Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Michael Angelo Refalo

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ MICHAEL REFALO FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

25 ta' Frar 1936 – 3 ta’ Frar 2015

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn is-17 ta' Ġunju 1971 u l-10 ta' Marzu 2003

Michael Refalo

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ MICHAEL REFALO FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 7 TAL-31 TA’ AWWISSU 1971 IT-TIELET LEĠIŻLATURA L-EWWEL SESSJONI

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L ATT DWAR IL-BANK ĊENTRALI TA’ MALTA (EMENDA NRU 2)

MR SPEAKER: Any more remarks?

ONOR. DR M. A. REFALO: Mr Speaker, jiena għadni kif smajt lil kelliema kemm tan‑naħa tal‑Gvern, kemm tan‑naħa tal‑Oppożizzjoni u nikkondividi kompletament mal‑Onor. Dr Felice l‑opinjoni tiegħi dwar il‑benefiċjenza u l‑mod aħjar kif jista’ jinqasam il‑coinage hawn Malta. Ċertament naqbel mal‑kelliemi ta’ qabli, mal‑Onor. Dr Brincat, meta ngħid li aħna jkollna bilfors infixxklu lin‑nies meta nitkellmu fuq in‑nofs, tliet karnijiet u l‑kwart ta’ tliet karnijiet. L‑Onor. Dr Brincat irid jifhem sew x’qal Dr Felice. X’qal Dr Felice? Dr Felice kien qiegħed jgħid għaliex ma nsejħulux sold, sold Malti, mhux lis‑sold li għandna llum. L‑Ingliżi sejħulu new penny; aħna forsi nsejħulu sold Malti jew xi ħaġa oħra, imma viċin għas‑sold u allura tiġi sitt ħabbiet u kwart ta’ sold. Jiġifieri l‑komplikazzjonijiet li qed jara l‑Onor. Dr Brincat fil‑futur f’moħħ il‑poplu, ċertament li jkunu iżjed komplikati u jekk il‑kwestjoni tkun imqassmha f’eluf, l‑eluf jistgħu jħawdu lin‑nies aktar milli jekk il‑kwestjoni tkun limitata għall‑mija u nofs is‑sold u kwart tas‑sold.

Jiena illum xtaqt nitkellem mil‑lat tal‑konsumatur mhux mil‑lat teoriku, mil‑lat tal‑istudjuż. U bħala konsumatur, bħala bniedem li juża l‑flus, bħala bniedem sempliċi tat‑triq, inkun irrid min jedukani rigward it‑trasformazzjoni mis‑sistema monetarja li għandna llum għal dik is‑sistema monetarja li jkollna għada. Għalhekk il‑Gvern, apparti minn dawk il‑mezzi li semma l‑Ministru tal‑Finanzi, apparti mill‑iskejjel għat‑tfal żgħar stess, mill‑istudenti żgħar, jiena nħoss li għandu jibda jdaħħal din is‑sistema kemm fit‑textbooks kif ukoll b’mod ieħor, b’lezzjonijiet extra, biex jgħallimhom kif ser tkun il‑conversion mis‑sistema tal‑lum għas‑sistema ta’ għada. Inħoss ukoll li l‑Gvern għandu jlesti mod kif l‑adulti stess, il‑mara tad‑dar, u kulħadd, ikollu l‑opportunità li jisma’ u jitgħallem fuq dil-conversion.

It‑television u r‑Rediffusion illum huma żewġ media li bihom nistgħu nxerrdu t‑tagħlim u anke b’hekk nistgħu aħna ngħallmu lill‑poplu; però l‑anqas dan ma nħoss li hu biżżejjed. Forsi ‘l quddiem il‑Gvern jista’ jorganizza xi ħaġa bħal skejjel ta’ bil‑lejl, jew skejjel ta’ filgħaxija, fejn min hu interessat ikun jista’ jattendi, fejn bniedem imur jara kif is‑sold tal‑lum jista’ jiswa s‑cent jew is‑sold Malti ta’ għada, fejn mil ta’ għada, jew il‑kwart ta’ sold, jew is‑sitt ħabbiet ta’ għada, tiswa daqs is‑sitt ħabbiet tal‑lum u daqs il-kwart tas‑sold tal‑lum. Apparti minn dak li għidt, jiena nixtieq ukoll li l‑Gvern, meta jibda jintroduċi s‑sistema deċimali, ma jintroduċihiex ħesrem. Ħadt pjaċir nisma’ lill‑Ministru jgħid li ser ikun hemm żmien meta l‑munita tal‑lum u l‑munita ta’ għada jkunu konkom­itanti, ser inkunu nistgħu nużawhom it‑tnejn. Però jekk aħna naraw x’għamlu pajjiżi barranin li daħlu s‑sistema deċimali, insibu wkoll li huma bdew jintroduċu parti parti sistema ta’ munita. Jekk naraw is‑sistema Ingliża nsibu illi dawn l‑ewwel daħħlu x‑xelin, imbagħad iż‑żewġ xelini u mbagħad neħħew is‑sixpence u daħħlu n‑new pence. U anke fuq il‑50 cent piece kollox jidħol bil‑mod. B’hekk waqt li tneħħi miċ‑ċirkolazzjoni mod ta’ munita inti qiegħed iddaħħal oħra, għaliex jekk iddaħħal kollox f’daqqa u żżomm iż‑żewġ sistemi kollha f’daqqa fl‑istess ħin, jista’ jkollok konfużjoni kbira. Jekk illum nirtira n‑notes tan‑nofs lira u minflokhom indaħħal il‑coin jew note tal‑50 cents, jiena lil poplu ma nfixklux għaliex nagħtih dak il‑perjodu ta’ żmien fejn ikun jista’ jidra li dik il‑munita l‑ġdida, dik in‑note il‑ġdida, tkun issarraf daqs dik li kelli qabel. U hawnhekk nixtieq nagħmel riflessjoni dwar l‑inkwiet li kien hemm l‑Ingilterra fuq l‑assimiljanza li kien hemm bejn iż‑żewġ xelini u n‑nofs lira bil‑munita l‑ġdida Ingliża. Kemm jista’ jkun, il‑Gvern irid jara illi jkun hemm differenza kbira għaliex aħna forsi ngħidu li ma rridux ngħollu l‑ħajja imma l‑mara tad‑dar faċli li tieħu żball u lil tal‑ħanut minflok tagħtih żewġ xelini tagħtih nofs lira. Tal‑ħwienet, xi drabi ma jagħtukx il‑bqija tajjeb u dawn l-iżbalji jistgħu jsiru ta’ spiss speċjalment waqt li jkun hemm il‑conversion tal‑currency. U allura jiena nħoss li l‑Gvern għandu jagħmel differenza kbira, differenza li tinħass kemm fit‑toqol u kemm fil‑mod tal‑forma tal‑munita biex bejn iż‑żewġ xelini u n‑nofs lira l‑ġdida jkun hemm differenza u l‑mara tad‑dar u l‑konsumatur żgur ma jagħmlux żbalji u jsibu d‑diffikultà. Kif allura jiġu introdotti man mano dawn il‑muniti l‑ġodda, il‑poplu stess li qabel ikun diġà edukat permezz ta’ campaign minn fuq it‑television, minn fuq ir‑radio, mill‑iskejjel u minn dis­kursati kif qal il‑Ministru fil‑pjazza, jibda jidra bil‑mod, bil‑prattika, bl‑użu tagħhom, l‑istess muniti, u l‑conversion mill-currency tal‑lum għall‑currency t’għada timxi mingħajr inkwiet. Il‑pajjiżi li qalbu minn sistema ta’ currency għal oħra, kollha ħasbu li kien se jkollhom ħafna inkwiet meta jaqilbu min-naħa għall‑oħra għaliex in‑nies ma jkunux draw il‑currency l‑ġdida. Però hija ħaġa magħrufa illi jekk bil‑mod, jekk il‑currency il‑ġdida tiġi introdotta bi spjegazzjoni, dawn id‑diffikultajiet ma jsirux; dawn id‑diffikultajiet ma jinstabux.

Biex nikkonkludi, jiena smajt lill‑Onor. Dr DeMarco jistaqsi x’beħsiebu jagħmel il‑Gvern dwar il‑makni tal‑għadd, dwar il‑cash registers. Jiena hawnhekk inħoss li nikkondividi mal‑opinjoni tiegħu, li jekk il‑Gvern sejjer idaħħal din is‑sistema ftit malajr, ftit iżjed minn antiċipata, allura naraw jekk il‑Gvern, kif qal il‑Ministru stess, jistax b’xi mod jew ieħor jgħin lil dawn in‑nies biex jikkonvertu l‑makkinarju li għandhom.

Dwar il‑kwestjoni kollha nara li hemm ħafna sens f’dak li qal il‑ħabib tiegħi l‑Onor. Dr Felice qabel għaliex iżjed ma tissimplifika l‑metodu, iżjed faċli li l‑mara tad‑dar, li l‑konsumatur komuni, ikun jista’ jaqbdu. U għalhekk, Mr Speaker, nagħlaq din l‑ewwel darba li tkellimt hawnhekk, billi nendorsja dak li qal Dr Felice fit‑teorija.

Condolences (25 Feb 1936 - 3 Feb 2015)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 239 tat-Tnax-il Leġislatura tas-17 ta' Frar 2015

KONDOLJANZI

ONOR. EVARIST BARTOLO: Sur President, f’isem il-Gvern insellem lil Dr Michael Refalo. Jien u hu konna nikkontestaw fuq distretti li kien fihom lokalitajiet simili, u matul dawn l-aħħar 23 sena kont sirt nafu mhux ħażin permezz ta’ ħidma li għamilna flimkien.

Dr Refalo daħal fil-politika ferm qabel ma dħalt jien fl-1992. Kien persuna pjuttost attiva. Fil-fatt, ta’ 20 sena, meta kien għadu student l-Università, kien diġà laħaq President tal-Kunsill li dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti fejn kien serva mill-1956 sal-1961. Eżatt wara, imbagħad, kien daħal fil-politika u sar membru tal-Partit Nazzjonalista, u baqa’ jagħti sehmu għal snin twal. Fl-età ta’ 35 sena mbagħad, jiġifieri fl-1971, sar Membru Parlamentari u serva lill-pajjiż għal 32 sena sħaħ. Fil-fatt, ikkontesta għaxar elezzjonijiet.

Lil Dr Refalo wieħed jista’ jsellimlu għal ħafna aspetti differenti tal-personalità tiegħu. Wieħed jista’ jsellimlu bħala bniedem tal-familja, bħala bniedem fil-politika, u anke bħala bniedem fil-qasam tal-ġurnaliżmu. Fl-1992 kien l-editur tal-ġurnal il-Mument, u mhux biss ħareġ eluf ta’ editorjali, imma anke kiteb artikli biex jirrakkonta u jikkummenta fuq dak li kien ikun għaddej fil-pajjiż.

Is-sens ta’ storja tiegħu naħseb narawh ukoll fil-biċċa xogħol kbira li għamel meta qaleb għall-Ingliż ix-xogħlijiet ta’ Dr Herbert Ganado. Qed nirreferi għall-ktieb Rajt Malta tinbidel, li mbagħad ippubblikahom bl-Ingliż bħala My Century. Naħseb kien bix-xieraq li Dr Refalo jagħmel hekk għaliex ħajtu kienet minsuġa mal-istorja Maltija, u ħa sehem b’dedikazzjoni u b’impenn serju fil-ġrajjiet ewlenin ta’ pajjiżna.

Dr Refalo, bejn l-1987 u l-2003, serva f’diversi oqsma, fosthom it-turiżmu, il-qasam taż-żgħażagħ, il-qasam tal-arti u l-qasam tal-ġustizzja. Imbagħad, ta sehem kbir fid-diplomazija, u kien anke Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit, fejn uża l-vokazzjoni tiegħu fis-settur tat-turiżmu u ħadem biex isaħħaħ isem Malta internazzjonalment u jressaq aktar nies lejn pajjiżna.

Nistqarr li Dr Refalo kellu ħafna kwalitajiet differenti; però l-aktar li kien jogħġobni fih kien is-sens ta’ umoriżmu tiegħu. Ġieli konna niltaqgħu fil-każin ta’ Stella Maris il-Ħadd filgħodu biex nieħdu grokk flimkien, u niftakar li meta ħriġt l-ewwel darba għall-politika fl-1992 qalli: Issa oqgħod attent! Għedtlu: Minn xiex għandi noqgħod attent? Qalli: Oqgħod attent għax issa tibda tagħmel il-house visits, u jibdew joffrulek il-grokkijiet tal-whisky! Oqgħod attent li ma tixrobhomx kollha, għax ikollok problema serja! Għedtlu: X’għandi nagħmel? Qalli: Immira li toqgħod ħdejn il-pjanti u xħin min joffrilek il-grokk tal-whisky ma jkunx qed iħares, itfgħu ġol-qasrija! Però mbagħad trid toqgħod attent għax mhux bilfors teħlisha meta tagħmel hekk jekk, minn kull fejn tgħaddi inti, jmutu l-pjanti: se jibdew iwaħħlu fik u taqlagħha xorta! Kellu dan is-sens ta’ umoriżmu, u nista’ nirrakkonta diversi ġrajjiet. Però, min jafu jaf ukoll is-sens ta’ lealtà u ta’ impenn li kellu lejn pajjiżna

Wieħed ma jistax jonqos milli jsellem lil Dr Refalo għas-servizz li ta b’mod leali lil pajjiżna. U aħna bħala Gvern mhux biss insellmu lil Dr Refalo, imma nwasslu l-kondoljanzi lill-għeżież qraba tiegħu għax naf kemm kien impenjat bħala bniedem tal-familja. Għall-funeral tiegħu, li sar fil-knisja ta’ Stella Maris, mhux biss il-fatt li l-knisja ma kenitx tesa’ n-nies kollha li ġew, imma anke l-fatt li ġew nies minn kull qasam tal-ħajja u nies minn kull xejra politika juru r-rispett mistħoqq li kien igawdi Dr Michael Refalo.

MR SPEAKER (L-Onor. Anġu Farrugia): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.

ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, nixtieq nibda billi nilqa’ lill-familjari ta’ Dr Michael Refalo f’din id-dar tad-demokrazija li kienet ukoll id-dar ta’ Michael Refalo għal 32 sena sħaħ. Michael Refalo – kif għadu kemm qal tant tajjeb il-Ministru Bartolo – kien ġentlom li ta kontribut lis-soċjetà Maltija u lill-ħajja pubblika. Kien ukoll dak li poġġa l-pedament tal-industrija moderna tat-turiżmu.

Minn kmieni, kien President tal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti fl-Università; kien fl-MŻPN; kien l-iżgħar kandidat tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-1962, u eventwlament sar Ministru responsabbli mill-qasam taż-żgħażagħ. Kien ukoll President tal-Gżira United Football Club, kien involut fil-klabb tas-Sliema Wanderers, kien uffiċjal tal-MFA, u eventwalment Ministru għall-Isport. Kien imbagħad membru tal-Kunsill Ċiviku ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan fis-snin sittin meta bdew il-prekursuri ta’ dawk li llum nafuhom bħala l-kunsilli lokali. Kien diplomatiku serju u xieraq bħala Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit, u eventwalment avukat u Ministru tal-Ġustizzja.

Dr Refalo kien Deputat wara l-1971, u allura kien Deputat fi żminijiet diffiċli għad-demokrazija parlamentari. Kien wieħed mill-fundaturi tal-gazzetta il-Mument u l-ewwel editur tagħha, u dan ukoll fi żmien diffiċli ħafna, l-aktar għall-ġurnaliżmu indipendenti u kritiku f’pajjiżna. Eventwalment, kien Ministru responsabbli għax-xandir ukoll. Kien Ministru tal-Kultura, u kien artikolist u kittieb. Kif qal il-Ministru Bartolo, ittraduċa b’eleganza l-ktieb ta’ Herbert Ganado Rajt Malta tinbidel f’My Century.

Madankollu, żgur li kulħadd jaqbel li Dr Refalo jibqa’ mfakkar l-aktar bħala dak li poġġa l-pedament tal-industrija moderna tat-turiżmu wara li kien sar Segretarju Parlamentari, u aktar tard Ministru ta’ din l-istess industrija. L-industrija tat-turiżmu bdiet wara li ħadna l-indipendenza, u minn kmieni ferm kellha tiżviluppa b’mod ippjanat u ħolistiku. Dr Refalo dejjem enfasizza li ma jistgħux jiġu turisti f’pajjiż li jeqred l-ambjent tiegħu stess, li t-turiżmu jagħti xi ħaġa lil kull Malti u Maltija, u għalhekk huwa proġett għal kulħadd, u dejjem saħaq fuq l-importanza tat-taħriġ tal-ħaddiema fil-kamp tat-turiżmu. Fil-fatt, kien hu li waqqaf l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, u forsi dan huwa l-akbar monument li ħalla warajh.

Dr Refalo poġġa wkoll il-pedamenti ta’ dak li hu sejjaħlu “management xjentifiku tal-industirja tat-turiżmu” permezz ta’ riċerka, stħarriġ u żvilupp tas-servizz. Nieda l-ewwel master plan tat-turiżmu li kien jenfasizza l-fatt li ż-żieda fit-turisti kellha ssir barra l-istaġun tas-sajf, biex b’hekk kulħadd ikun jista’ jgawdi minn dan is-settur matul is-sena kollha, u għamel ukoll enfasi fuq l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda u sostenibbli fis-settur tat-turiżmu, bħalma huma l-language schools. Beda wkoll jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta. Kif qalu mexxejja prominenti fil-qasam tat-turiżmu, Michael dejjem involva lis-settur privat, għax din hija industrija fejn il-Gvern irid jiffaċilita l-affarijiet, aktar milli jagħmel kollox hu, jew agħar, ikun kompetittur għall-industrija privata.

Kif iddeskrivewh dawk kollha li ħadmu miegħu f’kull qasam, u anke avversarji politiċi, Dr Refalo kien bniedem minn tagħna u kellu sens ta’ umoriżmu. Jien inżid ngħid li kellu wkoll intellett fin ħafna, kien bniedem leali u fuq kollox ġentlom. Jalla Michael Refalo jservina ta’ eżempju f’din il-Kamra għall-mod kif aħna, li qegħdin fil-ħajja pubblika, irridu nagħtu kontribut wiesa’ u b’irġulija lis-soċjetà tagħna.

F’ismi u f’isem l-Oppożizzjoni nixtieq insellem lil Michael Refalo. Nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, b’mod partikolari lil martu Blanche – li qiegħda hawnhekk – u lit-tfal tiegħu, u ngħidilhom grazzi talli sellfu lil Michael lil pajjiżna biex jagħmel il-ġid. Grazzi.

MR SPEAKER: Grazzi. Tajjeb ngħid li l-Avukat Michael Refalo serva f’dan il-Parlament bejn is-17 ta’ Ġunju 1971 u l-10 ta’ Marzu 2003. Kif inhi l-konswetudni f’dan il-Parlament, aħna ħriġna ktejjeb għal din l-okkażjoni, u qassamna kopja lill-Membri Parlamentari, kif ukoll lill-familjari tiegħu.

Jien kont naf lil Dr Michael Refalo snin qabel ma dħalt f’dan il-Parlament fl-1996. Hawnhekk iltqajt miegħu għal madwar seba’ snin. Dejjem kont nafu bħala ġentlom u bniedem li jżomm kelmtu. Anke meta konna niltaqgħu f’xi wieħed mill-Kumitati tal-Kamra, jekk ikun hemm okkażjoni fejn jagħtik kelma, ma kienx jiċċaqlaq minnha!

Għalija Dr Refalo kien komdu jaħdem ma’ kulħadd, u ma kienx iħares lejn il-kulur politiku. Kien ukoll maħbub. Għalhekk, ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra, u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġbu, iwassal il-kondoljanzi tagħna lill-familjari tal-Avukat Michael Refalo. Grazzi.

Electoral History

Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 29.03.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Positions
Parliamentary Secretary in the Ministry for Tourism - 27.02.1992
Ceased: 29.03.1994
Sworn in as Minister for Youth and the Arts - 29.03.1994
Ceased: 16.04.1995
Sworn in as Minister of Justice and the Arts - 17.04.1995
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003
Positions
Sworn in as Minister for Tourism - 08.09.1998
Ceased: 13.04.2003
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts