Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Vincent Moran

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ VINCENT MORAN FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA


27 ta' Jannar 1932 - 20 ta’ Novembru 2018

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-22 ta’ Frar 1962 u t-23 ta’ Settembru 1996

 

Dr Vincent Moran

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ VINCENT MORAN FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS SEDUTA NUMRU 13 TAT-12 TA’ SETTEMBRU 1962 

L-EWWEL SESSJONI - L-EWWEL LEĠIŻLATURA


AĠĠORNAMENT

ONOR. DR V. C. MORAN: Mr Speaker, nixtieq nieħu parti minn dan l-aġġornament ħalli ninforma lill-Kamra x’qed isir barra li forsi jista’ jweġġa’ l-prestiġju ta’ Malta f’għajnejn il-barranin.

F’Mejju ta’ din is-sena konna infurmati, il-poplu Malti kien infurmat, li hawn Malta sejra tibda s-sistema ta’ mobile canteens, li sejra tkun, jew bi ħlas nominali, jew bi ħlas sostanzjali, jew bla ħlas xejn, biex tagħti lill-ħaddiema ikel waqt ix-xogħol tagħhom. L-opinjoni Maltija kienet maqsuma sewwa dwar jekk dawn humiex ta’ unur għal Malta jew le, u hawnhekk ma nixtieqx nidħol f’dan il-mertu. Però, għad-domanda tiegħi li kont għamilt lill-Prim Ministru dik il-ħabta, ir-risposta kienet li jaċċertani li hawn Malta mhux ser ikun hawn kċejjen kif sejjaħtilhom jiena stess li jbaxxu l-prestiġju tal-gżira.

ONOR. DR J. CASSAR GALEA: Imma għandu x’jaqsam magħhom il-Gvern?

ONOR. DR A. PARIS: X’kienet id-domanda?

ONOR. DR V. C. MORAN: Id-domanda kienet jekk il-Prim Ministru kienx jaf li hawn Malta se jsiru xi kċejjen li jistgħu jbaxxu l-prestiġju ta’ Malta u x’passi ser jieħu l-Gvern biex dawn ma jħallihomx isiru? Ir-risposta tal-Onor. Prim Ministru kienet li mhuwiex maħsub li hawn Malta jsir xi ħaġa, xi kċejjen li huma simili għal victory kitchens ta’ żmien il-gwerra, li jwaqqgħu jew ibaxxu l-prestiġju ta’ Malta.

ONOR. DR C. CARUANA: Kċejjen bl-electric cookers u faċilitajiet oħra.

ONOR. DR V. C. MORAN: Nixtieq ninforma lill-Onor. Dr Caruana li l-Onor. Prim Ministru la qalli li ser ikun hemm l-electric cookers u lanqas xi affarijiet oħra. Qalli biss li mhux ser ikun hemm kċejjen li jbaxxu l-prestiġju ta’ Malta. Jiena staqsejt jekk il-Gvern hux ser jieħu passi biex iżomm dawn il-kċejjen u hu qalli li ma kien hemm bżonn jieħu l-ebda passi.

Issa infurmawni minn barra, mill-Kanada u mill-Amerka, li l-Maltin kompatrijotti tagħna hemmhekk qegħdin jirċievu ittri mibgħutin lilhom fejn qegħdin ipingu s-sitwazzjoni ta’ Malta, li nammetti li mhijiex feliċi ħafna, però qegħdin ipinġuha tant kerha li forsi b’dawn il-kuluri tant suwed li qegħdin ipinġuha hemmhekk min jibgħat dawn l-ittri, b’riħet hekk, jiggwadanja l-flus. Mhux qegħdin biss jgħidulhom, f’dawn l-ittri, li hawn Malta għandna sitt elef ruħ unemployed, imma qegħdin jgħidulhom li hawn Malta għandna l-ġuħ, li kulħadd qiegħed jiekol lil xulxin, li l-ħaddiem qiegħed imut bil-ġuħ taħt il-ħajt u jekk hawn xi ħadd li jrid jara dawn l-ittri, x’kiteb Father Bonavia, lest biex nurihomlu. Father Bonavia qallhom li hemm bżonn li niġbru għal ħutna Maltin. Iridu jpinġuna bħala depressed area u l-iskop ta’ dan huwa biex jiġbor sittin elf dollaru, qiegħed jgħid f’isem Malta, li jrid dawn il-flus biex inkunu nistgħu nagħmlu mobile canteens. Jaf li mhux veru li l-ħaddiema huma bil-ġuħ għax dment li hemm il-General Workers Union, il-ħaddiema hawn Malta mhux ser jibqghu bil-ġuħ kif jixtiequ. Iridu jisservew bil-Maltin u jbaxxu l-prestiġju ta’ Malta. Aħna ma rriduhomx jisirqu l-flus, bi frodi, l-għaliex jekk huma sejrin jottjenu flus għal skopijiet li mhux veru, dawn ma jkunu qed jagħmlu xejn ħlief frodi u l-Onor. Dr C. Caruana jaf li dak li qed ngħid hu veru. Dawn il-kompatrijotti tagħna fil-Kanada ġew mgħarrfin illi hemm bżonn jiġbru fl-interess tal-Maltin, ta’ ħuthom hawn Malta biex jibgħatulhom karozza biex din isservi bħala canteen. Tant hu hekk, illi fuq l-ittri, fil-letter head, hemm impinġi canteen bid-destinazzjoni “Malta”. Jiena ma kont ngħid xejn li kieku min tela’ biex jiġbor il-flus qal li hawn soċjetà hawn Malta li trid tagħmel dan ix-xogħol benefiċjarju, jew jinterpretawh kif iridu, però li jgħidu li hawn Malta hi depressed area u bil-ġuħ, li hemm bżonn inġibulhom il-flus minn barra bħala relief service, dan ma għandux jiġi permess u l-prestiġju ta’ Malta għandu jiġi salvagwardat …

ONOR. G. CARUANA: Tippermettili?

ONOR. E. ATTARD BEZZINA: Mr Speaker ... (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER: Jiena d-dover tiegħi għamiltu.

ONOR. E. ATTARD BEZZINA: Nattiralek l-attenzjoni li ċerti Membri mhux qegħdin iżommu … (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER: Id-dover tiegħi għamiltu.

ONOR. DR V. C. MORAN: Jiena u n-nies kollha jifhmu li din il-Kamra, il-Gvern u l-Oppożizzjoni, hija l-aqwa kustodja tal-prestiġju ta’ Malta. Kulħadd jifhem li jekk il-prestiġju ta’ Malta u l-Maltin ma jiġix salvagwardat minn din il-Kamra, ma nistgħux insibu istituzzjoni oħra li tista’ tissalvagwarda l-interessi ta’ Malta u tal-Maltin fl-esteru kif ukoll hawn Malta. Aħna jiddispjaċina wkoll meta xi Maltin, anke jekk ma jaqblux magħna, jiġu mkasbra …

ONOR. MEMBRU: Bl-interdett!

ONOR. DR A. BUTTIGIEG: Imkabbrin bih.

ONOR. MEMBRU: Istħi (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER: L-Onor. Dr Cassar Galea huwa mitlub jirtira għal erba’ minuti.

The Hon. Dr J. Cassar Galea withdrew.

L-Onor. Dr J. Cassar Galea irtira.

ONOR. DR V. C. MORAN: Ma nħossuniex onorati meta naqraw fuq gazzetti Ingliżi illi l-Prim Ministru ta’ Malta mesħu l-art bih. Aħna ma niħdux gost meta nisimgħu illi l-Prim Ministru ta’ Malta qisu tallab ħallewh jistenna. Dan qalulna l-istess Prim Ministru ta’ Malta u anke l-gazzetti Ingliżi li ħallewh jistenna qisu xi tallab. Il-Prim Ministru tagħna ta’ kariga daqskemm hu l-Prim Ministru Ingliż. Biex il-Ministru Maudling u l-Ministru Sandys imorru jiddiljaw fl-interess tagħhom ħallewh jistenna. Aħna ma niħdux gost b’dawn l-affarijiet għaliex jidhrilna, bħala kustodji tal-interessi u tal-prestiġju ta’ Malta, il-Prim Ministru Malti, ikun min ikun, għandu jkun stmat. Anke meta ma kienx stmat kif kellu jkun fil-ħabta tal-Coronation aħna għidnielu “tmurx jekk ma jistmawkx kif jixraq”.

Aħna lanqas nieħdu gost bix-xnihat li hawn, u nixtiequ li jiġu spjegati jekk hux veru illi l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof ma kellux laqgħa sabiħa fil-Ġermanja. Nixtiequ nkunu nafu jekk dan hux veru. Il-poplu Malti u l-Kamra għandha tiddeplora dan il-fatt mal-poplu Ġermaniż li r-Ragħaj tagħna ma kellux laqgħa kif jixraqlu. Aħna niġġieldu kemm irridu bejnietna, ma nagħtux kas, però kif appella l-Onor. Dr C. Caruana għandu jkun hemm kritika kostruttiva. Però meta jattakkawna l-barranin fuq prinċipji ta’ prestiġju, aħna, il-poplu Malti, għandna nkunu unanimi u nuru lid-dinja li aħna nazzjon u mkabbrin bil-prestiġju ta’ Malta, u għalhekk nistenna li l-Gvern …

ONOR. G. CARUANA: Ippermettili nagħmel domanda.

ONOR. DR V. C. MORAN: Nistenna li l-Gvern jieħu l-passi kollha biex jara illi jneħħi l-idea li l-ħaddiema Maltin qed imutu bil-ġuħ, il-poplu Malti donnu qiegħed fi stat bħalma kien il-poplu ta’ Agadir wara t-terremot u li l-poplu Malti, xi poplu li sejjer jiekol lil xulxin bħal tal-Kongo li għandhom bżonn ir-relief service. Il-Gvern għandu jara li jinżammu dawk l-ittri u jagħmel statement uffiċjali illi l-poplu Malti ma jridx karità tas-sittiet u s-soldi. Aħna dehrilna li kienet degradevoli għal min mar jitlob il-liri u tawh il-fidda. Aħna ma rridux talb. Min irid jagħtina u jrid jgħinna, aħna kuntenti bih u rikonoxxenti, però rridu dak li ħaqqna, irridu ġustizzja – u ħadd min-naħa l-oħra ma jista’ jikkritikana, għax il-Prim Ministru stess qal “Aħna morna biex nitolbu dak li ħaqqna, morna biex nitolbu l-ġustizzja, mhux il-karità”. La ma bagħathomx il-Gvern, lil dawn in-nies, il-gvern għandu jżommhom, għaliex inkella jista’ jmur kulħadd. Fil-postijiet fejn morna aħna, meta marru l-Partit tal-Gvern warajna kulħadd qalilhom x’impressjoni tajba ħallejna (Hon. Members: Hear, hear). Fejn morna aħna u rrifjutajna delegazzjonijiet oħra b’dispjaċir ngħidu ...

ONOR. DR T. CARUANA DEMAJO: Ivvutajtu kontra!

ONOR. DR V. C. MORAN: Ivvutajna kontra l-inertia li hemm fil-Partit tal-Gvern. Ħadd hawn Malta m’għandu dubju li l-Partit Laburista huwa kontra s-sensji (Hon. Members: Hear, hear). Il-Partit Laburista jixtieq li lkoll naħdmu u niġġieldu, biex inkunu nistgħu ngħidu li qed niġġieldu għall-prestiġju ta’ Malta, u biex ħadd ma jkun jista’ jgħid li dil-Kamra mhijiex tissalvagwarda l-prestiġju tal-gżira tagħna (Hon. Members: Hear, hear)

 

Condolences (27 Jan 1932 - 20 Nov 2018)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 175 tat-Tlettax-il Leġislatura tat-Tnejn 3 ta' Diċembru 2018

KONDOLJANZI

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, kieku kelli memorja ta’ tarbija, kieku t-tabib Ċensu Moran ilni nafu minn mindu kont tarbija. Dan għaliex Ċensu Moran kien it-tabib tal-familja tagħna. Apparti minn hekk, meta kont tifel konna noqogħdu Żabbar Road u huwa kien joqgħod kantuniera ’l bogħod minna, proprju fi Triq Schreiber, fejn il-Prim Ministru kellu l-uffiċċju li eventwalment kien iservi minnu bħala Membru Parlamentari Ewropew.

Ċensu Moran kien it-tabib ta’ Raħal Ġdid. Huwa kien iservi mid-dar tiegħu u niftakarni nidħol fl-intrata tiegħu ma’ ommi u dejjem insibu intrata invażata bin-nies, imbagħad fejn ħaddieħor normalment ikollu s-salott, huwa kellu l-klinika tiegħu. Apparti li kien it-tabib ta’ Raħal Ġdid, kien ukoll parti minn kull familja ta’ Raħal Ġdid. Huwa kien maħbub u rispettat ħafna, u bir-raġun għax kien tabib tajjeb ħafna u kien tabib tal-qalb. Fil-fatt, huwa mhux biss kien iħares lejk skont il-marda li jkollok u jfejjaqhielek, xi ħaġa li kien kapaċi ħafna jagħmilha, imma kien iħares lejk ukoll bħala individwu u kważi kważi bħala parti mill-familja tiegħu. Din il-karatteristika tiegħu n-nies ta’ Raħal Ġdid kienu japprezzawha ħafna.

L-ewwel memorja li għandi ta’ Dr Moran hija ta’ meta kelli madwar sitt snin. Niftakar konna fil-klinika tiegħu u kien hemm ċertu għagħa għax kien għadu kemm ħareġ wieħed mingħandu u n-nies bdew jgħidu li dan kien imur ta’ spiss u Dr Moran qatt ma kien iżommlu flus. U hekk kien vera. Hawnhekk qed nitkellem fuq xi 50 sena ilu, meta kien għad hemm nies li verament ma kinux jaffordjaw vista ta’ tabib. Ċensu Moran lil dawn in-nies ma kienx jgħidilhom li se jarahom darba u daqshekk imma kien jarahom u jerġa’ jarahom, anzi jekk ikun hemm bżonn kien saħansitra jgħidilhom biex jerġgħu jmorru l-għada, avolja ma kienx iżommilhom flus. Din il-ħaġa kien magħruf għaliha.

Għalkemm lil Ċensu Moran nafu l-ewwel bħala tabib, meta twelidt jien huwa diġà kien Membru Parlamentari. Fil-fatt, kien ilu Membru Parlamentari minn Frar tal-1962 u baqa’ Membru sal-1996, sakemm waslet l-elezzjoni u ma kienx ikkontesta. Dan ifisser li kull darba li kkontesta, Ċensu Moran dejjem tela’, u tela’ bl-unuri u kien għażla normali għan-nies ta’ Raħal Ġdid, speċjalment għal dawk tar-Raba’ Distrett għax ġieli kkontesta distretti oħrajn.

Ċensu Moran apparti li kien it-tabib tiegħi u tal-familja tiegħi, kont nafu wkoll għax kien Ministru tas-Saħħa meta jien kont student tal-Mediċina u meta eventwalment ilħaqt tabib. Ma nistax ngħid li ma kinux żmenijiet ta’ kontroversja meta huwa kien Ministru tas-Saħħa, però kull min ikun qiegħed iwettaq u kull min ikun qiegħed ibiddel bilfors se jkollu l-kontroversja. Jekk issemmili politiku li ma kellux kontroversja fit-terminu tiegħu ngħidlek li dak huwa politiku li m’għamel xejn u Ċensu Moran ċertament ma nistgħux ngħidu li kien politiku li m’għamel xejn, anzi għamel ħafna.

Kien hemm kontroversji u kien hemm ukoll l-istrajk tal-1977, li baqa’ jkarkar għal għaxar snin sħaħ, però hemmhekk Ċensu Moran kien biddel is-sistema tas-saħħa ta’ taħt fuq. Fil-fatt, wieħed jista’ jgħid li huwa l-missier tal-kura primarja f’pajjiżna. Huwa fetaħ ċentru tas-saħħa wieħed wara l-ieħor, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, u daħħal il-konċett li t-tabib tal-familja mhux neċessarjament ikun tabib privat imma wieħed jista’ jinqeda wkoll fis-sistema tal-kura tal-Gvern, mhux biss fl-isptarijiet imma anke fil-komunità.

Ċensu Moran kien ukoll il-persuna li għarfet il-ħtieġa li anke fl-isptarijiet ikollna l-ispeċjalizzazzjoni fit-tfal u l-maternità. Fil-fatt, l-Isptar Karen Grech oriġinarjament kien sptar tat-tfal u tal-maternità. Huwa kien ukoll il-persuna li għal snin twal assoċjajna l-kura tas-saħħa fil-qasam politiku mediku magħha. Jiġifieri għal snin twal, meta konna nsemmu l-ministeru tas-saħħa jew il-ministru tas-saħħa, f’moħħna kien jiġina Ċensu Moran. Mela apparti li għamel suċċess bħala tabib, Ċensu Moran għamel ukoll suċċess kbir bħala politiku. Kif għedt, huwa ġie elett f’kull elezzjoni li kkontesta u dejjem tela’ bl-unuri. Aktar minn hekk, ħalla legat kbir warajh.

Eventwalment erġajt bdejt niltaqa’ ma’ Ċensu Moran meta ftit wara l-elezzjoni tal-2008 kont iddeċidejt li nikkontesta l-elezzjoni sussegwenti. Peress li huwa kien fl-istess distrett tiegħi kien jagħtini ħafna pariri u ideat siewja u bħalma hu dejjem kien il-persuna li nħares lejha fil-karriera tiegħi ta’ tabib, sar ukoll il-persuna li kont u għadni nħares lejha fil-karriera politika tiegħi.

Nista’ ngħid li meta bdejt indur id-djar f’Raħal Ġdid, f’Ħal Tarxien u fil-madwar, għand kull min kont immur kulħadd isemmilek lil Ċensu Moran. Dan juri kemm kien maħbub, mhux biss bħala tabib imma anke bħala politiku, u naħseb din l-imħabba li kellu għan-nies u li n-nies irreċiprokaw lejh hija l-aħjar ħaġa li tista’ ssib f’politiku.

Ara kemm nagħmlu affarijiet bħala politiċi, u ara kemm nieħdu pjaċir bil-voti li nġibu, jew bir-riżultati li jkollna fl-ekonomija u fl-affarijiet kollha li nagħmlu, naħseb l-isbaħ ħaġa li jista’ jkollu politiku huwa r-rispett għax dak li tista’ tixtrih u lanqas ma tista’ ġġibu bil-poter imma ġġibu biss għax in-nies jifhmu li dak li tkun qed tagħmel, tkun qed tagħmlu għall-ġid tagħhom, tkun qed tagħmlu b’imħabba, u tkun qed tagħmlu għall-ġid tal-pajjiż.

Naħseb Ċensu Moran l-imħabba li wera lejn il-poplu u lejn il-pazjenti tiegħu ġiet irreċiprokata lilu għal tul ħajtu. Sakemm kien għadu jinżel il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid sa ftit tax-xhur ilu dejjem kont tara n-nies jinġemgħu miegħu. Sa sentejn ilu huwa kien għadu attiv bħala tabib imma jekk qatt kien hemm bżonn xhieda ta’ kemm kellu rispett lejh il-poplu tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, biex ma ngħidx ta’ Malta kollha, żgur huwa l-fatt li fil-funeral tiegħu kien hemm knisja mimlija nies. Issa l-Knisja ta’ Raħal Ġdid mhix knisja żgħira, però kienet imballata bin-nies u kien hemm saħansitra nies bilwieqfa u barra fuq iz-zuntier. Naħseb din hija xhieda tajba ta’ kemm ħabbewh u għadhom iħobbuh il-klijenti tiegħu.

Sur President, ma nistax ma ngħidx li kif bdiet tinxtered l-aħbar tat-telfa ta’ Ċensu Moran mill-ewwel bdew jasluli messaġġi li ċ-ċentru tas-saħħa kbir u ġdid li se niftħu f’Raħal Ġdid ikun xieraq li nsemmuh għalih u llum nista’ ngħid li bħala Gvern, din it-talba tal-poplu, speċjalment tal-poplu ta’ Raħal Ġdid, qed nilqgħuha u jekk Alla jrid ikollna Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid! (Onor. Membri: Hear, hear) Nixtieq insellem lill-familjari tiegħu, fosthom lil Rose u lil Mary, kif ukoll lill-ħbieb u l-qraba kollha tiegħu. Nagħtihom il-kondoljanzi però ngħidilhom li l-memorja ta’ Ċensu Moran se tibqa’ ħajja mhux biss fiċ-ċentru tas-saħħa li se jkollna msemmi għalih imma aktar u aktar fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER (Onor Anġlu Farrugia): Grazzi. L-Onor. Stephen Spiteri.

ONOR. STEPHEN SPITERI: Sur President, f’isem l-Oppożizzjoni ningħaqad mad-Deputat Prim Ministru biex inwassal il-kondoljanzi lill-familjari tat-Tabib Vincent Moran, aktar magħruf bħala Ċensu Moran, tabib li kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu diversi drabi. Fid-dinja tal-politika ma lħaqtux iżda fil-ħajja medika ltqajt miegħu diversi drabi, kemm f’konferenzi kif ukoll f’okkażjonijiet oħrajn.

Kif spjega tajjeb id-Deputat Prim Ministru, Ċensu Moran kien tabib dedikat, maħbub u b’kuxjenza soċjali. Huwa kien iħares il-batut u mhux biss kien jagħti l-kura iżda kien jagħti wkoll fejqan soċjali lil dawk li verament kellhom bżonn. Fil-fatt, naħseb meta titkellem dwar Ċensu Moran tkun qed titkellem dwar tabib tal-familja li verament kien jaqdi d-dmir tiegħu kemm mill-aspett mediku kif ukoll mill-aspett soċjali. Għalija Ċensu Moran kien ta’ eżempju. Jien ukoll tabib tal-familja u jien ukoll qiegħed fil-politika u allura għandi ż-żewġ faċċati li kellu hu u jkolli ngħid li meta jgħiduli li qisni t-tabib Moran nieħu gost! Naturalment jien m’iniex mir-Raba’ Distrett imma mit-Tieni Distrett, però tassew nieħu gost li jqabbluni miegħu għax kien tabib li tassew jidħol fil-familja u jħares dawk il-bżonnijiet speċjali.

Kif qal id-Deputat Prim Ministru, it-tabib Ċensu Moran kien ukoll involut fl-iżvilupp taċ-ċentri tas-saħħa, li żgur taw spinta f’dik li hija kura primarja. Qabel ma kien hawn dawn iċ-ċentri tas-saħħa, it-tabib tal-familja privat kellu piż kbir għaliex ma kienx hemm aktar kliniċi fejn wieħed jista’ jmur jekk jinqalagħlu xi ħaġa. Illum il-ġurnata nafu kemm qegħdin jagħmlu xogħol dawn iċ-ċentri tas-saħħa f’dak li huwa servizz ta’ emerġenza u f’dik li hija kura wara l-ħin tal-uffiċċju u għalhekk, ix-xogħol li għamel Ċensu Moran naħseb li kien żvilupp kbir f’dik li hija sistema tal-kura tas-saħħa primarja.

Irrid ngħid li Ċensu Moran kellu wkoll karattru simpatiku u ċajtier. Kont tieħu pjaċir titkellem miegħu u nista’ ngħid li kien tabib rispettat ħafna. Meta tiltaqa’ ma’ xi pazjenti minn tiegħu lkoll jitkellmu b’ton pożittiv dwaru. Barra minn hekk, naħseb li kien ukoll bniedem eżemplari bil-mod ta’ kif kien jaġixxi fil-ħajja professjonali tiegħu.

Sur President, f’isem l-Oppożizzjoni nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Ċensu Moran, fosthom lil ħutu Mary u Rose, li żgur kienu strumentali wara l-mewt tal-mara tiegħu u tawh l-għajnuna meħtieġa. Infakkar ukoll li Ċensu Moran kien ħabib kbir tal-Eks Membru Parlamentari Karl Chircop, li wkoll ħalliena. Huma t-tnejn kien viċin ħafna ta’ xulxin u Karl kien ħabib ħafna tiegħi. Għalhekk, naħseb tajjeb li llum infakkru l-memorja ta’ dawn iż-żewġ tobba li ħadmu f’dan il-Parlament għall-ġid komuni u jalla lkoll kemm aħna naħdmu fuq l-istess pass tagħhom. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Godfrey Farrugia.

ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, lil Dr Moran jien nafu bħala l-Ministru tiegħi meta kont tabib inservi mal-Gvern. Nafu wkoll bħala kollega fuq diversi bordijiet, bħala dak it-tabib li tani diversi pariri meta kont Ministru għas-Saħħa u bħala dak it-tabib li kien ikellimni ras imb ras meta kont Membru Parlamentari fil-leġiżlatura preċedenti. Lil Dr Moran mhux biss għandi kull rispett lejh imma għalija huwa kien għalliem għax għallimni biex inqiegħed id-dinjità tal-pazjent l-ewwel u nġib il-pazjent qabli. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Insejjaħ l-Onor. Silvio Grixti li għalkemm huwa Membru Parlamentari, huwa wkoll membru tal-familja Moran.

ONOR. SILVIO GRIXTI: Sur President, nibda billi għan-nom tal-familja taz-ziju Vince, jew kif kien u għadu magħruf, it-tabib Moran, nirringrazzja lil kull min bagħat jew kien preżenti biex jagħti l-aħħar tislima lit-tabib Moran nhar il-Ħamis, 22 ta’ Novembru 2018, fil-Knisja ta’ Kristu Re Raħal Ġdid.

Nirringrazzja lilek, Sur President, il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru, diversi Ministri, Membri Parlamentari u Eks Membri Parlamentari li bosta minnhom ħadmu qrib maz-ziju Vince. Ma nistax ma nirringrazzjax ukoll lil diversi ċittadini li attendew għall-aħħar tislima u bosta oħrajn li bagħtu l-kondoljanzi tagħhom iżda ma setgħux jingħaqdu magħna minħabba età jew kondizzjonijiet fiżiċi u mard.

Sur President, mingħajr ma nieħu ħafna mill-ħin prezzjuż ta’ din il-Kamra, nemmen li nkun qed nonqos jekk ma nsellimx il-memorja tat-tabib Vincent Moran. Nieħu wkoll l-opportunità u nsellem persuna li kienet dejjem warajh fil-ħidma politika tiegħu. Kif jgħid l-Ingliż, behind every successful man, there is a strong woman, u minn hawnhekk insellem lil wisq maħbuba ziti, Maggy Moran, li issa nemmen li se tkun qed tgawdi mill-ġdid lir-raġel li ħadem għall-interess ta’ pajjiżna sabiex illum Malta għadha tgawdi minn tant benefiċċji fil-qasam tas-saħħa. Nirringrazzja wkoll lil ħutu, iz-zija Mary u z-zija Rose, li fl-assenza ta’ ziti għal 25 sena, dejjem kienu ta’ sostenn għaz-ziju Vince.

Sur President, nagħlaq dan id-diskors bi frażi żgħira li dejjem kien jgħidli z-ziju Vince, “Aħna l-politiċi qegħdin hemm biex inservu u biex ngħinu lill-proxxmu”. Għalhekk, iddeċidejt li hu jkun dejjem il-punt ta’ referenza tiegħi u b’hekk wasalt fejn ninsab illum. Grazzi.


L-ISPEAKER: Grazzi. Ningħaqad mal-kelliema ta’ qabli u nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Ċensu Moran. Meta kont għadni żgħir niftakar lil Maggy Moran iċċempel u tgħidilna bil-problemi li jkun hemm. Hija kienet attiva ħafna biex tara li r-raġel dejjem jirnexxi fix-xogħol tiegħu.

L-ewwel darba li ltqajt ma’ Ċensu Moran kont għadni tifel u kont ma’ missieri, Alla jaħfrilu, li kellu spiżerija l-Imġarr. Niftakar konna morna għandu ftit wara l-elezzjoni tal-1962 u niftakar li lil missieri qallu: “George, jien wieħed mis-16”! Dak iż-żmien Mintoff kien tella’ 16-il Membru għaliex ovvjament kien hemm il-kwestjoni politika reliġjuża li jekk tivvota lill-Partit Laburista allaħares tmut dak il-ħin għax kont tmur l-infern! Nifakru jidħak u jgħidilna wkoll li dawn l-affarijiet jinbidlu. Kien raġel twajjeb ħafna. Fil-fatt, huwa mhux biss kien maħbub imma jien kont narah bħala raġel li diffiċli ħafna jkollok xi tgħid miegħu.

Naħseb l-aktar li ddeskrivih tajjeb lil Ċensu Moran kien Victor Camilleri, l-editur tal-ġurnal Il-Mument. Nhar il-Ħadd li għadda huwa kiteb artiklu fuqu u rrakkonta dwar meta kien iltaqa’ miegħu u bil-mod kif spjegah dak l-inkontru, ħareġ il-karattru dejjem korrett u l-mod kawtel li kien jimxi bih Ċensu Moran.

Ovvjament kien baqa’ attiv sal-aħħar. Fil-fatt, sa ftit ilu kien għadu jattendi għal-laqgħat tal-Eks Membri Parlamentari u kien jieħu interess biex jara li l-kondizzjonijiet dejjem jitjiebu.

Ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tal-maħbub tabib Vincent Moran. Huwa ħalla legat kbir, mhux biss fil-politika Maltija imma anke fis-soċjetà Maltija. Nirringrazzjakom.

 

 

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 24.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Positions
Sworn in as Minister of Health and Environment - 24.09.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Positions
Sworn in as Minister of Health - 19.12.1981
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996