Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Karl Chircop

Condolences (7 Aug 1965 - 12 Oct 2008)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 41 tal-Ħdax-il Parlament tat-13 ta' Ottubru 2008

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Louis Galea): Onorevoli Membri, wara li l-bieraħ kmieni wara nofsinhar waslet l-aħbar ta’ niket li seħibna l-Onor. Karl Chircop ġie nieqes fin-National Hospital of Neurology and Neurosurgery f’Londra, iż-żewġ naħat tal-Kamra qablu li fil-bidu tas-seduta ngħaddu mill-ewwel għat-tifkira tal-memorja ta’ seħibna l-Onor. Chircop. Kien hemm ukoll il-qbil li din il-parti tas-seduta jkunu jistgħu jkopruha b’filmati u b’rapporti l-mezzi tal-komunikazzjoni. Nistieden lill-Prim Ministru.

ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Grazzi Mr Speaker. Huwa b’sens kbir ta’ dispjaċir illi din il-Kamra qiegħda tiltaqa’ llum f’mument fejn qiegħda tara wieħed mill-kollegi tagħna nieqes mill-preżenza li aħna tant konna drajna fis-snin li għaddew fil-mumenti li għexna flimkien mill-mument li Karl Chircop beda l-esperjenza tiegħu parlamentari. Huwa mument ta’ dwejjaq kbar għalina lkoll meta nitilfu lil xi ħadd minn sħabna, partikolarment meta jkun xi ħadd li tlifnieh f’età żgħira ħafna. Il-Kamra tiftakar illi ftit tal-ġimgħat ilu nfirxet aħbar li xxukkjat lilna lkoll meta smajna li Karl, f’daqqa waħda, kien ħassu ħażin u li s-sitwazzjoni ta’ saħħtu ma kienet tajba xejn. Naħseb li nkun qed ngħid tajjeb jekk niddeskrivi dak li għexna flimkien dakinhar aħna l-kollegi tiegħu bħala mument ta’ xokk u sorpriża, però fl-istess ħin b’tama illi kien mument temporanju li joħroġ minnu. Kien mument fejn ilkoll kemm aħna ngħaqadna mal-familja ta’ Karl, mal-mara tiegħu b’mod partikolari, u tista’ tgħid li l-pajjiż kollu f’dak il-mument esprima sentimenti ta’ solidarjetà.

Minn dak il-mument ’il quddiem għexna ġranet nistaqsu lil xulxin biex naraw kif kien sejjer u jekk is-sitwazzjoni kenitx qiegħda titjieb, sakemm imbagħad irrealizzajna li għall-kundizzjoni medika tiegħu kien hemm bżonn li jsiefer ukoll. Naturalment it-tama fil-bniedem ma naqset qatt u jiena tkellimt ma’ kollegi ħbieb tiegħu sew min-naħa tal-Oppożizzjoni li ħadmu miegħu għal ħafna snin. Kulħadd kien isaqsi x’qed jiġri u lkoll kemm aħna, anke jekk l-aħbarijiet mhux dejjem kienu sbieħ, kellna t-tama li f’xi mument jew ieħor lil Karl konna se nerġgħu narawh hawnhekk. Illum, sfortunatament, qegħdin niltaqgħu biex il-Kamra kollha, f’dan il-mument, tagħti ġieħ lil din il-persuna għax l-aħbar tal-mewt tiegħu infirxet il-bieraħ. Jiena ċert, minn dak li segwejt u għadni qiegħed insegwi, li l-pajjiż kollu mar f’sens ta’ luttu għax kulħadd qiegħed iħoss li l-pajjiż tilef persunaġġ ta’ età żgħira li però ta kontribut fl-età tiegħu għall-politika f’pajjiżna u ta’ kontribut għal pajjiżna biex ikun jista’ jarah miexi ’l quddiem.

Jiena naf li l-kollegi tiegħi min-naħa tal-Oppożizzjoni jistgħu jgħidu ħafna iżjed fuq Karl milli nista’ ngħid jien. Imma jiena kelli esperjenza u xtaqt nesponiha b’mod pubbliku llum fis-sens li meta fl-1998 jiena sirt ministru għall-politika soċjali, ix-shadow tiegħi kien Karl flimkien ma’ wħud oħrajn. Jiena niftakar lil Karl meta ġie elett għall-ewwel darba fl-1996, imma dak iż-żmien jiena kont fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra, allura tista’ tgħid li effettivament sirt naf lil dan il-bniedem mill-1998 sal-lum, fl-esperjenzi politiċi tiegħi miegħu. Kien jiddibatti miegħi minn naħa l-oħra tal-Kamra, kultant b’ċertu stil u kultant bi tbissima. Kien jaf ikun iebes, però eleganti fl-ebusija tiegħu. Kien bniedem li kien jemmen verament f’dak li kien jgħid u dan kien jagħmlu b’mod li kont tmissu b’idejk u tarah b’għajnejk b’sens qawwi ta’ dedikazzjoni lejn il-valuri li kien jemmen fihom hu, però kien jagħti wkoll il-kontribut tiegħu biex jara lil dan il-pajjiż miexi ’l quddiem.

Jien li sirt nafu f’dawn is-snin - nerġa’ nirrepeti li l-kollegi tiegħu jafu jgħidu ħafna iżjed minni - fil-perspettiva tiegħi ta’ xi ħadd min-naħa l-oħra tal-Kamra niddeskrivi lil Karl b’dan il-mod. L-ewwelnett kien bniedem li l-valuri kienu minsuġa ġo fih. Meta kien jitkellem naturalment kien jitkellem għall-argument politiku, però d-diskorsi tiegħu kienu dejjem mibnija fuq pedamenti ta’ valuri. U rrid ngħid li allavolja jiena u hu sibna rwieħna fuq naħat differenti tal-Kamra ħafna drabi sibna ħafna art komuni bejnietna, għax f’dan il-pajjiż, għall-grazzja t’Alla, anke jekk aħna ninqasmu għall-politika, ħafna valuri naqsmuhom ma’ xulxin. U ħafna drabi meta kont niddibatti ma’ Karl, anke jekk b’ċertu entużjażmu, kont inħossni komdu li kont qiegħed nargumenta ma’ xi ħadd li ħafna mill-valuri li kellu kienu valuri li kont naqsam miegħu jien ukoll.

Allura niddeskrivi lil Karl bħala bniedem li sarraf dawk il-valuri tiegħu f’waħda mill-isbaħ esperjenzi li tista’ tgħaddi minnhom fil-ħajja ta’ bniedem, jiġifieri li tpoġġi dawk il-valuri għas-servizz tas-soċjetà. Minn età żgħira Karl għażel illi jiddedika ruħu mhux biss lejn il-familja u l-professjoni tiegħu, imma li jiddedika ruħu wkoll għas-servizz tas-soċjetà, u għażel it-triq tal-politika. Hu fih innifsu - u rrid inħares lejn Karl f’dan il-mument b’dan il-mod - kien eżempju għal min hu żagħżugħ, għal min hu interessat fil-politika, għal min il-politika jaraha bħala strument li biha tagħmel il-ġid u mhux bħala strument li biha taqsam, li biha tkisser xi ħaġa, imma pjuttost bħala strument biex tibni u tibni għat-tajjeb. U lkoll kemm aħna f’din il-Kamra naqblu żgur li Karl kien wieħed minn dawk li kien rappreżentant dinjituż, ġenwin, tajjeb u b’saħħtu ħafna ta’ kif issarraf il-valuri permezz tal-politika li ġġibhom għas-servizz ta’ dan il-poplu tagħna u ta’ dan il-pajjiż.

Karl kien bniedem sensittiv, kien iħoss dak li kien jgħid u kien jgħidu bi preparazzjoni. Karl kien jiġi fil-parlament ippreparat fuq dak li jkun se jiddiskuti, u dak li kien jiddiskuti u jiddibatti hawnhekk kien jagħmlu b’sensittività ta’ bniedem li kien u forsi ta’ tabib ukoll. Forsi dan huwa vantaġġ ta’ min ikun tabib għax jidħol fil-ħajja tan-nies u allura jgħix viċin ħafna n-nies fid-djar tagħhom, fl-oasi tagħhom. U dan kien jirriflettih f’din il-Kamra. Kien ċar li meta Karl kien jitkellem, kien jitkellem mill-esperjenza tiegħu li kien qed jiġborha u jġemmagħha mill-professjoni tiegħu ta’ tabib, li kienet iddaħħlu fid-djar tan-nies u kien jiltaqa’ man-nies. U meta kont tisimgħu jitkellem, anke jekk forsi ma kontx taqbel mija fil-mija ma’ dak li kien jgħid, kien ovvju li kien jitkellem mill-esperjenza li kien jgħaddi minnha.

Karl kellu wkoll il-kapaċità li jirrispetta lil dak li jkun fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra, li forsi ma kienx jaqbel miegħu. Kien jirrispetta d-dritt li bniedem jista’ ma jaqbilx ma ħaddieħor. Kien jirrispetta l-fatt li hemm opinjonijiet differenti. Jiena mhux l-ewwel darba li f’din il-Kamra kelli dibattiti miegħu - u anke ma’ kollegi oħrajn, fil-fatt jiena ċert li l-Onor. Coleiro Preca tiftakar ukoll - dwar liġijiet importanti, fosthom il-liġi dwar il-health and safety, l-emendi għal-liġi dwar l-employment and industrial relations, il-liġi dwar id-drittijiet għall-persuni b’diżabilità u oħrajn. Dawn il-liġijiet għaddejniehom f’din il-Kamra b’votazzjoni unanima. Kienu liġijiet li għaġinniehom flimkien u tkellimna u iddibattejna dwarhom biex nipproduċu liġijiet tajbin li jagħmluna kburin li bħala pajjiż aħna l-politiċi konna kapaċi naslu għal dawn it-tip ta’ liġijiet. U Karl ta l-kontribut tiegħu b’mod kostruttiv u b’mod tajjeb. U niftakar li għalkemm f’mumenti partikolari ġieli ma konniex naqblu fuq xi artiklu, fuq xi kelma jew fuq xi kunċett ’l hawn u ’l hemm, Karl kellu l-kapaċità li meta kien jifhem li l-punt li kien qed isir kien wieħed validu kien jaċċettah u konna nimxu ’l quddiem, naturalment għall-ġid ta’ kulħadd. Nista’ nibqa’ nsemmi tant u tant affarijiet oħra, però żgur li rrid ngħid li Karl kien raġel li kien iħobb il-familja, għalih il-valur tal-familja kien importanti fil-ħidma kollha tiegħu.

Dan hu l-mod kif nista’ nsellem lil dan il-bniedem li fl-età żgħira ta’ ftit snin ta dan il-kontribut ta’ sustanza għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Sur President, kultant il-bniedem irid isaqsi lilu nnifsu: Jiena f’ħajti x’kontribut tajt, mhux għalija nnifsi imma għall-bqija tas-soċjetà? Karl illum m’huwiex magħna biex iwieġeb għal din il-mistoqijsa, però nistgħu lkoll kemm aħna nweġbuha għan-nom tiegħu. Karl, fis-snin li qatta’ f’din il-Kamra, fis-snin li qatta’ fil-Partit Laburista u allura fl-esperjenza politika li kellu ta kontribut ta’ sustanza li għen biex dan il-pajjiż ikun jista’ jimxi iktar ’il quddiem. Huwa mument ta’ dieqa, huwa mument tad-dwejjaq. Però meta tħares lejn l-affarijiet kollha pożittivi, il-mument u s-sofferenzi li għadda hu minnhom u naturalment il-familja tiegħu fil-ġimgħat li għaddew, forsi dawn jittaffew xi ftit bil-ħsieb li qegħdin nirreġistraw ad futuram rei memoriam. Jiġifieri li qed nirreġistraw illum se jiġi mniżżel fl-istorja, illi din il-Kamra qiegħda ssellem lil bniedem li ta sehem sabiħ, sehem tajjeb u sehem importanti għal pajjiżna.

F’isem ilkoll kemm aħna, din in-naħa u żgur in-naħa l-oħra wkoll, insellem lil Karl u minn qalbi sinċerament inwassal il-kondoljanzi tagħna lkoll - kif diġà kelli l-okkażjoni li nagħmel permezz tat-telephone imma issa b’mod uffiċjali hawnhekk - lill-familja kollha tiegħu, partikolarment lill-mara tiegħu u lil uliedu. Naċċertahom li jsibuna magħhom f’dan il-mument diffiċli f’dak kollu li jista’ jkollhom bżonn. Però partikolarment fil-mument fejn ikollhom bżonn, żgur għandhom il-konfort li jkunu jafu li r-raġel jew il-missier - f’dan il-każ ir-raġel u missier - kien xi ħadd li huwa apprezzat u jibqa’ apprezzat f’pajjiżna.

Mr Speaker, il-Kamra, bi qbil, wara li naturalment ikun hemm ukoll l-interventi min-naħa tal-Oppożizzjoni, b’sens ta’ solidarjetà u ta’ stima, taġġorna x-xogħol kollu tagħha biex tirreġistra l-apprezzament tagħna lill-persuna ta’ Karl, però anke f’dan il-mument fejn nifhmu li t-telfa hija telfa għalina lkoll. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Neħodha li l-Prim Ministru qed jagħmel mozzjoni formali għall-aġġornament tal-Kamra. Min jissekonda?

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Nissekonda.

MR SPEAKER: Rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, it-telfa ta’ seħibna Karl hija telfa għall-pajjiż, telfa għall-Partit Laburista u telfa għalija u għal sħabi kollha b’mod personali. Għaliex hija telfa għall-pajjiż? Għax bil-mewt ta’ Karl pajjiżna tilef rappreżentant denju tal-poplu tagħna, bniedem, bħal ħafna li hawn fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra, li jpoġġi l-interess taċ-ċittadin u l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox. M’hemmx l-iċken dubju li mijiet ta’ familji hemm barra, illum qed iħossu n-nuqqas ta’ persuna li tant ġabret ammirazzjoni u tant ingħatat fiduċja tul is-snin. Hija telfa għall-Partit Laburista, fejn tlifna ħaddiem li kien jirrispekkja l-ideali li għalihom neżistu. Karl kien persuna li tela’ b’determinazzjoni kbira minn familja tax-xogħol, li mexa ’l quddiem fil-ħajja akkademika tiegħu, li ma qatax qalbu, li wettaq dak li dejjem kien jaspira għalih. Imma meta wasal ma nesiex minn fejn telaq, u dejjem f’kull ħaġa li kien jagħmel - nerġa’ ngħid kif jagħmlu ħafna minn nies miż-żewġ naħat tal-Kamra - ħadem biex jara li kulħadd ikollu dawn l-opportunitajiet. Hija telfa għalija u għal sħabi b’mod personali. Tlifna ħabib li miegħu dħakna u bkejna, ħabib li miegħu qsamna ferħ u dwejjaq, ħabib li forsi miegħu kultant illetikajna imma ħafna aktar drabi sibna fejn naqblu u komfort f'xulxin.

Sur President, ma nista’ inneħħiha qatt id-data tal-Ġimgħa ta’ wara li Karl kien rikoverat l-isptar meta kellna mmorru nieklu flimkien. U sakemm ġiet dik il-ġurnata fid-djarju kważi tibqa’ tiskanta lejha u tgħid: Imma possibbli ġara hekk? Illum mort infittex lura fid-djarju biex inħares lejn dik id-data. Tlifna ħabib illi kien jgħidilna dak li jaħseb anke jekk jaf li forsi ma kienx se jdoqq għal widnejna. Ma kienx yes-man. Ma kienx persuna li jgħidlek kollox iva biex jingħoġob. Jiena u l-Onor. Anġlu Farrugia konna qegħdin nitkellmu fuq li t-tnejn qsamna esperjenza kważi komuni ta’ waqtiet fejn kien jitkellem magħna u ma’ bosta oħrajn, u jekk kien ikun hemm affarijiet li ma tantx kienu jdoqqu għal widnejna xorta kien jgħidlek li hu fid-dover li jgħidhomlok. U hemmhekk tinduna kemm bniedem ikun ħabib ta’ veru. Ilkoll kemm aħna bħala pajjiż u bħala soċjetà tlifna persuna li m’għandix dubju li fis-snin li ġejjin seta’ kien ta’ kontribut enormi għall-iżvilupp soċjali u politiku ta’ pajjiżna u tas-soċjetà tagħna. F’dawn l-aħħar ġimgħat - din nista’ ngħidha minn esperjenza personali - b’entużjażmu enormi kien qed jaħdem biex isegwi l-qasam li kien fdat lilu, dak tas-saħħa. U kien qed jagħmel dan dejjem bil-għan li pajjiżna jimxi pass ’il quddiem, mhux sempliċement jikkritika biex isemma leħnu, imma wara li jikkritika kien jara kif l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar.

Jekk hemm żewġ tagħlimiet li jien personali - u naħseb li l-politiċi kollha ta’ min nitgħallmu minnha - se nieħu mingħand Karl huma, l-ewwelnett il-mod ta’ kif kien dejjem isib ħin għall-familja tiegħu. Iva l-kostitwent, iva x-xogħol politiku, imma l-erbat itfal ta’ Karl għandhom memorja mhux ta’ missier assenti f’ħajjithom imma ta’ missier preżenti. Missier li kien hemmhekk dejjem meta kellhom bżonnu, missier li kien jieħu l-ħin mill-professjoni u mill-politika biex jiddedikah għal uliedu - iċ-ċentralità allura tal-familja u ta’ l-ulied fil-ħajja tiegħu. It-tieni eżempju huwa dak li meta l-bieraħ, f’ħin minnhom, tkellimt ma’ Adriana Chircop, qaltli li hi nsistiet biex jaraw x’organi jistgħu jittieħdu, allavolja kien diffiċli ħafna, mingħand Karl biex dawn jiġu mogħtija lil ħaddieħor. Qaltli: Jiena ċerta li kieku Karl seta’ jesprimi ruħu żgur li dik kienet tkun ix-xewqa tiegħu, li jkun ta’ servizz għal ħaddieħor sa l-aħħar nifs, sa l-aħħar waqt. B’mod filosofiku żgur li dik tagħti tagħlima kbira, is-servizz lil hinn minnek innifsek. B’mod prattiku naħseb għandna nieħdu l-eżempju ta’ Karl, illi f’pajjiżna nimbuttaw mill-ġdid il-kultura tad-donazzjoni tal-organi. Huwa metodu tant reali, tant prattiku, kif nistgħu nagħmlu l-ġid lil ħaddieħor u kif nistgħu nagħtu tama ġdida lil ħaddieħor.

Semmejt lil martu, semmejt lil uliedu u nħossni qed nonqos jekk ma nsemmix lil ommu Marion. Jien nista’ biss nimmaġina l-weġgħa ta’ omm illi l-ewwel titlef lil żewġha u mbagħad titlef lil binha prattikament bl-istess mod. Fiż-żmien li dam rikoverat fl-isptar hawn Malta kienet tqassam ħinha, flimkien mal-kumplament tal-familja, iżżommlu jdejh il-ħin kollu lil Karl, anke meta mbagħad kien hemm ċerti reazzjonijiet li bdew jidhru. Kienet tagħmillu kummentarju kontinwu ta’ dak kollu li kien qed jiġri madwaru. Naħseb hija biss l-imħabba ta’ omm illi tista’ twasslek biex tagħmel dan kollu.

Nieħu l-okkażjoni biex qabel nesprimi formalment il-kondoljanzi tiegħi f’isem l-Oppożizzjoni u nissekonda l-mozzjoni tal-Prim Ministru, nirringrazzja, f’isem il-familja, mhux biss lil kulmin wera s-solidarjetà, imma b’mod partikolari lis-Segretarju Parlamentari Joseph Cassar, li kien qrib ħafna tal-familja tiegħu u li meta saru talbiet, kemm minn naħa tal-familja kif ukoll minn naħa tagħna, għamel dak kollu fil-kapaċità tiegħu biex ikun ta’ għajnuna. F’isem l-Oppożizzjoni ningħaqad fil-kondoljanzi lil Adriana, lill-erba’ uliedu, lil ommu u l-kumplament tal-familja.

MR SPEAKER: Jiena ninsab għal kollox ċert illi t-tribut li għamel il-Prim Ministru u dak li għadu kif tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni f’isem iż-żewġ naħat tal-Kamra, kif ukoll il-ħafna messaġġi li saru diġà pubbliċi minn ħafna individwi u organizzazzjonijiet, m’humiex tributi biex inwettqu dak li jgħid il-qawl illi fil-mewt ngħidu biss dak li hu tajjeb dwar il-persuna li tkun ħallietna. Lil Karl Chircop jiena wkoll segwejtu għal ħafna snin, kien ix-shadow tiegħi fl-aħħar leġislatura fil-qasam tax-xogħol, tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tal-ħaddiema u rrid ngħid illi bħala membru fi ħdan dan il-parlament wera ħila ta’ preparazzjoni, ta’ kapaċità illi jifhem id-dettall, li jfiehem id-dettall u li jirnexxilu anke jtejjeb diversi proposti li jkunu tressqu quddiem dan il-parlament. Jiena nsib illi Karl Chircop, kif diġà intqal, għażel il-vokazzjoni tal-politika u wettaqha b’suċċess. Naħseb li nistgħu naraw fit-twettiq tal-vokazzjoni tiegħu dik in-nobbiltà li l-Papa Ġwanni Pawlu II fisser li hemm f’kulmin jagħżel il-vokazzjoni u l-missjoni politika.

Nemmen li aħna li qegħdin f’din il-Kamra u li nafu lil Karl Chircop nistgħu biss ngħidulu grazzi jekk inżommu f’moħħna u f’qalbna x-xempju ta’ integrità, ta’ onestà, ta’ impenn u ta’ lealtà li hu wera fil-ħajja kollha tiegħu, kif fissru l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, mibnija fuq valuri sodi, u valuri li aħna lkoll bħala poplu Malti u Għawdxi għandna nżommu ‘l fuq, nippreservaw u anke ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ uliedna. Nassoċja ruħi magħkom biex inwasslu lil mara tiegħu Adriana, lil uliedu u lil mamà tiegħu dawn is-sentimenti. Nitlob lill-Aġent Skrivan tal-Kamra biex, kif inhi l-proċedura tal-Kamra, twassal bil-miktub dak kollu li għamilna flimkien u qabel ngħaddu għall-Aġġornament, fil-preżenza tar-ritratt ta’ Karl Chircop imdawwar bil-fjuri fuq il-bank li huwa kien jokkupa, nitlob li nagħmlu ftit mumenti ta’ ġabra u ta’ silenzju.

Fuq proposta ta’ Mr Speaker il-Kamra qablet li żżomm ftit mumenti ta’ silenzju bħala turija ta’ rispett.

MR SPEAKER: Kif miftiehem, nitlob lill-Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.

Electoral History

Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
- 12.10.2008

Electoral Districts