Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Prof Guido de Marco

Guido de Marco  

Commemoration Booklet

Tifkira ta' Guido de Marco fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta' Malta

 

22 ta' Lulju 1931 - 12 ta' Awwissu 2010

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn il-31 ta' Marzu 1966 u l-24 ta' Marzu 1999

 

Guido de Marco

Ġurament ta' Lealtà

 

L-AĦĦAR DISKORS TA’ GUIDO DE MARCO FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 79 TAT-TLIETA, 23 TA’ MARZU 1999 ID-DISA’ LEĠISLATURA

 

ONOR. GUIDO de MARCO: Sur President, jien illum nixtieq naqsam mal-Kamra l-ħsibijiet tiegħi ta' 33 sena f'dan il-parlament. Proprju fid-29 ta' dan ix-xahar ta’ l-1966, 33 sena ilu, effettivament jien ġejt elett għall-ewwel darba fil-parlament. Malta kienet ilha indipendenti madwar sena u nofs biss u kien hemm sens ta' rinascita f'Malta; immaġinaw ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta' Maltin, dejjem kolonja jew poplu maħkum minn ħaddieħor. Għall-ewwel darba stajna ngħidu f'dan il-pajjiż: Aħna Maltin, aħna ma jikkmandana ħadd, aħna padruni f'artna, aħna għandna passaport Malti, aħna rappreżentati fin-Nazzjonijiet Uniti, aħna dħalna membri fil-Kunsill ta' l-Ewropa. Dr Borg Olivier bħala Prim Ministru, għamel l-ewwel żjarat tiegħu uffiċjali fi Tripli u Ruma, affarijiet li tawna lkoll ċertu sens ta' kburija li aħna Maltin. Freddie Amato Gauci kien beda jibni l-ministeru ta' l-affarijiet barranin, Arvid Pardo beda fi New York jagħmel l-ideat tiegħu dwar il-wirt komuni ta' l-umanita', il-liġi tal-baħar, u Malta bdiet tieħu ċerti inizjattivi. Huwa f'dan l-isfond, li jien kelli l-unur nidħol f'dan il-parlament.

Int tiftakar dan ukoll, Sur President, għax inti wkoll dħalt fil-parlament fl-istess sena. F'dan is-sens ta' entużjażmu tagħna lkoll dħalna għall-piż b'sens ta' servizz kbir lejn artna, b'sens ta' servizz li aħna l-ewwel ġenerazzjoni ta' politiċi żgħażagħ. Kienu jgħidulna “the young lions” lili, lil Ugo Mifsud Bonnici, Albert Borg Olivier de Puget, aktar tard ġie magħna Dwardu Fenech Adami. Bdejna ngħidu kif nixtiequha din Malta indipendenti, x'linja se tieħu. Konna għadna ġodda u naturalment bla esperjenza imma ċertament kellna żewġ vantaġġi li kienu ipattu għan-nuqqas ta' esperjenza. L-ewwelnett il-klassi politika ta' qabilna rnexxielha tistabilixxi ċerti prinċipji fil-ħajja nazzjonali, il-prinċipju ta' l-integrita' tal-politiku, il-prinċipju tal-missjoni soċjali li għandu kull politiku, il-missjoni tas-servizz li għandu kull politiku lejn pajjiżu. U dan, Sur President, lilna kien diġa' nkanalana lejn ċertu atteġġjament lejn il-politika.

Il-klassi politika Maltija kienet ilha żmenijiet twal tagħti l-kontribut tagħha, fiż-żmien tas-snin tal-kolonjaliżmu fl-eqqel tiegħu, fiż-żmien tal-kostituzzjoni ta' l-1921, fiż-żmien kif żviluppa l-internament u l-eżilju tal-kapijiet tan-nazzjonaliżmu Malti. Imbagħad anke kif bdiet tiġġenera ruħha l-politika hawn Malta, il-volonta` tal-ġid tal-ħaddiema, li l-ħaddiem huwa attur primarju fil-ħajja politika ta' artna. Il-ġlieda ta' l-integration, għal liema raġunijiet kien hawn min riedha u aħna li konna kontra tagħha għal liema raġunijiet konna kontra tagħha. Imma fl-aħħar kien hemm il-vantaġġ famuż fejn il-gvern u l-oppożizzjoni ta' dik il-ħabta sabu ruħhom magħqudin f'dik il-famuża break with Britain resolution. Hemmhekk aħna wkoll konna writna minn ta' qabilna, ma konniex aħna li ħloqnieha r-rota imma sibna l-politika diġa' stabilita fuq ċerti kriterji. Hemmhekk forsi konna wisq akkaniti fil-kliem kontra xulxin pero' fil-fatti mbagħad kellna ħabta - u għandu ħabta dan il-poplu Malti - kif nimmaljaw ruħna flimkien. Minn impressjoni ta' oppożizzjoni kontrastanti u konfliġġenti għarafna - u għadna nagħrfu - nibnu xi ħaġa flimkien. Sur President, din hija Malta li aħna sibna meta dħalna f'dan il-parlament.

Konna niltaqgħu fis-sala l-oħra, is-sala ta' l-arazzi, u niftakar jiena u Ugo Mifsud Bonnici ħadna postna fl-aħħar żewġ bankijiet għaliex dehrilna li meta xi ħadd minna kien se jpoġġi x'imkien iktar 'il quddiem xi ħadd ħares lejna bl-ikrah. U għidna: Allaħares jibdew iħarsu lejna bl-ikrah minn issa, għadna kemm daħħalna saqajna ġol-parlament! Ma ridniex li f'sistema li aħna konna ġodda għaliha b'xi mod jew ieħor nagħtu l-impressjoni li rridu nieħdu post xi ħadd u għalhekk qgħadna fl-aħħar żewġ fillieri tal-parlament. Sur President, naħseb anke inti tiftakar din l-istorja li qed ngħid. Qgħadna fl-aħħar imma tgħallimna ħafna għax kien hemm politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra li ċertament għamlu ħafna ġid lil Malta.

Sur President, jien għandi gratitudni kbira lejn Dr Borg Olivier għat-tagħlim li ħadt mingħandu. Kellu ħabta kif jutilizza ż-żmien fl-aħjar interess tal-politika u kif jagħraf jisdrammatizza s-sitwazzjoni għaliex inti u tisdrammatizza s-sitwazzjoni se ssib is-soluzzjoni, u iktar ma tiddrammatizza aktar diffiċli biex issib is-soluzzjoni. Giovanni Felice, li kien bniedem ta' kultura u ta' konoxxenza kbira, kemm ta' l-istorja ta' artna u anke l-mod kif kien javvanza l-argumentazzjoni tiegħu. Ċensu Tabone, li kulħadd jiftakru ħafna hawnhekk. In-naħa ta' l-oppożizzjoni ta' allura, nies bħal Dom Mintoff, karattru li l-enerġija u l-vitalita' tiegħu ċertament - qed nitkellem dwar l-1966 - baqgħu miegħu sa l-aħħar. Qed ngħid għal Toni Buttigieg, li kellu sens poetiku kif iħares lejn il-ħajja. Guże' Cassar, li kulħadd iħobb isejjaħlu “iz-ziju Ġuż”, u veru kien qisu z-ziju Guż tagħna lkoll, u għadu sal-lum. Guże' Abela, li ċertament wieħed ma jinsa qatt l-integrita' tiegħu fil-politika għax għaraf isarrafha fiż-żmenijiet. Sur President, qed ngħid dan għaliex irrid noħroġ x'inhuma l-veru valuri tal-Parlament. Għaliex qegħdin fil-parlament aħna?

Jien għaddejt 33 sena ta' ħajti fil-parlament, 16-il sena din in-naħa, 17-il sena n-naħa l-oħra, u rnexxieli ngħix fit-tnejn ħajja interessanti, ħafna drabi diffiċli pero' ħajja li tagħtik sodisfazzjon. Għaliex x'inhu l-iskop li qegħdin fil-parlament? Għalkemm ngħaddu ċerti kummenti negattivi lil xulxin, jien konvint li kull wieħed minna f'din il-Kamra, dawk li ġew qabilna u dawk li għad jiġu warajna, jemmnu li qegħdin hawnhekk mhux biex iservu lilhom infushom għaliex mill-politika x’tista' tieħu?! Li tista' tieħu huwa li ħafna drabi jipprovaw jibjażimawk, ħafna ingratitudini, kliem li ma jixirqux lilek u wisq inqas lill-familja tiegħek. Pero' we get a kick mill-politika , kif jgħidu l-Ingliżi, u dak li nieħdu aħna huwa s-sens ta' servizz.

Niftakar li kien impressjonani anke deputat żagħżugħ min-naħa l-oħra, Joe Abela, meta għamel id-diskors ta' ringrazzjament għad-diskors tal-President tar-Repubblika fl-amministrazzjoni li għadha kemm għaddiet. Dak iż-żagħżugħ deputat Laburista, li kien ġej mill-volontarjat u kellu esperjenza man-nies li għandhom xi diżabilita`, kien laqatni bil-mod sinċier kif tkellem u għidt: Din hija l-mira tagħna fil-politika. L-iskop tal-politika ħareġ mid-diskors ta' l-iktar wieħed żagħżugħ li kien hawn min-naħa tal-gvern. Għaliex qegħdin fil-politika? Għaliex aħna nixtiequ nagħtu l-aħjar tagħna għal pajjiżna. Din mhix xi poeżija u meta jgħidulek li dan idealiżmu, x'hemm ħażin li tkun idealista? L-idealiżmu mhux inkompatibbli mal-fatt li inti tagħraf il-ħajja ta' kuljum tal-politika. Li inti tagħraf il-problemi u d-diffikultajiet li għandna fil-politika ma jfissirx li inti tarmi l-idealiżmu. Allaħares narmu l-idealiżmu, Allaħares niċħdu lilna nfusna minn din ir-rikkezza kbira li tagħtina l-fedelta' tagħna u l-lealta' tagħna lejn l-ideali li wassluna biex inkunu fil-parlament. U anke meta wieħed jeżamina l-ideali mill-punto di vista tal-partit politiku tiegħu, kull wieħed minna jemmen li l-partit politiku tiegħu huwa l-aħjar strument għall-ġid tan-nazzjon, imma jien konvint li kull naħa tal-Kamra tħares lejn il-partit politiku tagħha bħala strument kif jista' jagħmel ġid lin-nazzjon.

Mitterrand kien jgħid "l'alternance est la democracie", fl-alternanza hemm id-demokrazija. U jien, li minn 33 sena għaddejt 16-il sena fil-gvern u 17-il sena fl-oppożizzjoni, iktar nista' ngħid li din l-alternanza hija verament d-demokrazija. Anzi, qgħadt iktar fl-oppożizzjoni milli rnexxieli noqgħod fil-gvern. Għaliex qed ngħidu dan, Sur President? Għaliex anke li tkun fl-oppożizzjoni hija missjoni li aħna lkoll nistgħu nifhmuha. Veru li l-mira ta' kull partit fl-oppożizzjoni hija li jkun fil-gvern pero' veru wkoll li l-parlament jeżisti għax hemm l-oppożizzjoni. Kieku m'hemmx l-oppożizzjoni m'hemmx parlament. Meta ħafna drabi jgħiduli li l-oppożizzjoni qed titlef ħafna żmien fid-diskorsi u ħafna seduti huma interminabbli, jien ngħid li jista' jkun li, kemm meta konna aħna fl-oppożizzjoni u kemm meta għandna l-partit l-ieħor fl-oppożizzjoni, forsi ntawlu d-dibattiti iżjed min-neċessarju, pero' mhux aħjar jitwal id-dibattitu milli jiqsar u wieħed ma jħossx li għandu l-ħin biżżejjed biex jgħid dak li għandu jgħid? U jien dejjem nemmen li l-għaqal hu sens ta' bilanċ kbir. Sur President, kelli x'naqsam ħafna fil-ħolqien tal-kumitati tal-Kamra, mhux għax irnexxew iż-żejjed imma rnexxew ħafna iktar milli wieħed ħaseb. Mhux għax qed jagħtuna riżultat splendidu pero' ħafna aħjar bihom milli mingħajrhom. Il-parlament jista' jiffunzjona ħafna aħjar għax għandna l-kumitati tal-Kamra milli meta konna mingħajrhom. Voldieri mingħajr ma nirrealizzaw inkunu qegħdin nagħmlu passi 'l quddiem. Sur President, aħna u nitkellmu dwar dawn l-affarijiet kollha nifhmu li l-politika hija bbażata fuq is-sens ta' servizz. Nonostante li għexna żmenijiet diffiċli għad-demokrazija f'pajjiżna, f'dawn id-diffikultajiet ħadd minna ma ħolom li mmorru lura minn dak il-mument tal-21 ta' Settembru, 1964. Bħala poplu għandna l-arti li, minkejja konflitti fuq Jum l-Indipendenza u ġranet oħra, sibna soluzzjoni. Veru hija daqsxejn cumbersome, kif jgħidulek l-Ingliżi, li jkollok ħames festi nazzjonali, imma l-arti fil-politika hija li mhux temmen li għandek raġun int biss u n-naħa l-oħra m'għandhiex raġun iżda li jkun hemm il-kompromess. Dik hija l-arti kif tipprova tfittex is-soluzzjoni. Anke meta s-soluzzjoni li tkun ilħaqt ma tkunx l-aħjar soluzzjoni, imma jekk hi soluzzjoni, anke dik tkun pass ieħor 'il quddiem, għax imbagħad l-aħjar soluzzjonijiet ssibhom man mano li tibni fuq xi ħaġa solida u serja. Qed ngħid dawn l-affarijiet għaliex jeħtieġ li n-nies jifhmu li l-parlament mhuwiex sempliċement post fejn niġġieldu. Jien qatt ma ġġelidt ma' ħadd, qatt ma ħassejt li għandi xi ħadd fil-parlament li huwa għadu tiegħi. Ħafna drabi ma qbiltx ma' membri oħra u kelli diskussjonijiet f'kontest ta' saħna politika, pero' qatt ma kkonsidrajt lil xi ħadd min-naħa l-oħra bħala xi għadu tiegħi. Għedewwa m'aħniex! Aħna għandna opinjonijiet differenti u ħadd minna m'għandu dritt jgħid: Jien għandi l-monopolju tal-verita', jien għandi l-monopolju tar-raġun. M'hu veru xejn dan. Naħsbu li għandna raġun - u Allaħares ma naħsbux li għandna raġun - imma Allaħares naħsbu li aħna biss għandna raġun u ħaddieħor m'għandux raġun jew inti m'għandekx il-potenzjal li tifhem u titgħallem mill-punto di vista ta' ħaddieħor. Sur President, ħaġa oħra li rrid ngħid hija x'għamlet għal Malta l-klassi politika.

Jekk pajjiżna llum igawdi mil-livell tal-ħajja li qiegħed igawdi, dan huwa dovut għat-tmexxija għaqlija tal-klassi politika ta' pajjiżna. Meta inti tħares lura fiż-żmien u tneħħi l-pika politika li jkun hemm bejn il-politiċi tibda tinduna kif kull gvern għamel li seta' biex ġab lil Malta 'l quddiem. Bid-difetti u bin-nuqqasijiet ta' kull gvern, bin-nies li forsi mhux dejjem kienu għall-altezza ta' dak li wieħed jixtieq, meta tara n-negattiv mal-pożittiv, kif tispjega l-fatt li Malta tgawdi fost l-ogħla kwalita' ta' livell tal-ħajja li hemm fil-Mediterran? Kif tispjega li f'dan il-pajjiż irnexxielna nagħmlu universita' li llum l-ġurnata hija ffrekwentata minn eluf ta' żgħażagħ? Kif tispjega li aħna pajjiż fejn il-livell ta' nies bla xogħol huwa fost l-inqas li hemm fil-Mediterran? Kif tispjega li llum l-ġurnata l-poplu Malti tant mexa 'l quddiem? Bilfors dan huwa dovut għat-tmexxija ta' dan il-pajjiż mill-klassi politika tiegħu. U allura sinċerament inweġġa' meta ġieli naqra xi kritika diretta lejn il-klassi politika Maltija. Inweġġa' bil-mijopija ta' ċerti nies li ma jarawx kemm il-klassi politika tat lil Malta, kemm sofriet għal Malta.

Anke meta nħarsu lejna nfusna individwalment, jien ħadt ħafna sodisfazzjon mill-professjoni tiegħi ta' avukat pero' xejn paragunat mas-sodisfazzjon li tatni l-politika. Xejn paragunat mal-fatt li kont għadni żagħżugħ fil-politika u kont għadni kemm ġejt elett u ħriġt bit-teorija li l-universita' trid tkun b'xejn għal kulħadd. Jien li ġej minn familja ta' nies fqar u naf kemm il-mama u l-papa' batew għalija biex stajt nistudja, ma stajtx naċċetta li biex jien immur l-universita' u ma nħallasx għandna nagħmlu a means test. U niftakar li kont ktibt fil-ġurnal "What a mean test this is", li biex jedukaw lit-tfal tagħhom il-ġenituri jridu jgħaddu minn umiljazzjoni li jmorru jaħilfu kemm huma fqar. Il-faqar m'huwiex mistħija fuq spallejn ta' nies serji, pero' għaliex hemm bżonn toqgħod tgħid kemm inti fqir biex tieħu l-edukazzjoni li huwa dritt tiegħek! Dik mhix diċenza. Dan li rnexxielha tagħmel il-klassi politika tagħna. Jien kont li ppromwovejtha u Ugo Mifsud Bonnici kien issekondani ħafna u Dr George Borg Olivier kien qabel miegħi wkoll. Hemm dawn is-sodisfazzjonijiet u ħafna affarijiet oħrajn li għamilna aħna f'ħajjitna bħala politiċi. Meta nħares quddiemi nara lill-Onor. John Attard Montalto li bil-mod tiegħu ħadem bħala ministru ta' l-industrija, lill-Onor. Evarist Bartolo li pprova jagħmel ħafna fl-edukazzjoni, lill-Onor. Noel Farrugia li pprova jagħmel ħafna fil-qasam ta' l-agrikoltura, lill-Onor. Charles Mangion li kellu jirriżenja għal raġunijiet tiegħu, u jien kont ktibt apposta dwar kemm hu bniedem li ċertament kien qed jagħti kontribut fil-ministeru tiegħu. Dawn l-affarijiet għidthom mill-bank ta' l-oppożizzjoni u fil-kitba tiegħi u nerġa' nirrepetihom. Dawn mhux qed ngħidhom illum minħabba l-okkażjoni ta' dan id-diskors imma dawn ktibthom apposta. Niftakar li fuq l-Onor. Evarist Bartolo ktibt "A minister with a purpose". Ktibt dawn l-affarijiet għaliex sinċerament deherli li l-kollega tiegħi kien qiegħed jaħdem b'għaqal kbir f'ministeru li huwa tant ta' sfida għal kull min ikun responsabbli minnu. Dan qed ngħidu mhux għax jien ma kkritikajtx. U żgur li kkritikajt, imissni ma kkritikajtx! Ikkritikajt ħafna u b'mod iebes. Ikkritikajna bl-iktar mod li naħsbu li huwa ta' ġid għal artna u l-istess ħaġa għamlu u qed jagħmlu n-naħa l-oħra fil-konfront tagħna. Pero' meta tagħsar dan kollu x'tistenna mill-politiku Malti?


L-iktar ħaġa li nistenna hija l-integrita' tiegħu. Tista' tkun bravu jew inqas bravu, tista' tkun oratur tajjeb u tista' ma tkunx oratur tajjeb, pero' jekk m'għandekx integrita' fil-politika, tersaqx lejha għax m'għandek ebda dritt li tħammeġ il-politika. Ħadd m'għandu dritt jgħid li l-politika hija xi ħaġa maħmuġa. Il-politika m'hijiex ħaġa maħmuġa. Il-politika hija l-iktar ħaġa ta' ġieħ għalina li nipparteċipaw fiha. Dawn il-politiċi tagħna - u kemm niddejjaq meta jużaw il-kelma "politikant", Sur President, għax hemm id-dispreġġjattiv fiha - kollha kemm huma, ta' kull naħa, ta' kull żmien, jekk jiġi Sibt, jekk jiġi Ħadd, fejn tarahom lil dawn? Il-ħin kollu jduru mal-kostitwenza tagħhom, il-ħin kollu jduru man-nies fil-każini politiċi. U jien naf xi tfisser li kull ministru, kull deputat ikollu kju twil ta' nies, kulħadd jitlob l-impossibbli mingħandek u kemm toqgħod sigħat twal tistenna lil kwalunkwe kostitwent li jiġi jkellmek! Żgur li għandna biex niftaħru. U għalhekk jien ninkwieta ruħi jekk xi ħadd jonqos minn dik l-integrita' fil-politika għax jekk wieħed jonqos ikun qiegħed jagħmel ħsara lil dawk kollha li b'tant sagrifiċċju qed jipprovaw iġibu 'l pajjiżna 'l quddiem. Ma jfissirx li m'hemmx eċċezzjoni, dażgur li hemm! Hemm eċċezzjonijiet fil-professjonijiet kollha, fil-mediċina, fl-avukatura, fil-periti, fl-accountants, fil-ħaddiema, f'kollox hemm eċċezzjoni. Pero' meta nħarsu lejna hawnhekk u lejn ta' qabilna, lejn min għandna nħarsu, lejn l-eċċezzjoni jew lejn tant nies li bid-doti li kellhom u li għandhom jistgħu tant jirnexxu fil-kamp tagħhom imma qed jagħtu ħilithom huma għall-politika?

Sur President, qed ngħid dawn l-affarijiet ukoll għaliex nixtieq li dan il-pajjiż jemmen fil-klassi politika tiegħu. Tagħtux kas tal-partiti. Il-partiti politiċi jeżistu pero' aħna qegħdin fil-politika mhux minħabba l-partit politiku li nħaddnu. Il-partit politiku li nħaddnu huwa l-istrument li narawh l-aħjar metodu kif aħna nagħmlu l-ġid lil pajjiżna. Partit politiku hu strument u mhux fini fih innifsu. L-agħar ħaġa li nimmaġinaw huwa li l-partit tagħna hu fini fih innifsu. Mhuwiex fini, huwa strument importanti ta' demokrazija, strument kif tagħmel il-ġid, imma huwa biss strument. Il-fini huwa Malta tagħna. Dak hu l-iskop għaliex qegħdin fil-politika li llum saret iktar internazzjonali milli qatt kienet.

Kont għadni tifel żgħir meta tela' Sir Ugo fl-elezzjoni ta' l-1939. Aħna konna noqogħdu Strada Stretta kantuniera ma' Strada San Giovanni u Sir Ugo kellu uffiċċju faċċata tad-dar tagħna, fil-bini li kien għadu ġdid, Vincenti Buildings. Jien tgħallimt minn Sir Ugo Mifsud, li kien avukat brillanti, li kien jispeċjalizza fil-kummerċ, u kien l-iżgħar prim ministru ta' Malta. Sir Ugo Mifsud miet jiddefendi l-ikbar kawża hawn Malta, kontra l-internament. U nixtieq li ż-żgħażagħ tagħna jitgħallmu minn dan id-diskors kbir li kien għamel Sir Ugo Mifsud. L-ikbar difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem saret minn Sir Ugo Mifsud, fejn kien qed jipprova jispjega l-ovvju, l-iktar ħaġa diffiċli fil-ħajja. Kif tispjegah l-ovvju? B'liema dritt bniedem jiġi internat għall-fehmiet politiċi tiegħu, mhux biss internat, imma eżiljat minn artu? Kundannat li jgħaddi t-traversata tal-Mediterran f'ċirkostanzi fejn il-mewt kienet iktar ċerta milli inċerta. U hemmhekk sar diskors brillanti li kull politiku Malti u kull studjuż tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għandu jgħozz. Din hija l-politika, dawn huma n-nies li sawruna, dawn huma n-nies li tawna l-prinċipji li għalihom aħna qegħdin ngħixu, li għalihom aħna qegħdin naħdmu f'din il-politika.

Ma nixbax ngħid: Jien kif dħalt fil-politika? Meta kont għadni student fl-ewwel snin tal-kors l-universita' kont ħabib ma' Dun Fortunat Mizzi, it-tifel ta' Nerik Mizzi. U Natolino - għax jien nafu bħala Natolino Mizzi - qalli: Guido, inti dejjem titkellem favur il-papa tiegħi imma qatt iltqajt miegħu? Għidtlu: Le, qatt ma ltqajt miegħu, inċapċaplu u affarijiet bħal dawn imma qatt ma ltqajt miegħu. Qalli: Ejja sad-dar ħalli nintroduċihulek. U meta mort għand Nerik Mizzi qalli: Int x'qed tistudja? Għidtlu għall-avukatura. Qalli: Xi kemm intom? Nerik Mizzi ma tantx kien jieħu minn widnejh u meta għidtlu: Circa 20, qalli: 120! Inti se tmut bil-ġuħ! Mur għidlu li llum fil-kors tal-liġi regolarment qed ikun hemm 120 u għall-grazzja t'Alla ħadd m'hu qed imut bil-ġuħ! Pero' jien mhux għal din l-istorja qed ngħid għax imbagħad kompla jgħidli: Allura inti tixtieq tieħu parti fil-politika? Għidtlu: Iva, nixtieq ħafna. Qalli: Fendi ibni! Qalli: Int se tieħu l-avukatura, dik professjoni. Ibni se jsir saċerdot, dik vokazzjoni. Jekk int trid tidħol għall-politika, dik hija missjoni.

Naħseb dan huwa l-appell kollu tiegħi. Irrid ngħid kemm ħdimna lkoll għad-demokrazija u se nitkellem fuq il-kollegi tiegħi tan-naħa l-oħra. Irrid ngħid hawnhekk li kien hemm xi nies li fl-1996 bdew jibżgħu li d-demokrazija f'Malta se tiġi tested b'mod ħażin. Irrid nirrikonoxxi li d-demokrazija Dr Alfred Sant għamilha ħaġa naturali għall-poplu Malti. Meta spiċċa l-gvern tiegħu u saru l-elezzjonijiet, għal darba oħra kien trapass naturali. Dan huwa mertu anke ta' Dr Sant u tal-kollegi tiegħu fil-kabinett. Allura d-demokrazija aħna lkoll, iż-żewġ naħat tal-Kamra, għamilnieha ħaġa naturali f'pajjiżna. Qed ngħid dan, Sur President, għaliex huwa għaqli li nenfasizzaw dawn l-affarijiet.


Sur President, jien nitlob skuża lil kull membru ta' din il-Kamra għan-nuqqasijiet tiegħi lejh. Ħadd m'għandu jitlob skuża lili għaliex ħadd ma naqas lejja. Sur President, irrid ngħid kemm sibt dejjem għajnuna mill-iSpeakers li taħtkom jien qdejt, minn Alfred Bonnici u l-aħħar wieħed int. Minn kull wieħed jien rajt il-protezzjoni li normalment għandi nistenna mis-Sedja.

Sur President, jgħidu li jasal iż-żmien li wieħed bows out mill-politika hemm min jgħid li ċ-ċinji qabel ma jmutu jkantaw. Hemm ċinji li aħjar imutu qabel ma jkantaw għaliex forsi jagħmlu l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu. Sur President, billi jien, qabel xejn, m'iniex ċinju u t-tieni nett m'għandi ebda idea li mmut għax inħares lejn il-futur b'fiduċja kbira, irrid ngħidlek li għal ċerti raġunijiet, li naħseb Malta taf bihom, jien għada se nirriżenja minn deputat ta' din il-Kamra.

Sur President, irrid ngħid li l-ikbar ġieħ li qatt irċevejt f'ħajti kien dak li nirrappreżenta lill-poplu Malti. Ikollok kemm ikollok unuri, ikollok kemm ikollok karigi fil-pajjiż, l-isbaħ kariga u l-ogħla kariga hija dik li tissejjaħ deputat tal-poplu. M'hemmx unur ikbar minn meta l-poplu jinnominak biex tirrappreżentah u tħares l-interessi tiegħu u għal 33 sena l-poplu Malti tani dan il-ġieħ kbir. Nixtieq ngħid grazzi lill-kostitwenti kollha tiegħi. Meta nħares lejn dawk l-uċuh li kienu dejjem miegħi fi żmenijiet diffiċli, fejn l-affarijiet ma tantx marru tajjeb u fi żmenijiet fejn marru aħjar, ngħid: Dik hi r-raġuni li jien qiegħed fil-politika, dawn kienu li żammewni, dawn li tawni l-appoġġ tagħhom kollu. U lil dawn irrid ngħidilhom grazzi. Ngħid grazzi wkoll lill-kollegi tiegħi taż-żewġ naħat tal-Kamra, lil Dwardu Fenech Adami, il-Prim Ministru, lill-kollegi tiegħi fil-parlament, lill-Clerks of the House kollha kemm huma ta' l-għajnuna li kelli minnhom u l-istaff tagħhom. Irrid ngħid grazzi speċjali lill-kollegi fil-ministeru tiegħi. Jien nista' ngħid li fil-ministeru tiegħi in partikolari rajt nies li huma dedikati, jaħdmu ħafna u m'għandhomx sens ta' siegħat għaliex forsi jien nesiġi iż-żejjed mingħand in-nies, pero' nipprova nagħti jien ukoll.

Sur President, nirringrazzjak ħafna li tajtni dan il-ħin kollu. Nirringrazzja lill-Kamra kollha tal-ġenerożita' tagħha u anke lill-whip tan-naħa l-oħra għaliex illum l-aġġornament ma kienx imiss lil din in-naħa imma kien imiss lin-naħa l-oħra, pero' ġentilment huwa mill-ewwel aċċetta. Dan hu l-parlament, din hija l-arti tal-kompromess, l-arti kif ngħinu u nħobbu lil xulxin. Grazzi ħafna, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear) (Applaws)

Condolences (22 Jul 1931 - 12 Aug 2010)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 256 tal-Ħdax-il Leġislatura tal-Erbgħa 29 ta' Settembru 2010

KONDOLJANZI

ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Sur President, fit-12 ta’ Awwissu li għadda, waqt li l-pajjiż kien qiegħed f’nofs is-sajf, ħarġet l-aħbar li f’daqqa waħda miet il-President Emeritus Guido de Marco. Tista’ tgħid li din l-aħbar ħasdet lil ħafna nies għax proprju kien wieħed mill-personaġġi l-aktar magħrufin u nazzarda ngħid - kif irriżulta fil-ġranet ta’ wara - wieħed mill-personaġġi l-aktar ammirati f’pajjiżna. Kienet aħbar li ħasdet xi ftit lilna lkoll għax ftit ġranet qabel il-President Emeritus Guido de Marco kien għadu kif iddaħħal l-isptar u kien għadda minn mument diffiċli imma ħareġ mill-isptar u proprju f’intervista li kien ta ftit qabel ma seħħet din it-telfa, kien qal li hu ħassu – dan kien kumment tipiku li juri l-karattru ta’ Guido – li reġa’ twieled mill-ġdid. Għalhekk ħassejna lkoll kemm aħna mument partikolari, fejn naħseb li l-pajjiż ħass li kien għadu kif tilef wieħed mit-tfal tiegħu, li ddedika parti sostanzjali minn ħajtu għall-ġid tal-pajjiż, għat-trasformazzjoni tal-pajjiż ‘il quddiem, għall-maturità tal-pajjiż mhux biss fl-affarijiet materjali imma anke f’dawk l-affarijiet li ma tistax tmisshom b’idejk imma li huma parti integrali mill-identità nazzjonali tagħna, minna li qegħdin fil-politika, naturalment mill-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja parlamentari, ma’ x’jagħmel politiku, mar-raġuni għaliex tidħol fil-politika, mat-tweġiba li tipprova tfittex meta jiġu mumenti diffiċli u forsi tibda tistaqsi lilek innifsek għalfejn dħalt fil-politika.

Forsi l-ħajja movimentata, importanti, mimlija kapitli differenti ta’ Guido de Marco, meta tagħsarha u meta tipprova tara x’għamel u x’m’għamilx fiha, l-ewwel u qabel kollox - mhux biss il-poplu Malti imma aħna r-rappreżentanti tal-poplu – issib it-tweġiba għal din il-mistoqsija. Meta ħsibt dwar x’għandi ngħid illejla f’din il-Kamra li verament jagħti ġieħ lil Guido, meta ħsibt x’għandi ngħid li kieku kien qiegħed hawn bilqiegħda maġenbi, - bħalma kelli l-okkażjoni f’esperjenza tiegħi f’dan il-Parlament li nkun bilqiegħda ma’ ġenbu - żgur li dik il-ħaġa li kien jieħu pjaċir biha hija jekk ngħidlu li ħajtu hi tweġiba sabiħa għal min jiddedika lilu nnifsu u lill-familja tiegħu għall-piż u għar-responsabilità li ġġib magħha l-politika.

Sur President, Guido de Marco jixraqlu tislima rispettuża u dinjituża f’dan il-Parlament għax huwa bniedem li kkontribwixxa ħafna. Hija naturali fil-ħajja politika li tieħu pożizzjoni u li tkun qiegħed fuq naħa waħda ta’ argument biex tirribatti dak l-argument ta’ ħaddieħor. Allura l-politika minnha nnifisha għandha dan l-element ta’ avversarju politiku. Imma anke jekk għex ħajtu f’dan il-kontest, il-Professur Guido de Marco, sarraf il-mod kif tista’ tkun avversarju politiku imma avversarju politiku li tirrispetta, li tisma’ u li tipprova tipperswadi. Il-frażi ta’ politika ta’ persważjoni naħseb illum norbtuha mill-ewwel mal-karattru u mal-istil ta’ Guido kif għex il-ħajja tiegħu fil-politika.

Ħadt pjaċir li llejla, b’rispett lejn Guido, qassamna fuq il-bankijiet tagħna l-aħħar diskors li hu kien għamel fil-Parlament qabel ma ħa l-ġurament ta’ President. Dak id-diskors kien it-tislima tiegħu lilna. Huwa diskors li sar fit-23 ta’ Marzu, 1999 fejn hu sellem lilna bl-istil tiegħu li joħroġ ċar f’dak id-diskors.

Illum, snin wara, qed inroddulu lura din it-tislima. Din il-Kamra qed trodd lura din it-tislima lil Guido. Minn dan id-diskors tista’ toħroġ ħafna affarijiet sbieħ li jgħoddu għalina l-politiċi u li jgħoddu għall-poplu Malti u Għawdxi. Nisslet biss sentenza waħda għax naħseb li hu ħassha meta qalha. Fl-aħħar parti tad-diskors hu qal dan il-kliem:

“Irrid ngħid li l-akbar ġieħ li qatt irċevejt f’ħajti kien dak li nirrappreżenta lill-poplu Malti”.

Personaġġ li kien avukat fil-kriminal ta’ suċċess enormi, ta’ fama kbira f’pajjiżna, li okkupa karigi politiċi fil-Partit Nazzjonalista tal-ogħla livell, personaġġ li mbagħad okkupa karigi ministerjali, inkluż ta’ Viċi Prim Ministru, personaġġ li okkupa karigi fuq livell internazzjonali meta kien sar il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u personaġġ li meta għamel dan id-diskors kien qed jagħmlu lejliet li kien se jokkupa l-kariga ta’ President, u jgħid dan il-kliem: “l-ikbar ġieħ li jien qatt kelli f’ħajti kien li nirrappreżenta lill-poplu Malti”. Hija frażi sabiħa li tiġbor fi ħdanha l-karattru u s-sustanza kollha ta’ Guido kif nafuh aħna taż-żewġ naħat tal-Kamra.

M’għandix għalfejn noqgħod insemmi daqshekk il-karriera sħiħa ta’ Guido. Naħseb li dik hija xi ħaġa li kulħadd jaf biha, li kulħadd japprezza u li kulħadd jgħid li fil-karigi kollha li hu okkupa ħalla l-impronta tiegħu kullimkien. Fil-professjoni legali, dik il-professjoni li tant ħabb, dik il-professjoni li għaddiha lilna - jien kont student tiegħu u baqa’ jiftakar sal-aħħar ġranet ta’ ħajtu li hu kien tutor tiegħi bħalma kien ta’ membri oħra ta’ din il-Kamra u ta’ oħrajn li mhumiex membri ta’ din il-Kamra - kien dak il-professur tal-liġi li anke meta kien qed jokkupa l-iktar karigi impenjattivi politiċi f’pajjiżna baqa’ jmur l-università jgħallem lill-istudenti. Għadni niftakar li meta ġieli kont imsiefer miegħu fuq xogħol kien jagħmel mezz li jmur f’xi librerija jixtri l-kotba tal-liġi biex iżomm ruħu aġġornat u biex ikun jista’ jgħaddi dak it-talent tiegħu lill-ġenerazzjoni l-ġdida biex dik il-ġenerazzjoni l-ġdida tidħol fil-professjoni legali u tapprezza l-ġmiel ta’ dik il-professjoni.

Hu ħalla l-impronta tiegħu hemmhekk daqskemm ħalla l-impronta tiegħu żgur fil-karigi ministerjali li huwa okkupa meta kien Ministru tal-Ġustizzja u Ministru tal-Intern. It-twaqqif tal-akkademja tal-pulizija, ix-xogħol li għamel f’dak il-qasam jibqa’ l-impronta ta’ Guido de Marco f’dak is-settur. Fix-xogħol tiegħu meta kien Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, kienet importanti l-vuċi tiegħu u r-rwol tiegħu anke formali fil-proċess tagħna biex eventwalment isseħibna fl-Unjoni Ewropea. Toħroġ anke ċerta karatteristika ta’ Guido meta tisimgħu jgħid li jiftaħar li fl-1990 mar jippreżenta l-applikazzjoni ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fil-ġurnata tal-festa tal-Karmnu tal-Belt. Għalih kienet xi ħaġa importanti li enfasizza li jagħżel il-ġurnata tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt biex jagħmel pass politiku ta’ importanza kbira li eventwalment kellha l-istorja partikolari tagħha. Imma l-kapaċità li jżewweġ dawn id-dimensjonijiet differenti f’xi ħaġa sabiħa kienet kapaċità li l-Professur de Marco kien jirnexxielu joħroġha u jenfasizzaha f’kull inizjattiva li ħa.

Kienet ukoll esperjenza importanti wkoll meta hu kien okkupa l-kariga ta’ President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dak il-perjodu kien hemm mumenti partikolari, fosthom meta l-Kuwait ġie invadut mill-Iraq, meta d-dinja stess kienet għadha ma tafx kif se taqbad tindirizza din il-kwestjoni u li se ngħid mhux qed ngħidu jien imma qaluli l-Emir tal-Kuwait, il-Prim Ministru tal-Kuwait stess. Ftit xhur qabel ma miet Guido meta kont qed inżur l-istati tal-Golf u żort il-Kuwait akkumpanjat mill-Viċi Prim Ministru semmewli r-rispett kbir li dak il-pajjiż baqa’ juri lejn Guido de Marco għal dak li għamel meta kien President tan-Nazzjonijiet Uniti. Imbagħad dak ir-rispett urewh meta ġiet delegazzjoni għolja ħafna li attendiet għall-funeral b’rispett kbir, u anke bid-dekorazzjoni li taw lil Guido wara mewtu. Dan għaliex Guido f’dak il-mument partikolari kellu l-kuraġġ, kellu l-istatura morali li fl-ogħla istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jieħu pożizzjoni ċara ta’ appoġġ lejn pajjiż żgħir li kien qed jiġi invadut minn forza akbar. Aħna li nafu lil Guido nafu x’kien ir-raġunament tiegħu, raġunament li kien mibni fuq il-fatt li jekk intix pajjiż żgħir jew pajjiż kbir inti pajjiż u jistħoqqlok l-appoġġ u l-għajnuna tal-komunità internazzjonali fil-mument tal-bżonn.

M’għandix għalfejn insemi lanqas il-perjodu ta’ żmien li għamel bħala President ta’ Malta li kien eżempju ta’ presidenza li għamlet ħilitha biex f’dak il-perjodu ta’ żmien ta’ ħames snin ikun President tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. F’dan ix-xenarju nkun qed niżbalja jekk inħalli barra l-fatt li ħalla l-impronta tiegħu wkoll fil-Partit Nazzjonalista għax ta sehem importanti fil-mixja tal-Partit Nazzjonalista tul il-mixja tal-kapitli differenti tal-ħajja ta’ pajjiżna mill-Indipendenza lil hawn, bil-kontribut li hu ta ħalli pajjiżna jkun jista’ jimxi ’l quddiem, dejjem b’dak il-prinċipju li hu jenfasizza “il-politika tal-persważjoni”. Fil-mumenti diffiċli ta’ żvilupp ta’ ħajja demokratika, fil-mumenti fejn tiġi pprovat biex dak li inti tgħid twettqu, Guido kien kapaċi li dak li jgħid iwettqu. Il-politika tal-persważjoni tiegħu sarrafha tul il-karriera politika tiegħu anke jekk immilita f’pożizzjonijiet importanti fil-Partit Nazzjonalista li kompla jokkupa b’lealtà sħiħa għas-sitwazzjonijiet u għaċ-ċirkostanzi politiċi li kien qed jgħaddi minnhom hu flimkien mal-bqija tal-pajjiż.

Issa se nagħmel riflessjoni fuq il-perjodu tiegħu tal-presidenza li huwa l-ogħla mument ta’ karriera politika. F’pajjiżna naħsbu li dik il-kariga hija formalità imma l-kariga ġġib magħha responsabbiltà ta’ personaġġ li jkun qed jgħaddi minn prova wkoll, il-prova li allavolja tkun ġej minn kamp politiku partikolari jirnexxilek fl-ogħla kariga tal-pajjiż togħla iżjed mil-livell ta’ politika partiġjana fis-sens sabiħ tal-kelma, mhux fis-sens ikrah, u ssir politiku fis-sens ta’ president tal-pajjjiż kollu, ta’ opinjonijiet differenti. F’dak li tagħmel, fl-azzjonijiet żgħar u kbar li tagħmel tkun taħt mikroskopju - għax min jokkupa dik il-kariga jkun taħt mikroskopju - u kull aċċenn li tagħmel jiġi interpretat. Il-fatt li jkollok xi ħadd li jkun okkupa kariga għal ħames snin sħaħ u li jispiċċa dik il-kariga bir-rispett u bl-appoġġ ta’ kulħadd naħseb li jagħti ġieħ u jitkellem waħdu għal dak li rnexxielu jagħmel Guido de Marco tul il-presidenza tiegħu.

Għalhekk, f’isem sħabi kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra, nesprimi l-apprezzament tagħna fit-tislima li qegħdin nagħtu llejla lil Guido de Marco bħala kommemorazzjoni f’din l-okkażjoni. Insellem lilu filwaqt li nsellem lill-familja kollha tiegħu. Naħseb li s-Sinjura de Marco ma tiddejjaqx jekk ngħid f’din il-Kamra li ftit wara l-funeral kitbitli ittra sabiħa ħafna. F’din l-ittra, apparti li esprimiet l-apprezzament tagħha għas-sentimenti taż-żewġ naħat tal-Kamra murija magħha u mal-familja tagħha fil-mument diffiċli li kienu għaddejjin minnu, għamlet riflessjoni li xtaqt nirrepetiha hawnhekk għax torbot ma’ dak li konna qegħdin ngħidu ftit tal-ħin ilu. Ir-riflessjoni li għamlet is-Sinjura de Marco kienet li meta rat din il-mewġa kbira ta’ rispett u solidarjetà li ħarġet mill-poplu Malti kollu malli tħabbret il-mewt ta’ Guido, hi fehmet f’dak il-mument kemm hija sabiħa l-politika. Kienet tkun ħela kieku żammejt din ir-riflessjoni għalija biss għax jixirqilha tiġi maqsuma magħkom ilkoll għax m’għandix dubju li l-familja de Marco għaddew minn mumenti sbieħ però għaddew minn mumenti diffiċli f’ħajjithom. F’dawk il-mumenti diffiċli, kif konna qed ngħidu iktar kmieni, tistaqsi lilek innifsek: Għaliex? Imma t-tweġiba eventwalment toħroġ u apprezzajt ħafna l-ħsieb li għamlet is-Sinjura de Marco f’din l-ittra li kitbitli.

Mr Speaker, jiena, f’ismi personali u f’isem il-kollegi kollha tiegħi, nesprimi għal darb’oħra f’din il-Kamra l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja kollha de Marco, lis-Sinjura de Marco, lit-tfal Gianella, Fiorella u lil Mario li qed ikompli fit-triq ta’ missieru li m’għandix dubju kien missier li għajnejh kienu jixegħlu meta kien iħares lejn uliedu kollha u jarahom kollha kemm huma mexjin u jkollhom suċċess fil-karrieri differenti tagħhom. Minn qalbna nesprimu s-solidarjetà tagħna u nipproponi li l-Kamra, b’sinjal ta’ rispett lejn il-familja de Marco u b’tislima lejn il-Professur de Marco, taġġorna x-xogħol tagħha llejla għal nhar it-Tnejn bl-aġenda kif miftiehma fil-House Business Committee. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Mr Speaker, min mhuwiex daqshekk konoxxenti ta’ dan il-Parlament jew tal-politika forsi jaħseb li f’din il-ħajja l-ispazju li jifred iż-żewġ naħat qisu xi trunċiera li wieħed qatt ma jista’ b’xi mod jew ieħor jaqsamha biex ikun hemm kuntatt. Forsi jkun hawn min jaħseb li jkun diffiċli għal kap ta’ partit li huwa jew kien tradizzjonalment l-avversarju per eccellenza tal-persuna li qegħdin infakkru llejla, li kien mhux biss membru parlamentari, mhux biss ministru imma fil-verità kien avversarju formidabbli li dan il-partit dejjem sab quddiem wiċċu, li b’xi mod jew ieħor nagħti ġieħ lill-figura tal-Professur Guido de Marco. Xejn mhu aktar ‘il bogħod minn dan.

Jien, personalment, ċert li sħabi u fil-fond ta’ qalbu kulħadd jista’ jħares lejn il-figura tal-Professur de Marco bħala figura ta’ ispirazzjoni. Ispirazzjoni ma tfissirx li dejjem taqbel ma’ kollox, ma’ kull ħaġa li wieħed jgħid imma ispirazzjoni tfisser, fl-opinjoni tiegħi, li tista’ tħares lejn persuna u tgħid: Iva, ma’ dan il-bniedem nista’ nitkellem. Ma kellix ix-xorti li nkun student tal-Professur de Marco għax is-sengħa li għażilt jien hija differenti minn dik tal-liġi. Lanqas kelli x-xorti li nisimgħu jiddibatti minn din in-naħa tal-Kamra u min-naħa l-oħra, imma kelli x-xorti li nsir nafu personalment l-aktar f’dawn l-aħħar sentejn bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Il-laqta li nista’ nagħti jien għax żgur li hemm ħafna iktar kollegi miż-żewġ naħat tal-Kamra li jistgħu jagħtu ħafna iktar laqtiet personali milli nista’ nagħti jien, hija ta’ tifel li kien isegwi ftit mill-bogħod il-politika u kien jara lil għadd ta’ personaġġi, li kważi kollha spiċċaw minn din il-Kamra, jitkellmu miż-żewġ naħat tal-Kamra u jiftakar l-elokwenza ta’ dan il-bniedem li b’xi mod jew ieħor iżommok tisimgħu. Ħalliha li dak li qed jgħid mhux kollu taqbel miegħu imma jżommok tisimgħu.

L-impressjoni li kelli tal-Professur de Marco, li llum naf li hija żbaljata, u li forsi għadha impressjoni mainstream, hija dik ta’ politiku li għamel evoluzzjoni jew transizzjoni minn, kif jgħidulu bl-Ingliż, hawk għal dove fil-politika. Forsi fil-bidu tal-karriera politika tiegħu kien joħroġ bħala personaġġ abrasive fil-kritika tiegħu u temm il-karriera politika tiegħu anke bil-presidenza bħala figura li kien jaħdem ħafna biex jgħaqqad. Biss min jaqra l-memoirs tal-istess President Emeritus, min anke jisma’ dak li kellu xi jgħid anke fl-aħħar snin jinduna li fl-aħħar mill-aħħar kien personaġġ li lil hinn mill-qoxra tiegħu tal-bidu dejjem kellu vokazzjoni li jipprova joħloq bridge. Kien hemm min tkaża, jien ngħid erronjament, għax fi żmenijiet diffiċli għal dan il-pajjiż l-Onor. Guido de Marco kien isib il-ħin biex jiltaqa’ ma’ esponenti ta’ din in-naħa tal-Kamra, anke mal-President tar-Repubblika ta’ dak iż-żmien, sabiex il-pajjiż joħroġ mill-impasse li kien fih. Kien x’kien li ġara wara, naħseb li dan il-punt juri li fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra hemm nies li għandhom rieda, forsi ma tkunx dejjem kontinwa, forsi ma tkunx dejjem tidher, forsi ma tkunx dejjem ġenwina wkoll.

L-istint naturali tal-politiku li jibqa’ jiġi ammirat huwa dak l-istint li jħares lejn il-pajjiż ’il fuq mill-partit. Naħseb li din kienet xi ħaġa li Guido de Marco għamilha b’mod naturali u jkolli ngħid - u forsi hemmhekk kien il-mod formidabbli li bih kien jaħdem - li dan l-ilbies partiġjan ma neżgħux dakinhar li sar president. Naħseb li rnexxielu jinżgħu ftit qabel, jekk mhux ħafna qabel ukoll. Għalhekk kien avversarju formidabbli għax ma stajtx titkellem dwaru b’xi mod li tgħid li dan qed ixerred xi tip ta’ mibegħda. Żgur li minn dak li niftakar jien kien personaġġ li bi kliemu jattakkak imma jattaka mhux lilek imma l-argument. Naħseb li dik it-tip ta’ politika għandu jkollna d-diċenza li nżommuha f’dan il-pajjiż. Min ikun lest li jagħmel pont bejnietna rridu nagħtuh il-ġieħ u mhux nipprovaw inċekknuh. Naħseb ukoll li l-presidenza tiegħu kienet waħda dinjituża ħafna għal dan il-pajjiż. Kienet presidenza li bla dubju għenet u bniet fuq il-presidenzi ta’ qabilha.

L-aħħar darba li tkellimt mal-Professur de Marco kien jumejn qabel ma miet. Ċempilli l-Onor. Mario de Marco għax konna ovvjament f’kuntatt amikevoli flimkien biex nara kif inhu missieru għax f’dawk l-24, 36 siegħa ma kontx segwejt l-iżviluppi tas-saħħa tal-Professur de Marco minħabba inċident ċkejken li kelli. Mario qalli li se jkellimni xi ħadd. Dak il-ħin inħsadt x’ħin smajt leħen il-Professur de Marco u staqsejtu kif inhu. Hu qalli: “Jien ċempilt biex nara kif int inti. Jien sod toqgħodx tinkwieta. Irrid inkun naf kif int inti.” Naħseb li dak jixhed l-imġiba kordjali u amikevoli tiegħu. Nistqarr li f’dawn is-sentejn ġieli kont noqgħod nisimgħu u nisfida ċerti argumenti li kien qed jagħmel u ċerta verżjoni tal-istorja li kien jagħti hu. Kien hemm ċerti episodji li ma kontx naqbel mal-mod ta’ kif qed jirrakkontahom imma kienet bla dubju ta’ xejn esperjenza li nibqa’ ngħożż u kburi ngħid li tkellimt miegħu.

Nixtieq insellem b’mod partikolari lis-Sinjura Violet de Marco. Din diġà kelli l-okkażjoni li ngħidha fil-jiem ta’ wara l-mewt tal-Professur de Marco. Naħseb li matul is-snin is-Sinjura Violet kienet xempju ta’ dinjità kbira, speċjalment fiż-żmien li għamlet bħala First Lady, u ta’ ispirazzjoni għal ħafna persuni. Jien naħseb li kienet il-persuna t-tajba fil-ħin it-tajjeb, fil-post it-tajjeb u, kif tkellimna qabel dwar il-ġenituri tal-politiċi, naħseb li rridu nroddu ħajr ukoll lil dawk l-irġiel u n-nisa li huma partners tagħna fil-politika u li mingħajrhom fil-verità ftit li xejn nistgħu nagħmlu jekk ma jkollniex l-appoġġ tagħhom fil-ħajja privata tagħna.

Nista’ nistqarr li rajt ħafna umanità fis-Sinjura Violet u fil-familja de Marco meta minn jeddhom u kważi mingħajr avviż - u naf il-ħaddiema tal-istazzjon One kemm apprezzawha - ftit wara l-funeral marru personalment l-istazzjon One, li huwa x-xaqliba totalment differenti tal-politika tal-familja de Marco, biex jgħidu lill-ħaddiema tagħna, mill-iċken ħaddiem sad-diretturi, kemm apprezzaw ix-xogħol li għamlu mal-PBS u man-Net li flimkien ingħaqdu sabiex jagħtu s-servizz li kellu jingħata, kif ukoll biex japprezzaw il-mod dinjituż ta’ kif il-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista sellmu lill-Professur de Marco. Nista’ nistqarr x’qaluli ħafna mill-ħaddiema, li qatt ma kienu jistennew dik it-tip ta’ umanità li tiġi espressa b’dak il-mod a caldo, mill-ewwel u first hand.

Nixtieq li l-aħħar kelma tiegħi tkun lejn il-ħabib tiegħi Mario. Nista’ biss nimmaġina kemm hu diffiċli li jkollok missier bħall-Professur de Marco fejn kulħadd iqabbel, kulħadd jipparaguna. It is a very hard act to follow. Minkejja li ninsabu fuq żewġ naħat totalment differenti u minkejja li aħna avversarji politiċi u nittama li fis-snin li ġejjin nibqgħu nkunu avversarji politiċi leali lejn xulxin, naħseb li ma nkunx l-ewwel u lanqas l-aħħar wieħed li ngħidlek kemm għandek tkun kburi bil-papà tiegħek u li kien wieħed minn dawk in-nies, dak l-olimpu żgħir imma dejjem jikber – sfortunatament ukoll – ta’ personaġġi Maltin li aħna nistgħu nqisuhom statisti u missirijiet u ommijiet ta’ dan il-pajjiż.

Forsi jekk nagħmel twiddiba lilna nfusna jkolli nsemmi l-fatt li dan il-pajjiż għadu ma darax biżżejjed li jkollu istituzzjonijiet – bil-kelma “istituzzjoni” ma nfissirx fondazzjoni bilfors jew xi ħaġa oħra - b’mod permanenti li nistgħu nfakkru lil dawn il-personaġġi lil hinn mill-monumenti wkoll. Nemmen li għandu jkollna modi differenti ta’ kif lil dawn il-persuni li bil-ħidma tagħhom, kulħadd bil-mod tiegħu, kulħadd b’mod inkrimentalista jgħin biex dan il-pajjiż huwa dan li hu u se jkun dak li se jkun fil-futur, nagħtuhom il-ġieħ li jistħoqqilhom. Għalhekk f’isem din in-naħa tal-Kamra ningħaqad mas-sentimenti espressi mill-Prim Ministru fejn nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha de Marco. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Qabel xejn nixtieq nirringrazzja lilek ta’ din l-inizjattiva u din l-opportunità. Diffiċli li nsib biżżejjed kliem u kliem addattat biex nirringrazzja ż-żewġ naħat tal-Kamra tar-rispett, tal-wens li intom ilkoll urejtuna fil-ġranet diffiċli li għaddejna minnhom.

Meta missieri daħal l-isptar ġimgħa qabel ma ħalliena ma kienx hemm ġurnata u ma kienx hemm siegħa li ma kontx nirċievi messaġġi, telefonati minn kull deputat ta’ din il-Kamra u ta’ dan m’għandix kliem biex nirringrazzjakom. Fir-realtà tinduna li hawnhekk m’aħniex istituzzjoni, m’aħniex Parlament ta’ naħat. Aħna lkoll kollegi, u dik hija r-realtà. Aħna lkoll kollegi naħdmu biex nagħmlu l-aħjar għal pajjiżna. Fl-aħħar diskors li missieri kien għamel bħala deputat f’din il-Kamra qal li l-partiti politiċi huma importanti però jkun żball jekk naħsbu li l-partiti politiċi huma fini fihom infushom. Il-partiti politiċi huma biss strument għal dik il-fini li fl-aħħar mill-aħħar hija l-aħjar għal pajjiżna.

Meta missieri ġie elett għall-ewwel darba fl-1966 kien mument partikolari għalih għax, għalkemm suppost li kien mument ta’ ferħ, għal min ma jafx kien mument ta’ niket, għax fl-istess ġurnata li huwa ġie elett, miet missieru. Hekk kif kien qed jistenna r-riżultati biex jiġi kkonfermat li hu kien tela’ bħala rappreżentant tal-poplu, missieru, li kien bniedem umli ħafna, li kien xettiku ħafna tad-deċiżjoni ta’ missieri li joħroġ għall-politika, miet hekk kif kien qed jisma’ r-riżultat. Naħseb li missieri dejjem ġarr miegħu dik il-ġerħa jekk hu setax jikkontribwixxi b’xi mod lejn din it-telfa ta’ missieru li miet b’attakk f’qalbu.

Però m’għandix dubju li n-nannu kien kburi ħafna bl-imġieba, bil-karriera u bl-għażliet li għamel missieri. Għax bħal kull ħaġa oħra, kif semma sew il-Prim Ministru u l-kollega tiegħi l-Kap tal-Oppożizzjoni, missieri dejjem emmen li fl-aħħar mill-aħħar fil-politika qiegħed hemmhekk biex isservi. Kemm ħabb il-professjoni legali? Ħabbha ħafna però ma kienet xejn għalih ħdejn il-politika. Min jaqra l-awtobijografija tiegħu fir-realtà jinduna li l-ħajja legali tiegħu fil-ktieb kienet conspicuous by its absence. Ftit li xejn kiteb dwarha għax l-imħabba tiegħu vera kienet il-politika. Il-professjoni tgħinek biex forsi tkun indipendenti fil-ħajja politika però fil-professjoni t-tajjeb li tagħmel huwa individwalment mal-klijenti tiegħek. Il-politika, lilna lkoll, tagħtina l-opportunità li ntejbu ċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna. Issa jista’ jkun li xi drabi f’din il-Kamra ma naqblux fid-dettall ta’ kif nistgħu nottjenu t-tajjeb għal pajjiżna però dak it-tajjeb aħna lkoll irriduh u lkoll irridu naslu għalih.

Jekk wieħed isib f’dan il-ktieb dik il-ġurnata meta missieri ħa l-ġurament, jinduna li missieri kellu jieħu l-ġurament ta’ lealtà lejn ir-Reġina Eliżabetta, kif inbidel pajjiżna mill-1966, sentejn biss wara l-Indipendenza. Illum, bis-saħħa tal-klassi politika, bis-saħħa ta’ kull politiku, Malta hija repubblika, Malta hija membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha ekonomija avvanzata u bis-saħħa taż-żewġ naħat tal-Kamra, bis-saħħa ta’ varji ġganti fil-politika Maltija, Malta għandha xibka soċjali, politika soċjali li tagħmilna kburin. Dan sar bis-saħħa ta’ ħafna nies bħal missieri. U jekk missieri għallimni xi ħaġa hi li mill-poplu dejjem għandek x’titgħallem u li fir-realtà qatt ma taf biżżejjed. Hu l-poplu li għandu jgħallmek. U meta ġie nieqes missieri, il-poplu ried jgħaddielna messaġġ lilna l-politiċi. Naħseb li l-poplu ried juri li l-apprezzament għall-politiku tmur lil hinn mill-politika. Il-poplu ried juri li m’hemmx naħat f’apprezzament ta’ min verament irid jimxi għall-aħjar ta’ pajjiżu.

Jumejn wara li ġie nieqes missieri, filgħodu kmieni ċemplitli ommi kważi mbikkma u qaltli hekk: “Mario, jien naf kemm ħadem il-papà għax kont viċin tiegħu, imma qatt ma immaġinajt li kien igawdi daqshekk rispett. Qatt ma immaġinajt li n-nies apprezzaw daqshekk dak li għamel”. U ta’ dan irrid verament nuri, f’isem il-familja, l-apprezzament tiegħi. Missieri kellu numru ta’ karatteristiċi li għenuh fil-pass ta’ ħajtu. Bid-determinazzjoni tiegħu xejn ma kien impossibbli. Għal kull problema kien hemm soluzzjoni! Hu mexa b’vanġelu ta’ tliet kelmiet “Persistenza, Konsistenza u Insistenza” għal dak kollu li aħna rridu nagħmlu f’ħajjitna.

Meta l-ħajja ta’ missieri f’dawn l-aħħar seba’ snin saret ħafna aktar fraġli, kellu l-problema li l-kliewi tiegħu waqfu jiffunzjonaw u kien ikollu jmur jagħmel dijalasi kull jumejn. Anke dik kienet sfida li ried jegħlibha. Filwaqt li ħaddieħor forsi kien jaqbad u jiddeċiedi li issa għamlu żmienu, li għamel biżżejjed attivitajiet u riċevimenti, għalih innifsu kienet kważi sfida li aktar ried jaċċettaha. Dak kien mod ukoll kif seta’ jegħleb il-problema tiegħu u jibqa’ f’kuntatt man-nies b’sens ta’ determinazzjoni. Kellu sens kbir ta’ ottimiżmu. Kif jaf Tonio, ma’ kulmin kien jiltaqa’ u forsi kien jaqsam miegħu xi problema, kellu dawn iż-żewġ kelmiet: Keep Smiling! Verament hekk trid tagħmel fil-ħajja. Minkejja l-problemi li kollha kemm aħna xi darba se naffrontaw, irridu nħarsu lejn il-ħajja b’sens ta’ ottimiżmu. Punt li dejjem għallimni kien dan: Ibqa’ tgħallem, ibqa’ aqra, però ibqa’ dejjem viċin tan-nies għax in-nies jgħallmuk.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu missieri kien qal hekk:

“Hemm min jgħid li ċ-ċinji, qabel ma jmutu, ikantaw. Hemm ċinji li aħjar imutu qabel ma jkantaw għax forsi jagħmlu l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu.”

 

U kompla sejjer hekk:

“Sur President, jien qabel xejn m’iniex ċinju u t-tieni nett m’għandi l-ebda idea li mmut, għax inħares lejn il-futur b’fiduċja kbira.”.

F’intervista li dehret fil-gazzetta dakinhar li miet missieri, fejn hu qal li ħassu reborn u li jħares lejn il-ħajja b’sens ta’ ottimiżmu għax il-ħajja hija sabiħa - u verament il-ħajja hija sabiħa – naf li hu ħassu fraġli ħafna, però dejjem ried juri lil kulħadd dak is-sens ta’ ottimiżmu dak is-sens ta’ fiduċja minkejja d-dgħufija li forsi aħna nkunu qed inħossu.

Nixtieq nirringrazzjakom u nirringrazzja lill-poplu Malti. Il-poplu jistenna ħafna minna. Il-poplu jistenna minna integrità assoluta. Naħseb li lkoll kemm aħna għandna nuru lill-poplu Malti, li f’dawn il-mumenti li forsi anke l-klassi politika għaddejja mill-isfidi tagħha, għandna l-obbligu u r-responsabilità li nibqgħu mexjin b’din ir-responsabbiltà lejh. Fl-aħħar mill-aħħar aħna deputati tal-poplu, aħna nirrappreżentaw lill-poplu, għax il-poplu lilna tana l-aqwa ġieħ.

Sur President, f’isem ħuti u f’isem ommi, nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll ta’ dan is-sens ta’ kburija li tajtuna lkoll illum. Grazzi ħafna.

MR SPEAKER: Grazzi. Jiena wkoll xtaqt naqsam magħkom ftit ħsebijiet fuq Guido de Marco li, fil-fehma tiegħi, kien wieħed mill-ġganti tal-politika Maltija, kien jaf daqstant jiġġieled daqskemm kien jaf jiftiehem u kien jaf iressaq lin-nies lejn xulxin. Waħda mill-affarijiet li xtaqt nagħmel f’din l-okkażjoni hi li noħroġ ktejjeb – ħadt gost li dan irnexxielna nagħmluh – li fih irriferejt għal meta ħa l-ewwel ġurament tiegħu f’din il-Kamra kif ukoll l-aħħar diskors tiegħu f’din il-Kamra. Inizjalment kelli l-ħsieb li nagħmel il-Maiden Speech tiegħu imma dan tant kien b’saħħtu, mimli b’interruzzjonijiet u b’nies jitkeċċew mill-Kamra, li fiċ-ċirkostanzi kien aħjar li nagħmlu l-aħħar speech li għamel f’din il-Kamra.

Guido de Marco kien bniedem li emmen tassew f’dak li kien jgħid, ħadem għal dak li kien jgħid, imma minkejja li kien b’saħħtu fl-argument, dejjem kien jirrispetta lill-persuna u dejjem kien jirrispetta lill-avversarju. Naħseb li l-aktar ħaġa li toħroġ ċara fil-politika tiegħu hija r-rispett għall-avversarju politiku u dan ukoll fid-dawl tal-fatt li Guido kien u għadu statista li emmen f’Malta u fil-futur ta’ Malta. Mhux hekk biss, Guido kien statista internazzjonali.

Illum stess iltqajt mal-ex Viċi Prim Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija, li bħalissa qiegħed Malta u li wkoll tkellem b’sogħba, b’imħabba, b’ammirazzjoni u b’rispett lejn Guido de Marco u esprima d-dispjaċir għat-telfa tiegħu. Guido de Marco kien bniedem li qatt ma ċeda, lanqas quddiem il-mard. Baqa’ dejjem jemmen fil-ħajja, baqa’ dejjem jissielet u baqa’ dejjem għaddej bil-ħidma tiegħu. Nista’ nsemmi ċirkostanza personali tiegħi ta’ meta konna f’nofs il-kampanja tal-kandidatura għas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.

Dak iż-żmien Guido de Marco kien diġà għaddej mill-marda li kellu u kelli kważi niġġieled miegħu u nitlob lill-mara tiegħu biex tgħini nikkonvinċuh ma jiġix f’Kampala ġewwa l-Uganda biex jagħmel il-campaigning tiegħu f’mument meta hu kien qed jagħmel id-dijalisi kontinwament. Dan juri wkoll is-sens ta’ lealtà tiegħu u s-sens ta’ impenn li wera wkoll f’din il-Kamra. Huwa mhux biss kien membru parlamentari fit-tul ta’ din il-Kamra, wieħed mill-aktar bniedem li għamel snin f’din il-Kamra, imma kien ukoll Leader of the House u tant ħadem biex din il-Kamra timxi ’l quddiem.

Guido kien jemmen fil-Parlament. Kien jemmen li l-Parlament irid ikollu l-ħin għad-dibattitu tiegħu, kien iħobb jgħid li l-Parlament irid iparla imma mhux iparla fil-vojt iżda biex iwassalna biex inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin aħjar u nimxu ’l quddiem b’mod aħjar, b’mod li d-dibattitu jkun il-mezz kif nistgħu nixprunaw lil xulxin fil-ħsebijiet tagħna. Naħseb li jekk kien hemm mument fiċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tiegħu li dehret tant ċara mhux biss f’ħafna nies - min kien student tiegħu bħalma kont jien, min kien jafu bħala politiku, min kien jafu bħala avversarju – imma f’Malta kollha, kien il-mument tal-funeral tiegħu u l-mumenti li kien lying in state f’dan il-Palazz, fejn in-nies ta’ kull twemmin politiku, bi ħġarhom ġew biex jagħtu l-aħħar tislima lilu, kif ġew ukoll nies politiċi barranin li riedu jkunu hawnhekk magħna wkoll fil-mument fejn il-poplu kollu għadda minn dan in-niket.

Irridu nfakkru lil Guido de Marco mhux biss bħala President Emeritus ta’ Malta imma wkoll bħala bniedem li ta linja tant b’saħħitha u importanti lill-politika barranija u li wkoll żewweġ it-twemmin fl-Unjoni Ewropea mat-twemmin fil-missjoni fil-Mediterran ta’ Malta, fil-ħsieb li Malta mhijiex biss Ewropea imma Mediterranja. Jien ningħaqad mas-sentimenti kollha li tressqu u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex twassal il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Guido de Marco. Nieħu gost li ħafna minnhom qegħdin hawnhekk f’dawn il-mumenti f’din il-Kamra juru r-rispett li għandna lejn dan l-istatista Malti għall-kontribut li ta għall-istorja u għall-mixja tal-poplu tagħna. Grazzi.

Nitlob lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex, jekk jogħġbu, jingħaqad biex jissekonda l-mozzjoni li l-Kamra taġġorna.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Nissekonda.

MR SPEAKER: Nitlob lill-Viċi Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.

Electoral History

Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 29.03.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Positions
Sworn in as Deputy Prime Minister and Minister for Internal Affairs and Justice - 14.05.1987
Ceased: 04.05.1990
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 04.04.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Positions
Sworn in as Deputy Prime Minister and Minister for Foreign Affairs - 27.02.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996
Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003
Positions
Sworn in as Deputy Prime Minister and Minister for Foreign Affairs - 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts