Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 429 tal-Għaxar Parlament tal-25 ta' Settembru 2006
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern): Sur President, kif għedt diġa`, fit-30 ta’ Awissu ta’ din is-sena tħabbret il-mewt ta’ l-ex-deputat parlamentari Pawlu Carachi. Meta kont noqgħod il-Belt iltqajt ma’ Emanuel Bonnici u meta mort noqgħod Ħal Balzan iltqajt ma’ Pawlu Carachi. Pawlu Carachi kellu ċertu karattru u xi kultant kont nistaqsi lili nnifisi: X’inhu Pawlu Carachi, ġurnalista jew politiku? Jien naħseb li m’hemmx risposta ċara. Ir-risposta hija li kien it-tnejn f’salt u diffiċli li tissepara dak li kien jagħmel fil-ġurnaliżmu ma’ dak li kien jagħmel fil-politika. Kien bniedem li ma nafx minn fejn kien iġib l-enerġija. Fil-fatt kien ibigħha l-enerġija – ħlief għal perijodu żgħir li hu jispjega fil-ktieb tiegħu meta qisu eżilja ruħu volontarjament u nqata’ minn kollox – u meta kien jidħol għal xi ħaġa kien jidħol għaliha bis-serjeta`. U minkejja li xi kultant kien ikollu xi diverġenzi ta’ opinjonijiet anke mal-partit tiegħu stess, kien Laburista u baqa’ Laburista sa l-aħħar. Fil-fatt ħabb il-partit sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Tant kien iħobb il-partit li minbarra li għamel għaxar snin deputat f’din il-Kamra, meta ta’ 72 sena intalab biex jerġa’ joħroġ mal-partit Laburista fuq it-tmien distrett, reġa’ ħareġ. Dan kien fl-1998.
Pawlu Carachi kien ukoll kunsillier. L-ewwel kien kunsillier għan-nom ta’ moviment indipendenti f’Ħal Balzan u ġie elett fl-1996, imbagħad ħareġ mal-partit Laburista fl-1999 u kif jgħid fil-ktieb tiegħu, għal kull leġislatura tal-kunsilli lokali kien il-kunsillier solitarju Laburista fil-kunsill ta’ Ħal Balzan pero` li ħadem bis-sħiħ mal-kunsilliera l-oħra, li hu jfaħħar personalment. Fil-fatt darba kellu inċident fejn fl-1998 qabad u irriżenja u s-sindku Marcelle Delicata qaltlu: X’għamiltilna Pawl! Fil-fatt il-ktieb tiegħu proprju jagħlqu b’dan il-kliem.
Nixtieq insemmi wkoll żewġ inċidenti mill-ħajja tiegħu. Wieħed minnhom li jsemmi jinsab fil-ktieb tiegħu meta sar jaf, mill-informazzjoni li hu kellu bħala ġurnalista, li xi gazzetta Ingliża kienet se ssemmi xi ħaġa fuq il-ħajja privata ta’ Dr George Borg Olivier. Hu mhux biss ma rrispondihiex dik id-domanda imma qal li dak huwa prim ministru tiegħu u tal-Maltin kollha. U għalkemm ma kienx ta’ l-istess partit politiku ta’ Dr George Borg Olivier, mar jgħidlu x’kienu beħsiebhom jagħmlu l-ġurnali Ingliżi fuqu. Fil-ktieb tiegħu ssib ukoll – dan juri l-ġentlomerija tiegħu - l-inċident ta’ meta kien talab siġġu fin-nofs fil-kamra l-antika tal-parlament. Ir-raġuni għal dan kienet li hu kien iħoss li kien hemm bniedem li kien ħaqqu li ssir ġustizzja miegħu. Fil-fatt imbagħad saret dik il-ġustizzja miegħu u dan tant għamlu b’sens ta’ dover li nfaqa’ jibki. Pawlu Carachi tant kien iħobb il-partit u tant baqa’ jħobbu sa l-aħħar li anke f’dak l-inċident ma kien hemm ebda astju. Dan sempliċement ried li bħala back bencher jiġbed l-attenzjoni tas-sitwazzjoni partikolari li rnexxielu jagħmel b’suċċess u dan jiddiskrevih tajjeb fil-ktieb tiegħu.
Bħala ġurnalist kulħadd jgħid - jien ma lħaqtux daqshekk imma kulħadd jgħid dwaru – li introduċa ċertu stil ta’ ġurnaliżmu investigattiv kif ukoll it-tabloid press li ma konniex imdorrijin biha fis-snin sittin. Pawlu Carachi kien editur ukoll tal-Malta News. Fil-fatt l-ewwel ħa t-training tiegħu fl-Allied Newspapers Limited kif għamlu ħafna ġurnalisti Maltin, imbagħad aktar tard fil-ġurnali ta’ l-union press. L-attendenza għall-funeral tiegħu wriet kemm kien maħbub anke f’Ħal Balzan u minn hawnhekk nibgħat il-kondoljanzi tiegħi lill-mara tiegħu Evelyn u liż-żewġt itfal tiegħu Alex u Rose.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT(Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien ukoll nixtieq nipparteċipa f’din l-espressjoni tas-sentimenti ta’ kondoljanzi lill-familja kollha tas-Sur Pawlu Carachi. Lil Pawlu Carachi sirt nafu fl-aħħar snin ta’ ħajtu imma l-enerġija kienet għadha hemm. Fil-fatt kien fuocoso fis-sentimenti tiegħu, dak li kellu jgħid kien jgħidu u nemmen li din il-ħaġa li baqgħet miegħu sa l-aħħar kienet ukoll gwida għal kif għex ħajtu, kemm bħala ġurnalist kif ukoll bħala politiku. Fil-ġenwinita` u fl-ispontanjeta` tiegħu kien hemm ċerti parametri retti ta’ kif iġġib ruħek. Kien kittieb bil-Malti b’sens ġurnalistiku tajjeb ħafna u kien xi ħadd li ma jħallikx tgħaddi l-argument jekk ma jgħaddix tiegħu ma’ tiegħek. Pero` mbagħad kien ukoll jagħraf jagħmel kompromess u jagħraf kif jimxi ‘l quddiem.
Jien nafu l-aktar bħala kunsillier Laburista u minkejja l-eta` tiegħu, kif qal il-viċi prim ministru, għamel xogħol qawwi ħafna biex iżomm ċertu għaqda fir-raħal fejn għex u ċertu progress għaddej. Kien dejjem jisħaq fuq il-ħtieġa li wieħed iħares ‘il quddiem b’sens ta’ fiduċja kemm f’dak li jista’ jsir u kemm f’dak li sar fl-imgħoddi. Kellu d-diffikultajiet tiegħu fi ħdan il-grupp parlamentari Laburista meta kien deputat, imma dak assolutament ma ħalla ebda għabra ta’ qrusa fl-imġiba tiegħu. Pero` baqa’ dejjem fuocoso u f’dak is-sens, f’kull ħaġa li jagħmel, f’kull ħaġa li jgħid, l-entużjażmu u l-ħerqa kienet hemm b’sentiment ta’ qawwa u rieda. Jien kont nammirah għax għalkemm kien persuna avvanzata fl-eta` kien baqa’ żagħżugħ fil-mod kif jiżbroffa. Kien jiżbroffa b’mod ħelu ħafna. Per eżempju, darba kont għaddej b’konferenza stampa u f’daqqa waħda qam jgħid l-affarijiet tiegħu u jien kelli nieqaf biex nisimgħu ftit, imbagħad induna, waqaf u komplejna għaddejjin. Għalhekk huwa tajjeb li b’sens ta’ solidarjeta` mal-familjari tiegħu f’dan il-mument ningħaqad mal-viċi prim ministru kif jingħaqdu sħabi kollha ta’ l-oppożizzjoni, biex nibagħtulhom il-kondoljanzi profondi tagħna.
MR SPEAKER: Grazzi. Jien fuq nota personali nikkondividi dawn is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Kemm Pawlu Carachi kif ukoll Emanuel Bonnici kienu membri tal-parlament meta jien kont membru tal-parlament u allura nista’ nixhed dawn is-sentimenti kif espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Għaldaqstant din is-Sedja tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-iskrivan tal-Kamra biex jibgħat il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Pawlu Carachi u ta’ Emanuel Bonnici.
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |