Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru. 532 tar-Raba’ Parlament tat-Tnejn, 31 ta’ Awissu, 1981
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH BRINCAT (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr. Speaker, fis-16 ta’ Awissu, 1981, ħalliena l-ħabib tagħna Kelinu Galea li wara f’dawn l-aħħar snin kien pjuttost irtirat mix-xena politika, proprju ftit minuti qabel miet, għamel statement pubbliku fejn qal li kieku xtaq li jerġa’ jidħol fl-arena politika u jikkontesta l-elezzjoni, iżda saħħtu ma kenitx tippermettilu. U verament ta’ bniedem onest li kien anke din ma kenitx xi skuża banali, imma kienet parti mir-realta’, parti mill-verita’ mwettqa bil-fatti li lilna, speċjalment lil din in-naħa, tħallina mbikkijin għaliex Kelinu Galea fi żmenijiet l-aktar diffiċli, meta li toħroġ għall-Partit Laburista f’distrett bħal Għawdex fejn l-influwenza ekklezjastika għadha ċertament qawwija u kienet aktar qawwija dawk iż-żmenijiet, dan il-bniedem kien kapaċi li jiġbor il-voti ħalli jkun kandidat, ikun Membru Laburista, rappreżentant ta’ dak id-distrett. U dmiru hawnhekk, Mr. Speaker, qdih, qdih lejn il-kostitwenti tiegħu, kompla jaqdih meta reġa’ ġie elett fl-1971 u sinċerament wieħed igħid li l-kontribut tiegħu tah bil-mod li kien jaf huwa. Kien ġentilissimu ma’ sħabu, kien ġentilissimu bis-serjeta’ u Ilum aħna nixtiequ l-għomor lill-Membri tal-familja tiegħu u sinċerament jiddispjaċina għat-telfa tiegħu.
MR. SPEAKER(Onor. Calċidon Agius): L-Onor. Michael Refalo.
ONOR. MICHAEL ANGELO REFALO: Sur President, għan-nom ta’ l-Oppożizzjoni u sħabi jien nixtieq nassoċja ruħi fil-kondoljanzi u l-għomor li ta’ l-Ministru Brincat kemm għall-familjari ta’ l-ex-Onor. Kelinu Galea, li jien ilħaqtu wkoll bħala Membru tal-Parlament u niftakru, allavolja ma tantx kont viċin lejh, imma niftakru bħala persuna simpatika ħafna f’din il-Kamra u nixtieqek tgħaddi l-kondoljanzi u x-xewqat ta’ din il-parti tan-naħa tal-Kamra anke lill-familja ta’ l-Onor. Kelinu Galea.
MR. SPEAKER: Jien, min-naħa tiegħi, ukoll nixtieq niskuża ruħi li kienet l-ewwel darba li ma stajtx jien nuri l-preżenza tiegħi biex nagħti l-aħħar tislima, lill-ħabib tiegħi Kelinu Galea. Imma ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan sabiex jiġu mogħtija lill-familjari tagħhom il-kondoljanzi kif espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |