TIFKIRA TA’ LINO SPITERI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
21 ta' Settembru 1938 – 14 ta’ Novembru 2014
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn l-4 ta' April 1962 u l-15 ta’ Frar 1966
u bejn it-18 ta’ Diċembru 1981 u t-3 ta’ Awwissu 1998
Lino Spiteri
L-EWWEL INTERVENT TA’ LINO SPITERI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
SEDUTA NUMRU 17 TAL-5 TA' OTTUBRU 1962
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 221 TAS‑27 TA’ MEJJU 1998 IT‑TMIEN LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR TAXXA SPEĊJALI
FUQ BANEK KUMMERĊJALI
ONOR. LINO SPITERI: Grazzi, Sur President. Naħseb li m'hemmx għalfejn wieħed jenfasizza ħafna li f'miżura bħal din wieħed għandu jimxi b'attenzjoni, għandu jimplimentaha b'attenzjoni u għandu jfisser b'mod ċar x'irid jgħid biha u x'inhuma l‑intenzjonijiet tiegħu. U naħseb li l‑Ministru tal‑Finanzi, fil‑kompitu tiegħu li jdaħħal din il‑miżura bħala waħda mill‑proposti tal‑budget, fid‑diskors introduttorju għal din il‑liġi ‑ li issa ilu ftit ġimgħat ‑ dan għamlu. Naħseb ukoll li minn dak li qalet l‑Oppożizzjoni ‑ mhux l‑inqas il‑kelliem li għadu kemm tkellem issa u li frankament issorprendieni ‑ jidher li ma tatx kas ta' dak li qal il‑Ministru tal‑Finanzi, anzi qisu b'mod maħsub ħafna qiegħda timmiżinterpreta dak li qed jiġi propost quddiemna. Dak li qed jiġi propost quddiemna fih innifsu huwa delikat u mhux se nipprova nnaqqas mid‑delikatezza tiegħu, imma b'danakollu m'għandux jiġi miżinterpretat bħala xi theddida għas‑settur finanzjarju u għal dawk il‑banek li jridu jinvestu f'Malta. Lanqas m'għandu jintnesa, kif qed jinsew il‑kelliema tal‑Oppożizzjoni, għalfejn saret din il‑miżura. Il‑Ministru għamilha ċara li l‑miżura saret għax irriżulta ‑ jiena nikkonferma li hekk kien qiegħed jirriżulta sa mill‑bidu ta' din l‑amministrazzjoni meta bdejna nħarsu lejn l‑accounts u lejn kif kienet qed taħdem il‑liġi tal‑VAT ‑ li peress li kien hemm lakuna fil‑liġi tal‑VAT, il‑banek kienu qegħdin iħallsu VAT inqas milli suppost iħallsu. Issa f'dawk iċ‑ċirkostanzi x'jagħmel dak li jkun? Jinsa li kellhom jitħallsu ċerti flus u jimxi 'l quddiem jew inkella jikkorreġi dak li sar? Jekk kemm‑il darba kien hemm din il‑lakuna, ejja f'isem il‑poplu nieħdu dak li kien ħaqqu jiġbor kemm il‑gvern ta' qabel kif ukoll il‑gvern ta' issa.
Il‑miżura li qed titressaq hawnhekk tfisser biss li dak li kellu jinġabar, issa qiegħed jinġabar. Nerġa' nenfasizza li din hija miżura delikata u trid tiġi mfissra sewwa kif fissirha l‑Ministru u kif qed nipprova nfissirha jiena. Hija miżura tant delikata li l‑ebda Malti, wisq inqas rappreżentant tal‑Maltin, m'għandu jimmiżinterpretaha bħala xi theddida għall‑investiment.
X'għandu x'jaqsam il‑kumment "aħleb Ġuż" ma' dak li qed jiġi propost hawnhekk? Il‑kumment "aħleb Ġuż" kien sar 20 sena ilu fil‑kontest ta' intrapriżi pubbliċi li qabel ma kenux jirrendu lill‑poplu Malti u mbagħad bdew jirrendulu. Illum m'hawn l‑ebda ħlib, hawn miżura fiskali preċiża. Tista' tikkritikaha, tista' tenfasizza, kif qed nagħmel jiena, li wieħed irid joqgħod attent għaliha u wieħed irid jagħmilha ċara li mhijiex xi parti mnn policy tal‑gvern għat‑tul, imma hija miżura ċara u preċiża. Żgur li m'għandha x'taqsam assolutament xejn mal‑isfond li ngħata għaliha u ma tiġġustifika bl‑ebda mod it‑twerwir li qed jiġi sinjalat li joħroġ minnha. M'hemmx twerwir f'din! Tista' tgħid li ma taqbilx magħha, imma m'għandux jingħad li din qisha se timmina l‑politika bipartisan, maqbula bejn iż‑żewġ naħat, li nipprovaw nattiraw lejn pajjiżna investiment fis‑settur finanzjarju. M'għandhomx isiru dawn l‑affarijiet għax inkella se nibda ngħid li l‑Oppożizzjoni kull darba tmur lura għall‑oriġini tagħha u kull fejn tista' u kull fejn ikollha ċans, dejjem tkun negattiva kemm jista' jkun. Hekk qed jiġri anke fuq din il‑liġi li għandna quddiemna.
Ġie enfasizzat li l‑gvern qisu qiegħed jagħmel din il‑one‑off tax, taxxa ta' darba, għax is‑settur bankarju sejjer tajjeb u intqal hawnhekk li huwa l‑uniku settur li sejjer tajjeb. Imma, bir‑rispett kollu, dan huwa kliem li ma jagħmilx ġid lill‑pajjiż. It‑taxxa m'għandha x'taqsma xejn mal‑fatt li s‑settur bankarju sejjer tajjeb. Is‑settur bankarju ilu sejjer tajjeb minn wara l‑kriżijiet tal‑1970 ‑ kellna l‑Bank of Alderney, il‑BICAL, in‑National Bank Group ‑ meta kienet saret ristrutturizzazzjoni u daħlet ħafna iżjed serjetà u l‑Bank Ċentrali, li kien daħħal il‑Gvern Nazzjonalista u saħħu l‑Gvern Laburista, daħal iżjed hands on u ffoka iżjed fuq il‑kontrolli, anzi fuq is‑supervision li kellha ssir. Is‑sistema bankarja ilha 26 sena sejra tajjeb u dejjem iżżid fl‑avvanzi tagħha, fil‑kwalità ta' xogħol li tagħmel u anke fl‑element ta' profitt. Mela hawn xi ħadd li se joqgħod fil‑banking sector jekk ma jkunx ta' profitt? Mela dawn huma istituzzjonijiet tal‑karità? L‑ebda istituzzjoni m'hi istituzzjoni tal‑karità. Għandna istituzzjonijiet parastatali li wħud minnhom huma ineffiċjenti u allura m'huma qegħdin jagħmlu karità ma' ħadd, anzi qegħdin jagħmlu xi ħaġa li hija ta' ħsara għall‑pajjiż, forsi minħabba tmexxija mhix tajba biżżejjed, forsi minħabba organizzazzjoni, jew għal ħafna raġunijiet oħra. Hemm korporazzjonijiet li jagħtu prodotti u servizzi sussidjati b'mod li qatt ma kien relatat biżżejjed mal‑protezzjoni soċjali u mal‑effiċjenza li għandu jkollhom. Imbagħad għandna intrapriżi oħra kummerċjali, sew fis‑settur privat u sew fis‑settur tal‑gvern, li biex imexxu jridu jagħmlu profitt inkella ma jmexxux. Għax dik li tfisser "kummerċjali", ibda minn toqba żgħira ta' ħanut, spiċċa sa fabbrika daqsiex minn lukanda b'erbat ikmamar u sa waħda b'400 kamra, kollha jrid ikollhom l‑istess prinċipju għax inkella ma jkunux jistgħu jkampaw. Imma żgur li mhuwiex il‑każ li xi ħadd jasserixxi li s‑settur bankarju huwa l‑uniku settur li sejjer tajjeb! Qed issir wisq enfasi li fil‑pajjiż m'hawnx setturi oħra li sejrin tajjeb. Is‑settur tal‑manifattura sejjer tajjeb. Is‑sena li għaddiet kellna riduzzjoni fil‑kontribuzzjoni għall‑gross domestic product bħala kontinwazzjoni tat‑trend li kienet inbdiet fi żmien il‑Gvern Nazzjonalista, mhux tort tal‑Gvern Nazzjonalista, u kompliet fi żmien il‑Gvern Laburista, mhux tort tal‑Gvern Laburista, imma minħabba l‑qagħda internazzjonali li affettwat il‑valur ‑ mhux il‑volum ‑ tal‑akbar fabbrika li hawn f'Malta u l‑aktar waħda li tikkontribwixxi għall‑esportazzjoni u anke għall‑importazzjoni tagħna minħabba li timporta l‑inputs kollha tagħha.
Allura għalfejn noqogħdu nenfasizzaw in‑negattiviżmu? Lanqas il‑pożittiviżmu m'għandna nenfasizzaw. Meta s‑setturi tal‑manifattura jmorru tajjeb mhuwiex il‑każ li lil xi gvern tal‑bieraħ jew tal‑lum għandek teħodlu b'idejh għax ġab l‑ordnijiet tal‑esportazzjoni; dawk ikunu ġabuhom in‑nies li qegħdin joperaw f'dak il‑qasam. Imma dak il‑qasam sejjer tajjeb s'issa u m'għandniex noqogħdu nġibu s‑sħab iswed fejn m'hemmx sħab iswed. Bħalma bħalissa t‑turiżmu sejjer relattivament tajjeb u bħalma issa għandna daqsxejn ta' slow‑down fil‑konsum li kien ġenerat mill‑miżuri li ttieħdu mill‑Bank Ċentrali u fl‑aħħar estimi li ressaq il‑Gvern Nazzjonalista għax, skont ir‑reading tagħhom tal‑qagħda ekonomika, ħassew li hekk kellhom jagħmlu ‑ ma nagħtihomx tort jiena ‑ minħabba li kien hawn konsum għoli żżejjed li kien qed jaffettwa l‑prezzijiet u l‑bilanċ tal‑pagamenti. Allura hemmhekk għandna slow‑down aċċentwat anke minn affarijiet oħra u għandna s‑settur tal‑kostruzzjoni li qed jistenna biex ikun hawn impulsi ġodda ħalli jkun hawn xogħol ġdid wara li jonqos ix‑xogħol ewlieni li hawn in hand bħalissa, jiġifieri l‑proġett tal‑Hilton. Imma m'hawnx xi sitwazzjoni li noqogħdu ngħidu li s‑settur bankarju huwa l‑uniku settur li sejjer tajjeb! Mela għandna xi ħaġa fina, bħala poplu Malti, li rridu bilfors intellgħu sħab iswed fejn sħab iswed m'hemmx?! Problemi għandna u għandna biżżejjed. Ejja naffaċċjaw dawn il‑problemi u mhux noqogħdu noħolqu problemi oħra bi kliemna jew inkella naċċentwaw problemi li, jekk stess qegħdin hemmhekk, wieħed għandu jindirizzahom bis‑sens, b'oġġettività u bi flessibbilità imma ċertament mhux billi wieħed joqgħod ipinġihom agħar milli huma jew inkella jgħid affarijiet li jistgħu jiġu interpretati minn barranin bħala li l‑qagħda mhijiex dik li hi. Il‑qagħda hi dik li hi. Għandna d‑differenzi tagħna, imma għandna l‑qagħda li għandna u m'għandniex noqogħdu nagħmluha agħar milli hi għax jekk nagħmluha agħar milli hi f'dan il‑pajjiż se nispiċċaw bħall‑ġrajja ta' Sansun ‑ mhux għax aħna Sansun, imma lanqas aħna dgħajfa żżejjed ‑ kulħadd jimbotta l‑kolonni ħalli s‑saqaf jaqa' u jekk is‑saqaf jaqa' se jaqa' fuq kulħadd u mhux biss fuq naħa jew oħra.
Sur President, jien proprjament qomt biex nagħmel punt wieħed aktar milli biex nirreaġixxi għal dak li smajt, imma mbagħad la tisma' naturalment tirreaġixxi u issa naħseb li rreaġixxejt biżżejjed. Wara li l‑Ministru tal‑Finanzi u Kummerċ ressaq is‑Second Reading u nfetħet id‑diskussjoni, il‑kelliema tal‑Oppożizzjoni li jitkellmu fuq il‑qagħda finanzjarja u ekonomika għal darb'oħra marru fuq il‑pożizzjoni tagħhom li ma jridu jbiddluha b'xejn, li mhux veru li l‑Gvern Laburista wiret deficit, żbilanċ finanzjajru stutturali, jiġifieri żbilanċ li ġej mill‑qiegħ u mhux li jgħaddi malajr malajr u allura trid tagħmel affarijiet mill‑qiegħ nett, affarijiet iebsa biex tipprova ‑ nenfasizza "tipprova" ‑ tirranġah. Bilfors iridu jgħidu li mhux veru li kien jeżisti d‑deficit li ġie rivelat għall‑1996, imma dan ivvintah il‑Gvern Laburista u l‑Ministeru tal‑Finanzi, u jiena kont il‑Ministru tal‑Finanzi dak iż‑żmien. Din hija ħrafa, u hija ħrafa mhux għax lili tqegħedni f'xi dell ħażin ‑ ma tqegħedni f'dell ħażin assolutament xejn ‑ imma hija ħrafa perikoluża għax tkompli tipposponi ż‑żmien meta l‑pajjiż jiffaċċja r‑realtà li qiegħed jgħix fiha u jrid joħroġ minnha. Nimmaġina li kull wieħed minna f'din il‑Kamra għandu jkun kommess li jipprova joħorġu minnha. Hija ħrafa li noqogħdu ngħidu li mhux veru kien hemm żbilanċ finanzjarju, bħalma hija ħrafa ‑ ħalli issa ngħaqqad żmien ma' ieħor ‑ li biex jispjegaw l‑iżbilanċ finanzjarju tal‑1997, wieħed mill‑fatturi li jsemmu huwa li dak iż‑żmien kien qed jiġi ppjanat li jsir self lit‑Tarzna ħalli tkun tista' tħallas lura l‑arretrati tal‑income tax u tan‑national insurance u għalhekk kien hemm l‑iżbilanċ. Din il‑ħaġa kienet teknikament żbaljata għax is‑self ma torbtux bħala revenue u tgħid li se jnaqqaslek l‑iżbilanċ. Meta tissellef tissellef biex tpatti għal dak li tkun infaqt jew se tonfoq iżjed milli tkun daħħalt, u mhux biex tkun tista' tagħmel bihom li trid. Is‑self mhuwiex tiegħek imma trid tħallsu lura, mela mhux veru li huwa revenue f'sens finanzjarju u f'sens ekonomiku. Fl‑ebda dar is‑self ma jitqies bħala parti mill‑paga jew mid‑dħul tal‑familja! Self huwa self; hemm bżonnu imma self huwa self. Imma l‑membri tal‑Oppożizzjoni jużaw dan l‑argument biex jispjegaw id‑deficit li rriżulta għall‑1996, li kien tliet darbiet u nofs ta' dak li pproġettaw; qed nitkellem fuq l‑expenditure gap. Issa, proprju fi tmiem il‑ġimgħa, jaqilbu l‑argument rasu 'l isfel minn dak li kienu jgħidu fuq l‑1996 u anke minn dak li qalu, jew ma qalux, nhar il‑Ġimgħa stess fil‑Public Accounts Committee.
Fi tmiem il‑ġimgħa smajna lill‑kelliemi tal‑Oppożizzjoni fuq il‑finanzi jgħid li l‑iżbilanċ tal‑gvern mhux Lm125 miljun kellu jkun imma Lm150 miljun għax il‑Lm25 miljun li nġabru bħala self biex jingħataw lit‑Tarzna ħalli tkun tista' tħallas is‑social security arrears, l‑income tax arrears u parti mis‑self li kienet ħadet mingħand il‑banek, għandu jiżdied mal‑iżbilanċ tal‑gvern. Jiddispjaċini ngħid li meta nisma' affarijiet bħal dawn nibda nrodd is‑slaleb għax dan il‑punt iddiskutejnieh nhar il‑Ġimgħa, mhux fis‑saħna tal‑każini jew fis‑saħna tal‑pjazez fejn trid titkellem għan‑nies, u għalkemm min tkellem mhuwiex wieħed li jitkellem ħafna għall‑gallerija, meta jkollok in‑nies quddiemek u meta jkollok konsiderazzjonijiet politiċi wieħed forsi jara li jkun hemm dimensjoni li ma teżistix f'kumitat speċjalizzat tal‑Kamra bħalma hu l‑Public Accounts Committee.
Fuq dik il‑mejda tkellimna bħala nies li lkoll kemm aħna nafu sewwa x'aħna ngħidu. Mhux jiena biss ‑ u jiena naf x'jien ngħid fuq din u anke fuq l‑affarijiet l‑oħra għax kieku ma nafx x'jien ngħid ma nitkellimx ‑ imma anke l‑oħrajn jafu sewwa x'inhuma jgħidu; wieħed għandu esperjenza twila ekonomika, l‑ieħor b'esperjenza twila fil‑qasam finanzjarju fis‑settur privat u sħabi l‑oħrajn kollha li ċertament kienu jafu x'qed ngħidu. Hemmhekk wieħed min‑nies tekniċi li kellna quddiemna ħareġ bil‑punt li teknikament suppost li s‑self lit‑Tarzna biex jiffinanzja arretrati, li wara kollox inbnew matul il‑ħajja tal‑Gvern Nazzjonalista b'mod li ma messhomx inbnew ‑ mhux tort tal‑Gvern Nazzjonalista imma f'dak iż‑żmien inbnew, hu ta' min hu t‑tort ‑ kellu jiżdied mal‑iżbilanċ tas‑sena li għaddiet. Hemmhekk jiena għidtlu: Le, ma nkomplux ngħidu affarijiet li ma jorbtux ma' dak li qegħdin nipprovaw nagħmlu. Qegħdin nipprovaw naraw l‑iżbilanċ reali tal‑gvern u mhux dak li jkun fuq il‑kotba għax fuq il‑kotba tagħmel accounting mod imma f'sens ekonomiku tagħmel mod ieħor. U l‑argument spiċċa hemm; ħadd ma tkellem iżjed. Kulħadd kellu l‑libertà li jitkellem. Iċ‑chairman kellu l‑libertà li jitkellem għax hu jmexxi l‑Kumitat u l‑membri l‑oħra kollha kemm aħna kellna l‑libertà li nitkellmu; ma kellna xejn xi jżommna milli nkomplu għal siegħa jew sagħtejn oħra. Il‑Parlament dam sa wara nofs il‑lejl dakinhar, jiġifieri stajna komplejna bil‑laqgħa, imma fil‑fatt il‑laqgħa waqfet u ħadd ma tkellem iżjed. Imbagħad jiġi l‑Ħadd u l‑istess chairman imur f'każin lokali u jgħid ‑ għallinqas hekk ġie rrapportat għax jiena qed ngħid xi qrajt għax ma kontx fil‑każin ‑ li l‑iżbilanċ suppost li kien ta' Lm150 miljun u mhux Lm125 miljun kif kienu l‑estimi riveduti u mbagħad tnaqqas Lm22 miljun li kienu l‑varjazzjonijiet fid‑dħul u fil‑ħruġ fl‑aħħar erba' xhur tas‑sena.
Meta jgħidu dawn l‑affarijiet fil‑Parlament il‑politiċi ta' din Malta tagħna x'inhuma jipprovaw jagħmlu? Għaliex aħna għandna nipprovaw nifhmu x'inhi l‑qagħda reali u naraw xi problemi għandu l‑pajjiż u mhux noqogħdu nwaħħlu f'xulxin, li writniehom u li kabbarniehom. Il‑problemi qegħdin hemm, faqqsu kif faqqsu llum huma tagħna lkoll u għandna nipprovaw niffaċċjawhom. Imma flok nagħmlu hekk qisna lanqas irridu naqblu fuq x'inhi verament il‑qagħda. Lanqas għandna l‑impenn nazzjonali li ngħidu: Irrispettivament minn dak li nemmnu politikament, irrispettivament fejn ma naqblux politikament ma' xulxin ‑ hemm issues fejn naqblu, hemm issues fejn ma naqblux, ma jimportax ‑ ejja naraw x'hemm li jrid isir u nidentifikawh sewwa ħalli naraw kif l‑aħjar li nagħmluh. Imma lanqas dan m'aħna kapaċi nagħmlu u kemm hawn ġew u iżjed barra minn hawn ġew, noqogħdu ngħidu affarijiet li ma jorbtux mar‑realtà!
Jiena għidt li punt qasir ridt nagħmel u dan hu l‑punt li ridt nagħmel. Imma fuq l‑iżbilanċ tal‑1996 se nerġa' ngħidha, mhux għall‑aħħar darba għax kull darba li tqum nerġa' nqum u nirribatti dan il‑punt. Dak li ħareġ bħala kejl tal‑iżbilanċ tal‑1996 ma kien fih lanqas lira waħda barra minn postha! Tant hu hekk li qabel ma ħareġ il‑budget ‑ din għidtha hawn ġew u nerġa' ngħidha ‑ ċempilli xi ħadd u qalli: Għandna dħul ta' Lm0.25 miljun li ilna nistennewh ħafna u se jagħtuhulna l‑ġimgħa d‑dieħla, trid tħallih għall‑ġimgħa d‑dieħla ħalli jidħol fil‑budget li ġej? Jiena għidtlu: Le, dak huwa dħul dovut għall‑1996, ġibu malajr ħalli ndaħħluh fl‑1996.
Ħalli nagħmel l‑aħħar punt. Jekk se tibqa' sejra hekk din il‑biċċa tax‑xogħol se nagħmel proposta bir‑responsabbiltà kollha li tinvolvi lin‑nies li kienu responsabbli mill‑finanzi tal‑gvern u għadhom ħajjin. Sfortunatament, tista' tgħid li kollha m'għadhomx la fil‑gvern u lanqas fl‑amministrazzjoni.
Fl‑amministrazzjoni għad hemm wieħed jew tnejn għax l‑oħrajn laħqu rtiraw bl‑età. Min‑naħa tal‑gvern, għalkemm jiena m'iniex fil‑gvern, s'issa għadni nferfer u lsieni għadu jdur; ma nafx kemm se jdum imma s'issa għadni nferfer u lsieni beħsiebni nibqa' nferfru, ladarba mhuwiex imwaħħal, sakemm ikun hemm bżonn u sakemm inħoss li hekk huwa xieraq. Mela jiena qiegħed hawn bħalma qiegħed hawnhekk ukoll l‑ex‑prim ministru u l‑ex‑ministru tal‑finanzi li kienu jafu x'inhi l‑qagħda finanzjarja. Il‑bqija tal‑Kabinett ma kienx jafha. Jien tkellimt ma’ ex‑ministri oħra u naf li ma kenux jafuha. Jiena se nagħmel proposta. Ejja lkoll kemm aħna, l‑ex‑prim ministru, l‑ex‑ministru tal‑finanzi, jiena bħala l‑ex‑ministru tal‑finanzi li fassalt l‑ewwel budget tal‑Gvern Laburista, l‑uffiċjali ‑ issa jkollna ndaħħluhom lil dawn, mhux fil‑politika imma oġġettivament ‑ tal‑Ministeru tal‑Finanzi li għadhom hemmhekk, l‑uffiċjali tad‑Dipartiment tal‑Inland Revenue li għadhom hemmhekk, l‑uffiċjali tas‑Social Security Department li għadhom hemmhekk, l‑uffiċjali tat‑Teżor u l‑uffiċjali l‑oħra f'dawn id‑dipartimenti li m'għadhomx hemmhekk għax irtiraw imma għall‑grazzja t'Alla għadhom b'saħħithom u għadhom ħajjin, ejja lkoll nagħmlu dikjarazzjoni solenni ‑ ftit drammatika imma mhux melodrammatika ‑ maħlufa quddiem il‑qrati, affidavit għan‑nom tagħna nfusna individwalment, għas‑sodisfazzjon ta' dan il‑Parlament u għas‑sodisfazzjon tal‑poplu Malti kollu, ħalli darba għal dejjem jiġi stabbilit li dik il‑qagħda finanzjarja li wrejna meta ressaqna l‑estimi tal‑1997, il‑qagħda finanzjarja li allura tirrapporta x'irriżulta fl‑1996, kenitx veru jew le. Jien dan iddikjarajtu kemm‑il darba f'dan il‑Parlament u ħadd ma qalli li m'emminnix. Ikun hemm membri tal‑Oppożizzjoni li jikkwotaw ħafna dak li ngħid jien, u jistgħu jikkwotawh bil‑libertà kollha għax li ngħid jien ngħidu fil‑pubbliku. Jiena qatt ma ngħid: Ajma żaqqi qed tuġagħni għax għadni m'għidtx xi ħaġa! Jiena kollox ngħid fil‑pubbliku. Nikteb u nitkellem fil‑pubbliku. U la ngħidu fil‑pubbliku jistgħu jikkwotawh; jekk jgħawġuh, affari tagħhom! Jekk jikkwotawh b'mod selettiv, affari tagħhom, fuq il‑kuxjenza tagħhom u fuq il‑kredibbiltà tagħhom. Imma mbagħad ma jistgħux ikunu kredibbli magħhom infushom meta dak li ngħid jien jikkwotawh fuq is‑sistema ta' tassazzjoni u fuq x'għandna nagħmlu rigward l‑Unjoni Ewropea fiċ‑ċirkostanzi li qegħdin illum ‑ għax din ma tantx jagħtu kasha huma u ċerti nies oħrajn ‑ b'ċerta solennità u b'ċerta awtorità mhux qisu l‑Vanġelu ‑ għax evanġelisti erbgħa kien hawn u naħseb li ma twieled ħadd iżjed ‑ imma qisu xi appendiċi ċkejkna mal‑Vanġelu, u mbagħad meta bis‑solennità kollha u bla rabja u bla interess personali ngħid li l‑qagħda finanzjarja tal‑1996 kienet dik li ġiet ippubblikata, wiċċ imb'wiċċ ma jgħiduli xejn u barra minn hawnhekk joqogħdu jgħidu li mhux veru, li dik bagħbasnieha u vvintajnieha. Jiena għalhekk qiegħed ngħid dan, biex din naqtgħuha darba għal dejjem! Semmejthom in‑nies, lill‑amministraturi taċ‑Ċivil ma semmejtx b'isimhom. Naf eżatt għal min qiegħed ngħid imma ma semmejthomx b'isimhom għax jiena f'dan il‑Parlament qatt ma nsemmi ismijiet ta' nies li m'għandhomx x'jaqsmu ma' dan il‑Parlament. Dawn kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom u meta nsemmihom insemmihom biss fil‑kontest ta' xogħolhom, mhux f'xi kontest politiku. Ejja lkoll kemm aħna, hemm xi għaxra jew tnax‑il‑ruħ involuti, nagħmlu affidavit dwar x'kienet il‑qagħda finanzjarja meta spiċċa l‑Gvern Nazzjonalista, x'qalu lili malli dħalt fil‑Ministeru tal‑Finanzi u x'irrivelawli li kienet il‑qagħda finanzjarja, ħalli jiġi pprovat darba għal dejjem li l‑qagħda finanzjarja hija kif ġie dikjarat fil‑budget tal‑1997 għar‑rigward tal‑1996. U l‑Gvern Laburista fuq dak il‑kontest irid jaħdem u fuq dak il‑kontest irid jieħu miżuri fiskali biex jirranġa l‑budget deficit li wiret. Issa x'jiġri minn hemm 'il quddiem hija responsabblità ta' Gvern Laburista, imma minn wara l‑ewwel sena għax anke għall‑ewwel sena l‑qagħda kienet diġà pproġettata mill‑Gvern Nazzjonalista. Imma x'jiġri minn hemmhekk 'il quddiem hija responbsabbiltà tal‑Gvern Laburista. Però ma jistax ikun li wara għoxrin xahar in‑Nazzjonalisti għadhom iferfru ġwinħajhom u mill‑għaxwa ta' wara l‑elezzjoni issa jmorru fuq dawn il‑ħafna affarijiet u flok imorru fuq affarijiet rilevanti jibqgħu għal seduta wara oħra jgħidu li mhux veru ħallew dak li ħallew warajhom. Dak le! Dan li jdejjaqni jien. Dan li jxebbagħni u għalhekk qiegħed ngħid: Ejja nkunu rġiel, nagħmlu affidavit individwali, nippreżentawh lil dan il‑Parlament u noħorġuh għas‑sodisfazzjon tal‑poplu Malti kollu ħalli l‑poplu jkun jaf mhux min qiegħed jgħid il‑verità jew min qiegħed jigdeb ‑ il‑verità toħroġ weħidha ‑ imma x'kien il‑punto di partenza tal‑Gvern Laburista, x'kien l‑għeluq ta' Gvern Nazzjonalista u x'irid isir għall‑quddiem. Grazzi.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 202 tat-Tnax-il Leġislatura tad-19 ta' Novembru 2014
KONDOLJANZI
MR SPEAKER: Issa ngħaddu għall-Kondoljanzi tas-Sur Lino Spiteri, eks Membru Parlamentari u eks Ministru, li ġrat nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, 2014 fl-età ta’ 76 sena. Kif jaf kulħadd saret konswetudni f’dan il-Parlament li noħorġu ktejjeb għall-okkażjoni li tqassam lill-membri u lill-familjari tiegħu.
Il-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Sur President, illum il-Kamra qed issellem lis-Sur Lino Spiteri, wieħed mill-aqwa membri li qatt servew fil-Parlament fl-istorja demokratika ta’ pajjiżna. Naħseb li dan il-punt huwa rikonoxxut b’mod bipartisan, mill-ispettru kollu politiku għas-siwi, għall-konsistenza u għall-mod kif is-Sur Lino Spiteri ta kontribut fil-ħajja pubblika, speċjalment lil din il-Kamra.
Jien mhux se nkun qiegħed nidħol fil-partijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dak li għamel is-Sur Lino Spiteri fil-ħajja letterarja tiegħu jew fil-ħajja ġurnalistika tiegħu. Minflok se nkun qiegħed nipprova nidħol fuq l-element uman u l-element politiku. Ngħid għalija, lis-Sur Spiteri kont nafu l-ewwel minn barra bħala sempliċement spettatur, aktar tard meta kont jien stess nirrapporta minn dawk il-bankijiet dak li kien jgħid f’dan il-Parlament, aktar tard bħala membru attiv fil-Partit Laburista u aktar tard ukoll kemm bħala Mexxej tal-Partit Laburista u issa bħala Prim Ministru. Wieħed kien ikun irid ikun jaf dak li jgħid is-Sur Lino Spiteri għax kien kapaċi jgħidlek dak li nies oħrajn mhux dejjem ikollhom il-kuraġġ li jgħidulek. Naħseb li parti mill-problema li għandna aħna l-politiċi hija li mhux dejjem insibu nies li huma lesti biżżejjed li jgħidulek l-opinjoni vera tagħhom u jispiċċaw jgħidulek dak li jaħsbu li inti trid tisma’ aktar milli verament dak li jaħsbu huma. Is-Sur Lino Spiteri ma kellux din il-problema. Għalhekk għalija, l-ewwel wieħed, kien bniedem li kont infittex ħafna l-fehmiet tiegħu, kemm fil-ħafna affarijiet li konna naqblu dwarhom kif ukoll fil-punti l-oħrajn li ma konniex naqblu dwarhom.
Ngħid għalija, waħda mill-aktar affarijiet li impressjonatni f’dawn il-livelli kollha li kont naf lis-Sur Spiteri – qed insejjaħlu Sur Spiteri b’rispett u ma naħsibx li nista’ nsejjaħlu mod ieħor – li kien wieħed minn dawk in-nies li għalija kien importanti, fil-familja politika li mmexxi jien illum il-ġurnata, kienet li kien irnexxielu jagħmel biċċa xogħol li forsi għal dak iż-żmien kienet diffiċli; dik li jżewweġ il-ftehim jew l-understanding tad-dinja tan-negozju mal-prinċipji soċjalisti demokratiċi. Illum il-ġurnata, minn żmien għal ieħor, fuq il-mezzi tax-xandir, kemm lokali kif ukoll barranin, kif ukoll fit-teorija tal-kotba, wieħed isib li ż-żewġ linji ta’ ħsieb, jiġifieri l-ħsieb soċjal demokratiku u li tkun ħabib tan-negozju huma żewġ affarijiet li jikkontradixxu lil xulxin. Iż-żmien meta s-Sur Spiteri kien attiv fl-eqqel tal-battajla politika kien ferm aktar diffiċli.
Madanakollu rnexxielu jagħmel dan b’mod li filwaqt li kien advocate u difensur b’saħħtu ħafna ta’ dak kollu li jagħmel sens għan-negozju, għax kien jemmen li dak li huwa tajjeb għan-negozju fl-aħħar mill-aħħar isarraf għal postijiet tax-xogħol aħjar u għal dak li qegħdin hawnhekk għalih aħna, jiġifieri l-ġid tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, qatt ma ttradixxa l-prinċipji bażilari li fuqhom huwa mibni l-ħsieb soċjal demokratiku. Nista’ ngħid li kien wieħed mill-aktar, jekk mhux l-aktar, predeċessur li rnexxielu jżewweġ - żgur min-naħa politika minn fejn ġej jien - dawn iż-żewġ tipi ta’ kurrenti. Naħseb li mil-lat politiku għandu jibqa’ msemmi bħala wieħed mill-awturi ta’ waħda mill-isbaħ affarijiet li għandna fil-qasam finanzjarju u ekonomiku f’pajjiżna: il-kompromess u l-ftehim li jkun hemm kunsens fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Il-kobor li tagħmel kunsens ikun ġej l-aktar meta ma tkunx qiegħed fil-poter. Mill-istorja kif nafha jien - ovvjament forsi kulħadd jafha b’mod differenti - il-kunsens li kien inbena bejn is-Sur Spiteri u oħrajn min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, fosthom is-Sur John Dalli meta nbeda l-konċett tas-servizzi finanzjarji f’Malta - forsi megħjun ukoll mill-fatt li t-tnejn huma mill-istess post, jiġifieri minn Ħal Qormi - għen mhux ftit biex ikollna waħda mill-aqwa għodod li għandha l-ekonomija tagħna; li tkun attraenti għal qasam li llum il-ġurnata huwa kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Xi kultant meta nkun qed nitkellem ma’ persuni li jkunu ġejjin minn barra u ngħidilhom dwar il-kunsens li jeżisti f’pajjiżna dwar il-qasam tas-servizzi finanzjarji, forsi ma jeħdukx bis-serjetà mill-ewwel u jgħidulek li dejjem ikun hemm dawk il-vuċijiet dissidenti. Imbagħad ngħidilhom stat ta’ fatt li jitkellem ferm aktar minn elf kelma; li f’dan il-Parlament qatt ma kien hemm vot wieħed kontra xi liġi tas-servizzi finanzjarji, imqar mill-Oppożizzjoni jew minn membru individwali wieħed ta’ din il-Kamra. Dik hija vittorja kbira għall-qasam tat-tmexxija ekonomika tagħna, li forsi aħna, għax inkunu medhijin fil-battalja politika ta’ xulxin, ma nitkellmux biżżejjed dwarha. Fl-istorja ta’ dan il-Parlament, safejn naf jien - u ma jidhirlix li jien żbaljat - qatt ma kien hemm każ fejn imqar membru wieħed ta’ din il-Kamra vvota kontra xi liġi li għandha x’taqsam mal-iffaċilitar tas-servizzi finanzjarji. Is-Sur Lino Spiteri kien wieħed mill-arkitetti ta’ dan kollu. L-aktar pass diffiċli jkun il-bidu nett.
Nistqarr li waħda mill-affarijiet li l-aktar li taffaxxinani personalment dwar is-Sur Lino Spiteri hija li filwaqt li kien politiku, kellu ħajja wara l-politika. Din kienet xi ħaġa li niftakru jgħidli ftit tas-snin ilu. Niftakar li kien qalli: Torbotx ħajtek kollha mal-politika u ladarba tispiċċa mill-politika - għax xi darba tispiċċa - ma jridx jibqagħlek vojt f’ħajtek. Il-politika trid tkun fażi ta’ ħajja ta’ bniedem, imbagħad bniedem irid jimxi għal fażijiet oħrajn. Fil-fatt is-Sur Lino Spiteri spiċċa minn din il-Kamra fl-1998 imma baqa’ relevanti għas-soċjetà Maltija, baqa’ attiv, imma baqa’ kuntent, kif narah jien, jekk ma sarx anke aktar kuntent wara li spiċċa minn din il-Kamra u akkwista ċerta libertà ta’ ħsieb aktar milli forsi qatt kellu. Ir-relevanza tiegħu għoliet għal livelli ta’ rispett mill-ogħla nett. Naħseb li dik hija tagħlima li jien ngħożż għax filwaqt li l-ħajja tagħna hija ċċentrata fil-battalja politika, u forsi aħna kuljum nieklu, nixorbu u nieħdu n-nifs bil-politika, hemm ħafna aktar għall-ħajja. Hemm ħafna affarijiet li forsi huma aktar interessanti minn dak li qegħdin nagħmlu aħna.
Waħda mill-aktar affarijiet interessanti li kien jagħmel is-Sur Spiteri f’dawn l-aħħar snin kien bħala Chairman tal-Inspire, fejn daħħal dedikazzjoni biex flimkien ma’ bord li kien pjuttost high powered, irnexxielu, flimkien ma’ grupp ta’ nies oħrajn, jagħti l-ħajja u jixpruna lil din l-organizzazzjoni u permezz tan-network tiegħu jwassalha fejn ikun hemm bżonn li tasal. Dan għamlu wkoll fid-dawl tar-Rapport Spiteri li kien rapport ikkummissjonat, jekk m’iniex sejjer żball, mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li kien immirat lejn kif għandna nibdew inħarsu b’mod wiesa’ lejn il-qasam tas-servizzi soċjali imma b’mod imbagħad iffokat fuq il-qasam tal-persuni b’diżabilità. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien u l-Gvern preżenti pprovaw jimxu warajh minkejja li din hija xi ħaġa diffiċilissima, imma huwa punt interessanti li aktar milli jkun il-Gvern li jipprovdi servizz li mbagħad kulħadd irid joqgħod għalih, il-Gvern għandu jipprovdi dak ir-riżors, forma ta’ flus, jagħtih lill-persuna b’diżabilità, imbagħad il-persuna b’diżabilità jew min ikun qiegħed jgħinha, jiddeċiedi kif l-aħjar li tonfoq dak il-baġit allokat għaliha permezz ta’ shopping around. Ovvjament hemm difetti f’dak il-ħsieb għax imbagħad ma tistax tispiċċa f’sitwazzjoni fejn minflok li jkollok - kif xi kultant ikollna hawn Malta u għandna vizzju li jkollna - għaqdiet differenti jikkumplimentaw lil xulxin, ikollna kompetizzjoni bir-riżorsi limitati li jkollna. Imma dik hija xi ħaġa li fil-fehma tiegħi tista’ tiġi regolata. Imma l-punt ta’ partenza u l-punt filosofiku importanti kien li mhux il-Gvern jiddeċiedi għal persuna b’diżabilità imma li l-persuna b’diżabilità tiddeċiedi għaliha nnifisha. Fil-fehma tiegħi, dak kien kontribut enormi.
Ara kemm ngħidu dwar x’qal, x’kiteb u x’ħaseb is-Sur Spiteri fir-rigward tal-ekonomija u fir-rigward tal-finanzi. Fil-fatt jien rajtha ironija kbira li l-funeral tiegħu sar fil-ġurnata tal-Baġit fejn il-Maltin u l-Għawdxin, ta’ kwalunkwe fehma politika, kienu jistennew il-minuta biex jaraw x’għandu xi jgħid is-Sur Lino Spiteri. Imma lil hinn mill-ħsebijiet u l-kontribut fil-qasam finanzjarju u ekonomiku, dan il-kontribut li ta għall-qasam tal-persuni b’diżabilità, fil-fehma tiegħi, jibqa’ l-milestone il-kbir, il-wirt il-kbir, it-testment il-kbir, li nkunu nistgħu nerfgħu.
Ovvjament is-Sur Spiteri ġej minn dik il-ġenerazzjoni li għamlet għażliet politiċi fi żmien fejn ma kienx faċli li tagħmilhom. Jien m’iniex se noqgħod niftaħ feriti għax naħseb li feriti li ngħalqu jew li nittama li ngħalqu m’għandniex inkunu aħna l-ewwel nies li niftħuhom. Is-snin sittin ma kenux żmenijiet faċli, speċjalment għal min, minħabba l-għażla politika tiegħu, kellu jsofri personalment, saħansitra kellu jsofri anke fl-isbaħ jum ta’ ħajja ta’ bniedem, jiġifieri meta jiżżewweġ għax ma setax jagħmel l-affarijiet kif kienet in-norma fis-soċjetà. Naħseb li l-mod kif he came to terms with it, anke wara ż-żmien, u kif kien jitkellem b’serenità u mingħajr qrusa - bħala fatt storiku –fuq dak li ġara lilu u lil numru ta’ nies oħrajn li kienu attivi fil-Partit Laburista ... Is-Sur Lino Spiteri kien jitkellem dwar dan bħala parti minn xi ħaġa li għaġnitu f’dak li sar. Naħseb li bniedem irridu niftakruh l-aktar kif niftakruh issa. Issa niftakruh bħala bniedem rispettat mill-ispettru politiku kollu, irrispettivament minn min aħna jew minn fejn ġejjin. Nafu li kien analista forsi skomdu tas-sitwazzjonijiet, li mhux dejjem tkun taf biex ħiereġ. Is-Sur Lino Spiteri ma kienx bniedem prevedibbli. Wieħed ma kienx ikun jaf x’se jgħid jew jikteb is-Sur Lino Spiteri l-Ħadd ta’ wara għax għandu l-analiżi tiegħu, no strings attached, u mingħjar dwejjaq. Ġieli kien iċempilli wara jew qabel ma jikteb xi ħaġa fil-gazzetta u jgħidli: Jiddispjaċini, se nikkritikak għax ma naqbilx miegħek fuq it-tali affarijiet. Din mhijiex problema. Din kien jagħmilha b’sens li jħoss li għandu jagħmel hekk. Naħseb li dak huwa breed ta’ politiku li dak it-trait fih għandna nammirawh u bla dubju ta’ xejn inħeġġuh; filwaqt li wieħed irid jirrispetta l-ideali tiegħu, irid jirrispetta l-mandat elettorali.
Issa la għedt biċċa mill-istorja rrid ngħid il-biċċa l-oħra wkoll. F’din il-Kamra s-Sur Lino Spiteri spiċċa ftit bil-banda fi żmien li ma tantx kien sabiħ għal dan il-partit. Dak iż-żmien konna f’dawn il-bankijiet ukoll imma l-mandat elettorali tiegħu dejjem mexa miegħu, sal-aħħar vot! Dejjem żamm mal-prinċipji tiegħu filwaqt li żamm il-libertà ta’ ħsieb tiegħu anzi fil-verità tatu aktar kredibilità biex iżomm dik il-libertà ta’ ħsieb. Għalhekk min-naħa tal-Gvern u min-naħa tal-Partit Laburista - ippermettuli nitkellem politikament - nagħti l-kondoljanzi tiegħi, tal-familja tiegħi, tal-Gvern u tal-Partit Laburista lil martu, lil uliedu u lill-familja kollha. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, l-Oppożizzjoni wkoll tixtieq tingħaqad mal-kumplament tal-Kamra fil-kondoljanzi lill-familja ta’ Lino Spiteri. L-Oppożizzjoni trid issellem u tesprimi r-rispett tagħha lejn il-figura u l-personalità ta’ Lino Spiteri. Meta taħseb fuq Lino Spiteri tiġik f’moħħok il-kelma “diversità” għax kien personalità li kienet imżewqa b’ħafna affarijiet. Lino Spiteri kellu rwoli differenti li għex, lagħab f’ħajtu u li m’għandix dubju li gawda.
Għaldaqstant Lino Spiteri jfakkarni fiż-żgħażagħ għax kien ferm żagħżugħ meta daħal f’din il-Kamra għall-ewwel darba bħala Membru tal-Parlament. Fil-fatt kellu biss 23 sena. Huwa persuna li b’dak li għamel u b’dak li sarraf għandu jibgħat messaġġ liż-żgħażagħ dwar l-importanza li huma wkoll jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika u fil-ħajja politika.
Lino Spiteri kien il-ġurnalist politiku u l-opinjonista politiku li tant nafuh u li tant segwejnieh fil-gazzetti, fil-media u riċentement matul dawn l-aħħar snin, fil-ġurnal The Times, bil-kontribuzzjonijiet tiegħu li dejjem qanqlu diskussjoni u li kienu segwiti b’interess mhux minn partit wieħed imma minn kulħadd.
Lino Spiteri tan-novelli, tar-rumanzi, li kellu kontribut siewi u ta’ livell għoli fil-letteratura Maltija u allura fil-kultura ta’ pajjiżna.
Lino Spiteri l-persuna b’diżabilità. Minkejja d-diżabilità evidenti tiegħu kien għaraf jagħmel id-diżabilità tiegħu inviżibbli għax għaraf imur lil hinn u jkisser il-fruntieri li persuna b’diżabilità jista’ jkollha. Hu mar lil hinn, irnexxielu jegħleb id-diżabilità u jidher quddiem kulħadd bħala persuna b’kontribut mhux biss fil-qasam tad-diżabilità imma f’bosta oqsma oħrajn.
Lino Spiteri l-ekonomista li ta kontribut fil-ħajja ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna.
Lino Spiteri l-politiku li, f’isem l-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, irrid ngħid li għalina kien avversarju politiku formidabbli imma nżid ngħid li kien avversarju politiku korrett. Qatt ma ħassejna li Lino Spiteri, li kien avversarju politiku, niżel għal livell politiku li wieħed ma setax jaċċetta. Mingħand Lino Spiteri ma kontx tisma’ tgħajjir personali u għaldaqstant huwa avversarju politiku korrett.
Lino Spiteri l-membru parlamentari li, kif qal tajjeb il-Prim Ministru, ħalla ismu marbut mal-kunsens li ntlaħaq f’din il-Kamra madwar il-pakkett kbir ta’ liġijiet li pajjiżna għamel u li din il-Kamra għamlet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li żviluppa f’wieħed mill-oqsma ekonomiċi l-aktar importanti ta’ pajjiżna matul dawn l-aħħar 20 sena. Dan il-qasam żviluppa b’dan il-mod tant qawwi preċiżament għax kellu warajh is-saħħa qawwija ta’ kunsens politiku li responsabbli għalih kien il-Gvern ta’ dak iż-żmien imma bla dubju wkoll tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien. L-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien kien jitkellem f’isimha Lino Spiteri.
Lino Spiteri bħala membru parlamentari rabat ismu wkoll mal-konċett ta’ moralità fiskali u ta kontribut ukoll fuq dan is-suġġett mil-lat morali tiegħu. Lino Spiteri, fuq kollox, bħala Ministru tal-Finanzi, ministru li ressaq żewġ budgets f’din il-Kamra; wieħed fl-1983 u ieħor fl-1997 imma bejn budget u ieħor Lino Spiteri kien għaraf jagħmel trasformazzjoni ekonomika kbira u għaraf jadatta ruħu minn ekonomija fejn kien hemm il-kontroll ekonomiku mill-Istat għal ekonomija aktar miftuħa, aktar liberali u aktar adattata għaż-żmenijiet ta’ dak iż-żmien, wara li kienu għaddew 14-il sena.
Lino Spiteri l-Ministru rriżenja wkoll u allura m’hemmx dubju li wieħed għandu jsellem il-kuraġġ politiku ta’ persuna li ffaċċjat sitwazzjoni li wasslitha għar-riżenja mhux għal raġunijiet ta’ kontroversja, mhux għal raġunijiet ta’ skandlu imma għal raġunijiet ta’ dak li kien jemmen fih. Issa ejja ngħidu l-verità. Ftit huma dawk il-politiċi li jagħrfu jirriżenjaw għal dak li jemmnu fih. Lino Spiteri kien irriżenja għax ma kienx qabel mal-Gvern tiegħu stess dwar żewġ suġġetti; il-qalba mill-VAT għas-CET u, aktar importanti, id-deċiżjoni dwar jekk pajjiżna għandux jissieħeb jew le fl-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ raġunijiet, dawn iż-żewġ fatturi, kienu wassluh biex jagħmel eżami tal-kuxjenza tiegħu u jasal għall-konklużjoni li għax ma kienx jaqbel mal-Gvern tiegħu stess fuq dawn iż-żewġ punti, jirriżenja minflok ma jkompli miexi kontra qalbu.
Irrid ngħid, anke fuq bażi personali, li jien li dak iż-żmien ma kontx involut direttament fil-politika, kont insegwi mill-qrib dak li għadda minnu Lino Spiteri. Fil-fatt kont ktibtlu personalment wara r-riżenja tiegħu biex insellimlu personalment għal dak li jien kont inħoss li kien kuraġġ politiku kbir biex tasal għal dik id-deċiżjoni. Irrid ngħid li Lino Spiteri kien weġibni, kien kitibli u kont apprezzajt immens it-tweġiba tiegħu.
Għaldaqstant, f’isem l-Oppożizzjoni, ma niddejjaq xejn ngħid li, iva, Lino Spiteri għandu sehem importanti. Kellu sehem importanti fid-deċiżjoni biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Mhux ta’ b’xejn li l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, anke b’rikonoxximent ta’ dan, kien offra lil Lino Spiteri l-kariga ta’ membru Malti fil-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fl-2004, kariga li Lino Spiteri m’aċċettax kif kellu kull libertà li jagħmel.
Nagħlaq billi ngħid li għall-Oppożizzjoni u għall-Partit Nazzjonalista, Lino Spiteri kien bniedem xempju ta’ kontribut divers fis-soċjetà Maltija u bniedem ta’ ħafna lwien sbieħ. Għalhekk aħna wkoll insellmu lil Lino Spiteri u naħsbu f’dawk li matul ħajtu ħadu ħsiebu, b’mod speċjali l-familja tiegħu li nagħtihom il-kondoljanzi tiegħi. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Irrid ngħid li jien ukoll kelli x-xorti li nkun naf lis-Sur Lino Spiteri mill-viċin wara li, kif semma l-Kap tal-Oppożizzjoni, kien irriżenja minn Ministru. Fil-fatt meta kien irriżenja minn Ministru kien ipoġġi ħdejja, fuq dik in-naħa tal-Kamra, fejn bħalissa hemm l-Onor. Justyne Caruana. Hemmhekk kelli x-xorti li nkun nafu mill-viċin. Ovvjament ma konniex naqblu fuq kollox però kien persuna li kien jinstiga dibattitu matur ħafna f’dak il-perjodu diffiċli li semma l-Prim Ministru, jiġifieri fil-leġiżlatura ta’ bejn l-1996 u l-1998.
Irrid ngħid li waħda mill-affarijiet li kont nammira fil-karattru tas-Sur Lino Spiteri ħarġet f’wieħed mid-diskorsi ppubblikati f’dan il-fuljett, proprju l-aħħar diskors tiegħu f’Mejju tal-1998 meta kien – naħseb li dik kienet l-unika darba li ħaġa bħal dik qatt saret f’din il-Kamra – sfida Membri responsabbli f’din il-Kamra biex il-verità jgħiduha permezz ta’ affidavit li jiġi ppubblikat u depożitat f’din il-Kamra. Hemmhekk ammirajtu għall-kuraġġ li kellu.
Irrid ngħid ukoll li kelli okkażjonijiet niltaqa’ miegħu fil-privat, kemm dak iż-żmien kif ukoll wara, fejn urejna rispett lejn xulxin u bqajna nirrispettaw lil xulxin anke forsi mill-bogħod permezz ta’ persuna li kienet komuni miegħi u miegħu, li rajtha wkoll fil-funeral tiegħu. Hawnhekk qed nirreferi għal persuna magħrufa bħala Anġlu l-Aħmar li kien dejjem mas-Sur Lino Spiteri u li kien ukoll viċin tiegħi u ta’ missieri, Alla jaħfirlu. L-aħħar li tkellimt miegħu kien meta talabni kopja tal-ewwel pubblikazzjoni li saret mis-Sedja dwar ir-rulings tal-Parlament, li ovvjament bgħatthielu, jiġifieri baqa’ viċin biex jara l-ħajja parlamentari f’dan il-perjodu.
Hawnhekk ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tas-Sur Lino Spiteri li bi pjaċir ngħid li wħud minnhom qegħdin preżenti hawnhekk. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear).
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 15.02.1982 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Sworn in as
Minister of Finance
- 19.12.1981
Ceased: 01.09.1983 |
Sworn in as Minister for Economic Planning and Commerce - 02.09.1983 |
Dissolution of Parliament: 13.02.1987 |
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |
Elected on: | 29.10.1996 |
Oath of Allegiance: | 05.12.1996 |
Dissolution of Parliament: | 03.08.1998 |
Sworn in as Minister for Economic Affairs and Finance - 29.10.1996 |
Dissolution of Parliament: 03.08.1998 |