hi d‑direzzjoni l‑ġdida li qed tingħata minn dan il‑Gvern ġdid. Din hi d‑direzzjoni l‑ġdida. Ma nistgħux ninsew li meta l‑Partit Nazzjonalista kien talab li jkollu l‑ewwel stazzjon privat tiegħu tar‑radju, f’din il‑Kamra kien hawn min qal: “Imma dawn iridu jiċċajtaw!” “Din ċajta kbira,” konna smajna dakinhar. It‑talba reġgħet ġiet affermata aktar minn darba u wasalna wkoll fil‑pożizzjoni li fil‑fatt kienet saret kawża kontra l‑Prim Ministru ta’ dak iż‑żmien biex jiġi stabbilit preċiżament dan il‑prinċipju li kien qed jiġi miċħud lil din in‑naħa, ċjoè li l‑libertà tal‑espressjoni fil‑pajjiż, li nsibu fil‑Kostituzzjoni, għandha tfisser fost affarijiet oħra wkoll il‑libertà li wieħed jikkomunika mhux biss bil‑ġurnali, mhux biss billi jmur jorganizza l‑mass meetings fejn irid u fejn javża, imma anke bil‑mezzi moderni tax‑xandir. U meta nsemmu din id‑direzzjoni l‑ġdida li l‑Gvern irid jagħti lil dan il‑pajjiż allura għandna għalfejn inkunu kburin għaliex għandna għalfejn ngħidu lkoll li s‑saħħa tagħna tiġi milli jkun hemm soċjetà informata sew, mhux milli jkun hemm il‑manipulazzjoni, xi forma ta’ brain‑washing u monopolju favur il‑Gvern.

 

Is‑saħħa tagħna għandha tiġi billi n‑nixxiegħa ħielsa tal‑informazzjoni ma tkun imfixkla qatt u qatt iżjed mill‑Gvern jew minn xi awtorità oħra. U s‑saħħa tagħna tiġi billi l‑poplu jkollu aċċess għall‑verità kollha. Għaliex fl‑aħħar mill‑aħħar aħna nemmnu ‑ u nemmnu dan bis‑serjetà ‑ li l‑poplu faċilment jiġġudika waħdu meta għandu l‑libertà tal‑informazzjoni fil‑pajjiż, li l‑poplu jkun kapaċi jasal għall‑konklużjonijiet il-ġusti meta ma jkun hemm ebda ostaklu għall‑verità. U dak huwa forsi wieħed mill‑egħżeż valuri li verament jispiraw lill‑Gvern il‑ġdid fil‑ħidma tiegħu għal dan il‑programm li għandna hawnhekk quddiemna, il‑ħidma politika tiegħu favur il‑poplu kollu, il‑ħidma li hija mnebbħa wkoll mir‑rispett totali għall‑verità li hija waħda mill‑egħżeż valuri fiha nfisha u hija waħda mill‑iktar valuri għeżież li jixirqu f’soċjetà libera u demokratika. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 04.07.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Positions
Parliamentary Secretary for Transport and Communications - 05.05.1990
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Positions
Sworn in as Minister for Transport and Communications - 27.02.1992
Ceased: 29.03.1994
Sworn in as Minister for the Environment - 30.03.1994
Ceased: 28.03.1996
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003
Positions
Sworn in as Minister for the Environment - 08.09.1998
Ceased: 13.04.2003
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 14.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008
Positions
Sworn in as Minister for Tourism - 15.04.2003
Ceased: 22.03.2004
Sworn in as Minister for Tourism, and Cultural Heritage - 23.03.2004
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
Dissolution of Parliament: 07.01.2013
Positions
Sworn in as Minister for Foreign Affairs - 28.11.2012
Ceased: 13.03.2013
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 11.03.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts