Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Gaetano Borg Olivier

Condolences (13 Nov 1980)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru. 438 tar-Raba' Parlamentari tat-Tnejn, 17 ta' Novembru, 1980

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH BRINCAT (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, tħabbret il-mewt ta' ex-Membru ta' din il-Kamra, Dr. Gaetano Borg Olivier li miet ta' 84 sena fit-13 ta' Novembru.

Ta' min igħid, Mr Speaker, li Dr. Gaetano Borg Olivier serva fi tliet Leġislaturi. L-ewwel darba kien elett mill-ħames distrett fl-1973, reġa' ġie elett fl-1962, u reġa' kien Membru fl-1966. Lill-membri tal-familja tiegħu, lil martu speċjalment, nitlob li l-Kamra, permezz ta' l-iSpeaker u permezz tal-Clerk, tagħti l-kondoljanzi tagħha.

Ftit naf personalment fuq Dr. Gaetano Borg Olivier, pero' kienet ħelwa rimarka li għamilli wieħed minn l-istaff, mill-membri ta' hawn ġew li jgħinuna, li għandu ċertament iktar esperjenza minni għax iktar kien ikun in kontatt miegħu, qalli: Dan kien bniedem li ma nkwieta qatt lil ħadd. U naħseb li fi ftit kliem tispjega s-sitwazzjoni kollha tal-persuna li kien. Ftit nafu, qed ngħid bis-serjeta', imma naħseb li hu ġudizzju sewwa ta' membru ta' l-istaff li għex miegħu hawnhekk li jgħid li kien bniedem illi ma nkwieta lil ħadd. U għaldaqstant, Mr Speaker, huwa sewwa li nagħmluh dan li nfakkruhom lill-Membri li jkunu ħallewna, u nitlob li l-Clerk iwassal il-kondoljanzi tagħna.

MR SPEAKER (Onor. Calċidon Agius): Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jien ukoll nixtieq li nassoċja ruħi ma' dak li qal Dr. Brincat, nitolbok li twassal lill-armla ta' Dr. Gaetanoi Borg Olivier il-kondoljanzi tagħna lkoll.

Dr. Gaetano Borg Olivier għamel żmien, għamel kważi għaxar snin Membru ta' dan il-Parlament, Membru assidwu fil-preżenza tiegħu. Jien niftakru l-ftit ta' żmien li kont Membru jien ukoll waqt li hu kien Membru ta' dan il-Parlament. Wieħed li kien ikun puntwalissimu għas-seduta, proprju fil-bidu nett. Naħseb kull quorum li sar kemm dam Membru fil-Parlament kien dejjem jifforma parti minnu fil-bidu tas-seduta. Kien isegwi, u magħruf ukoll kien, għas-servizz li kien jagħti lill-kostitwenti tiegħu. Kultant forsi aħna nkunu ħafna mħabbtin f'affarijiet oħra, u xi ftit nittraskuraw il-kuntatt dirett mal-kostitwenti tagħna. Dr. Gaetano Borg Olivier kien wieħed li f'dan kien jagħtina eżempju; li ma kienx proprju jinqata' tul il-Leġislatura mill-kostitwenti tiegħu. Ta l-kontribut tiegħu li seta' għall-ġid tal-pajjiż, u ta' dan jien ċert li aħna, il-poplu Malti, grat kif inhu grat għal kull min jagħti sehem fil-ħajja pubblika għall-ġid tan-nazzjon.

Għalhekk, jien ukoll nixtieq nagħti l-kondoljanzi tiegħi u ta' din in-naħa tal-Kamra lill-armla tiegħu u lill-familjari tiegħu.

MR SPEAKER: Jien ma' Dr. Gaetano Borg Olivier kont f'żewġ Leġislaturi, nafu sewwa; nafu bħala raġel kwiet u kont se ngħid dak li qal il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, għax jien ukoll kont inkun puntwali, u allura aktarx li jien u hu konna nkunu l-ewwel tnejn f'kull laqgħa tal-Parlament.

Is-Sedja tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tagħha sabiex nibagħtu l-kondoljanzi kif espressi, lill-familjari tiegħu.

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971