TIFKIRA TA’ GEORGE BORG FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
25 ta' Frar 1923 – 30 ta' April 2012
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-30 ta’ Diċembru 1953 u l-4 ta’ Ottubru 1956
George Borg
L-EWWEL DISKORS TA’ GEORGE BORG FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 8 TAL-5 TA’ MARZU 1954 ASSEMBLEA LEĠIŻLATTIVA
ONOR. GEORGE BORG: Ta’ kull sena fl-Estimi Ġenerali, il-Gvern joħroġ somma sabiħa ta’ flus għal bżonnijiet tad-Dipartiment tas-Saħħa u Servizzi Soċjali. Xtaqt rajt, fl-estimi tas-sena li għaddiet, xi ħaġa tal-flus iżjed maħruġa għal bżonnijiet tal-morda tat-tuberkolosi. Dawn il-morda hawn Malta għandhom bżonn ta’ sptar sew fejn jiġu kkurati bħalma hemm f’pajjiżi ċivilizzati oħra. Il-Gvern, fid-diskors mit-Tron wegħedna li biħsiebu jibni sanatorium għal bżonnijiet ta’ dawn il-morda. Nispera li l-wiegħda tal-Gvern tiġi mwettqa. Dan qiegħed ngħidu għaliex mhux l-ewwel darba li smajt li sejjer jinbena sanatorium hawn Malta; ili nisma’ minn xi għaxar snin ’il hawn fuq din il-kwistjoni u s’issa għadu ma sar xejn. M’iniex nistenna li dan l-isptar jitlesta f’din il-leġiżlatura imma għal lanqas insibu l-post fejn sejjer jinbena, nagħmlu l-pjanti tiegħu u jekk jista’ jkun, nibdew il-pedamenti biex ma jdumx ma jsir. Il-bżonn ta’ sanatorium f’Malta huwa kbir ferm. Kif huma kkurati llum, dawn il-morda huma mxerrdin fi tliet postijiet ma’ Malta; il-biċċa l-kbira minnhom jinsabu fl-isptar tal-Connaught, sptar antik, bini li ilu mibni minn żmien il-Kavallieri u li ma jgħoddx għal kura moderna ta’ din il-marda. Għandna mbagħad żewġ wards l-Ingieret fejn għandna tnejn u għoxrin marid b’din il-marda. Min jersaq daqsxejn f’dak il-post u jkellem lil dawn il-morda, jgħidulu li fix-xitwa jbatu ferm bil-kesħa, kellhom biss żewġ heaters f’kull sala. Imbagħad għandna l-isptar ta’ St. Lukes’s fejn isiru l-operazzjonijiet ta’ Thoracoplastia. Il-morda minn l-isptar tal-Connaught jiġu meħudin f’dan l-isptar biex issirilhom operazzjoni fejn ineħħulhom xi tlieta jew erba’ kustilji għaliex fil-Connaught ma hemmx post fejn tista’ ssir din l-operazzjoni. Barra dan, sa ftit ilu kellna TB Out-patient Clinic l-Isptar Ċentrali. Dan it-tixrid ta’ morda ma jistax joffri centralisation għall-kura ta’ din il-marda.
Bżonn ieħor biex neqirdu din il-marda illi daħlet mhux ħażin, hu ta’ X-ray apparatus għall-mass radiography bħalma għandhom pajjiżi ċivilizzati oħra. Meta marda taqbadha fil-bidu, hu aktar faċli li l-marid tfejqu milli meta l-mard tinduna bih tard u aħna nafu illi ħafna mill-morda jkellmu tabib meta l-marda tidħol ’il ġewwa. Jekk il-Gvern jixtri dan l-apparat, jibda jinduna bil-mard kmieni u l-marid jagħmel żmien anqas fl-isptar għax meta l-marda tkun daħlet ’il ġewwa, il-pazjent idum aktar l-isptar u hekk il-Gvern idum aktar biex ifejqu u bi flus iżjed.
Nifraħ lid-Dipartiment tas-Saħħa talli sentejn ilu laqa’ l-proposta tal-World Health Organisation meta qalulna biex jibgħatulna il-BCG. Hawn irrid nagħmel enfasi qawwija biex jekk xi darba jinbena dan is-sanatorium li nixtiequ, il-Gvern jipprepara l-poplu tagħna ħalli n-nies jaċċettaw biex jidħlu fih. Hawn Malta hawn preġudizzji qawwija kontra l-mard tat-TB u ħafna mill-morda ma jaċċettaw bl-ebda mod biex jidħlu fejn ikun hemm il-morda tal-mard tas-sider. Tant jibżgħu mill-ilsna tan-nies, illi ħafna jgħidu: “Aħjar immut hawn milli tibgħatni l-isptar”.
Hemm bżonn illi nagħmlu din il-propaganda u nuru lill-poplu illi din il-marda mhijiex ereditarja kif għandu f’rasu hu. Il-poplu jaħseb illi din il-marda timxi minn familja għall-oħra. Din idea ħażina. Il-mard tas-sider mhux infettiv aktar minn mard ieħor u jekk hemm ħaġa illi tiġri fil-familja hija s-suxxettibilità illi tispiċċa bil-BCG. Dan qed ngħidu biex in-nies jikkuntentaw li jidħlu fl-isptarijiet u mhux nibqgħu kif aħna llum u l-morda jkollna nikkurawhom id-dar jew fi sptar privat.
Irrid ngħid xi ħaġa fuq l-isptar ta’ St. Luke’s. Il-pjanta ta’ dan l-isptar saret żmien ilu meta l-poplu kien iċken. Illum, il-poplu kiber u sar aktar hospital-minded u allura l-isptar mhux biżżejjed biex jesa’ n-numru ta’ morda illi għandna. Min jidħol daqsxejn f’dan l-isptar jara li s-sodod qegħdin ħdejn xulxin wisq u dan minħabba n-numru kbir tal-ammissjonijiet li jkun hemm.
Imbagħad, għalkemm fid-dipartiment tal-kirurġija aħna t-tobba dejjem indaħħlu l-pazjent, fin-naħa tal-mediċina, meta nċemplu lis-Suprintendent, mhux dejjem jgħidlek li għandu sodda. Dan hu dovut għall-fatt li n-nies qed imorru l-isptar f’numru akbar minn qabel u l-isptar għalhekk sar żgħir.
Irrid ngħid issa xi ħaġa fuq l-Ingieret. Min imur sa hemm u jkellem daqsxejn lix-xjuħ tal-ħaddiema tagħna, isib illi huma jgħidulu illi l-aktar li jbatu hu mill-kesħa. Kulħadd jaf illi x-xitwa jħossuha sew ix-xjuħ. F’dan il-bini bis-swali kbar u soqfa għolja li hu mibni fi pjanura b’raba’ saqwi, il-kesħa tinħass akbar, għax l-ilma jevapora u jkessaħ l-inħawi. Hemm bżonn li nagħmlu central heating biex dawn ix-xjuħ igawdu daqsxejn tal-konfort kif ingawdu aħna meta nkunu fid-djar tagħna.
L-Isptar Ċentrali sa ftit ilu kien vojt. Minn meta ġiet meħuda d-deċiżjoni biex il-morda jittieħdu f’St. Luke’s, il-wisgħa f’dan l-isptar naqset. Issa ttieħdet biċċa mill-isptar għad-dipartiment tal-ENT. Din kienet ħaġa sewwa, imma mbagħad mhux ħaġa sewwa illi biċċa minn dan l-isptar ġiet mogħtija lill-Pulizija.
Aħna nafu mid-Diskors mit-Tron illi l-free hospitalisation sejra tidħol Malta u nafu wkoll illi kull min ikun irid imur l-isptar, imur St. Luke’s għax hemm isib kollox. Dan kien qed jiġri meta dak li jkun kien iħallas biex jidħol u allura, aħseb u ara kemm issa sejjer jiżdied in-numru tal-ammissjonijiet fl-isptar meta l-kura tkun b’xejn. Barra dan, kif għidt, meta m’għandniex il-wisgħa, l-Isptar Ċentrali ġie mogħti lill-Pulizija. Kien ikun aħjar kieku l-Pulizija reġa’ ngħatalha l-headquarters fi Strada Merkanti.
Nixtieq ngħid ukoll illi hemm bżonn ta’ Assistent tal-mard tal-ġilda għax meta l-Professur jieħu l-leave, ma jħallix speċjalista floku.
Issa fuq id-djar. Il-bini tad-djar hawn Malta għandu bżonn jikber u tkun ħaġa sewwa kieku l-Gvern jiftaħ toroq minn ġewwa l-pjazez prinċipali ta’ kull raħal biex jinkoraġġixxi s-sidien jibnu viċin tal-Knisja u mhux jibnu fi truf ir-raħal u jiżviluppaw ir-ribbon developments tal-lum. Barra dan, nixtieq illi l-Gvern jgħin dawk il-ħaddiema illi jkollhom, ngħidu aħna, xi erba’ mitt lira, billi jżidilhom xi erba’ mitt lira oħra, biex b’hekk, għada jkollhom id-dar tagħhom taħt is-sistema tal-hire purchase.
Fuq l-emigrazzjoni ngħid illi nixtieq li t-technical education tiġi improved. Dan jista’ jsir billi jinfetħu aktar skejjel għat-technical education biex meta t-tfal tagħna jmorru barra jkunu jistgħu jikkompetu ma’ ħaddiema ta’ nazzjonijiet oħra.
Nixtieq nagħmel osservazzjoni fuq l-Estimi Ġenerali fis-sens li l-Gvern ma ħariġx żieda għall-pensjoni tax-xjuħ. Ix-xjuħ, bil-pensjoni li għandhom ma jistgħux jgħixu u kien ikun sewwa kieku l-Gvern ħareġ xi ħaġ’oħra għal dawn biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar.
Nirringrazzja lill-Kamra tal-attenzjoni li tatni. (Hon. Members: Hear, hear).
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 487 tal-Ħdax-il Leġislatura tat-Tlieta 5 ta' Ġunju 2012
KONDOLJANZI
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo):Ngħaddu issa għall-Kondoljanzi. Illum qegħdin nagħmlu t-tifkira ta’ George Borg li kien kollega tagħna f’din il-Kamra tad-Deputati. Nitlob lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin biex, jekk jogħġbu, jagħmel il-kondoljanzi.
ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, nhar it-30 ta’ April, 2012 tħabbret il-mewt tat-Tabib George Borg li kien deputat ta’ din il-Kamra f’nofs is-snin ħamsin. Fil-fatt il-ġurament tal-ħatra ħadu fit-30 ta’ Diċembru tal-1953, f’perjodu ftit stramb fejn wieħed jieħu l-ġurament ta’ lealtà. Is-snin ħamsin kienu żmenijiet interessanti, meta kellna l-koalizzjoni Boffa – Borg Olivier, b’xi erba’ elezzjonijiet ġenerali f’temp ta’ ħames snin, imbagħad l-elezzjoni tal-1955, fejn tela’ għall-ewwel darba bħala Prim Ministru l-Perit Mintoff. Dr Borg immilita fil-Malta Labour Party f’dawk iż-żmenijiet. Jien ma kellix ix-xorti u l-privileġġ li nkun nafu, għalkemm kelli x-xorti u l-privileġġ li nkun naf lil ħuh, il-Maġistrat Gawdenz Borg, li qiegħed preżenti hawnhekk jismagħna f’din is-sala tal-Parlament. Jekk nimmaġina li l-aħwa jixxiebħu anke fil-karattru, bħalma l-Maġistrat Borg kien u għadu rispettat, hekk naħseb ukoll li kien ħuh, it-Tabib Borg.
Jien qrajt il-bijografija tiegħu u anke qrajt il-maiden speech tiegħu li ħafna drabi tirrifletti l-karattru ta’ dak li jkun. Hemm it-tradizzjoni - safejn naf jien qed inżommuha aħna wkoll - li meta xi ħadd jagħmel l-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament ma jinterrompuhx. Jien qrajt diversi diskorsi minn mindu inti ħadt l-inizjattiva tant tajba, Sur President, li meta membru parlamentari jiġi nieqes nippubblikaw l-ewwel diskors tiegu biex nikkommemorawh. Hija inizjattiva ta’ min ifaħħarha li qed tagħti sens ta’ storja lil dan il-Parlament b’diversi metodi ukoll Illum mhuwiex il-mument li ngħidu dwaru, imma tajjeb li wieħed jisħaq fuq din l-inizjattiva li inti qed tieħu bħala s-Sedja.
Meta qrajt l-ewwel diskors ta’ Dr Borg jien staqsejt lili nnifsi: Dr Borg x’kien l-iktar, politiku jew tabib? Il-fatt li f’mument minnhom irriżenja mill-Parlament biex isir District Medical Officer juri l-imħabba li huwa kellu għall-professjoni medika, li forsi kienet tissupera l-imħabba li kellu wkoll għall-politika. Qiegħed ngħid dan għaliex fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament, proprju waqt diskussjoni tal-estimi ġenerali - dak iż-żmien kienet l-Assemblea Leġiżlattiva - Dr Borg iddedika kważi d-diskors kollu kemm hu għall-qasam tas-saħħa. Dan juri b’mod ċar li kellu qalb soċjali. Naħseb li jekk nista’ nislet il-karattru tiegħu minn dan l-ewwel diskors tiegħu, jien ngħid li kien jimpurtah ħafna min-nies. Huwa kien diġà tabib mal-Gvern u jaħdem anke f’St Vincent De Paule Hospital, li jgħidulu l-Imgieret, u jsemmi l-importanza li nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna u l-importanza li wieħed jagħti l-kura adegwata.
Hawnhekk qed nitkellmu fuq 58 sena ilu meta konna għadna kolonja, u Dr Borg tkellem dwar l-importanza li jkun hemm sanatorium għall-persuni li jbatu mit-TB. Fil-fatt fl-ewwel parti tad-diskors tiegħu tkellem proprju fuq it-TB. Imbagħad tkellem fuq l-importanza li nixtru X-ray machine suret in-nies ħalli tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda li dejjem kienet qed tikber. Interessanti li naraw deputat, tabib, li qiegħed jara l-problemi li kienu jeżistu iktar minn nofs seklu ilu, u li kien iħares ’il quddiem. Pereżempju, dak iż-żmien kien għad hemm l-idea li ħadd ma jrid imur l-isptar għax jibża’ mill-isptar u huwa beda jgħid li għandna niġġieldu din il-mentalità.
F’dan id-diskors laqatni wkoll l-aspett soċjali għax isemmi l-problema tad-djar u l-bżonn li nħarrġu n-nies ħalli jkunu ppreparati għal meta jemigraw. Ma ninsewx li dak iż-żmien, fil-ħamsinijiet l-emigrazzjoni kienet qed tilħaq numri għoljin ħafna, imbagħad fis-snin sittin u sebgħin bdiet tmajna, anzi nista’ ngħid spiċċat fix-xejn. Dak iż-żmien kien qed jipproponi kif nistgħu nagħtu edukazzjoni teknika lil min se jemigra biex meta jmur l-Awstralja, ngħidu aħna, ikun jista’ jsib ix-xogħol iktar malajr. Isemmi wkoll il-kwestjoni tal-pensjonijiet li tolqot lill-anzjani ukoll.
L-impenn tiegħu fil-qasam soċjali narawh ukoll fil-qasam ċiviku għaliex meta Dr Borg irtira mill-politika fl-1956, biex isir DMO, baqa’ attiv fil-qasam ċiviku. Dak iż-żmien ma kienx hemm kunsilli lokali, però konna nsejħulhom kumitati ċiviċi, li kienu għaqdiet volontarji, ma kenux imwaqqfin b’liġi, ħlief dak ta’ Għawdex. Huwa kien baqa’ attiv fil-qasam lokali u kien ukoll president tal-Każin tal-Banda Unjoni ta’ Ħal-Luqa, li juri l-impenn tiegħu fis-soċjetà.
Huwa xieraq li nagħmlu dawn il-kommemorazzjonijiet. Dr Borg miet fl-età – venerabbli nistgħu ngħidulha – ta’ 89 sena u allura l-familja tiegħu gawdietu ħafna. Però ma jfissirx li s-sogħba ma tinħassx iktar ukoll għax meta wieħed ikun iktar miegħek, u dam jgħix miegħek, iktar u iktar tħoss in-nuqqas tiegħu. Allura f’dan il-mument ta’ dieqa tajjeb li nibagħtu l-kondoljanzi tagħna, kif isir is-soltu, kemm lis-Sinjura tiegħu, kif ukoll lit-tfal tiegħu, Doreen, Anton u Pierre. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Nirringrazzjak Sur President. Din in-naħa talbu lili biex nagħmel dawn il-kondoljanzi mhux għax jien it-tieni l-ixjaħ wieħed f’dan il-Parlament, imma sempliċement għax lil Dr George Borg kont nafu b’konnessjoni ta’ familji, peress li ħuh, il-Maġistrat Gawdenz Borg, miżżewweġ lil oħt il-mara tiegħi. Allura tifhmu li f’okkażjonijiet soċjali u anke fl-okkażjonijiet tal-familja konna niltaqgħu pjuttost spiss, għall-inqas qabel, għax iktar ma kiber iktar sar limitat fil-movimenti tiegħu.
Dr Borg trabba prattikament minn zijietu ġewwa l-Gudja, għax tilef lill-ġenituri tiegħu kmieni, sar tabib fl-1950 u beda jaħdem mill-ewwel. Il-fatt li dan, tliet snin wara, fl-1953 ikkontesta l-ewwel elezzjoni mal-Partit Laburista fuq it-tielet distrett u ġie elett b’vot qawwi ħafna dak iż-żmien juri diġà dak li indika d-Deputat Prim Ministru, il-karattru andanti li kellu Dr George Borg. Dan kien elett mill-ewwel ma’ nies bħall-Avukat Ġużè Cassar dak iż-żmien u anke l-Ispiżjar Attard Bezzina. Però fl-1954, kif semma d-Deputat Prim Ministru, kien hemm taqlib ta’ parlamenti, wara sena xolja l-parlament, jiġifieri dam membru sena biss. Minn dak iż-żmien, inċidenentalment, wieħed irid jgħid li għadu ħaj biss il-Perit Duminku Mintoff. Kien reġa’ kkontesta l-elezzjoni ta’ wara u ovvjament - wieħed irid jagħmel din ir-rimarka hawnhekk - tabib kien jidħol fil-politika dak iż-żmien la biex ikollu l-poter u lanqas biex isir sinjur għax anke t-tabib, fir-realtajiet ta’ dak iż-żmien, fil-faqar li kien hawn fil-pajjiż, mhux ma kienx isir sinjur, imma kien jagħmel missjoni kontinwament fix-xogħol tiegħu.
Fi Frar tal-1955 reġa’ ġie elett mit-tielet distrett flimkien ma’ nies bħal John Cole u l-Avukat Ġużè Cassar, u ġab iktar voti mill-ewwel darba! L-ewwel darba li smajt min iisemmih kienet wara r-rebħa tal-1955 meta kienu għaddew miż-Żejtun fuq trakk miftuħ u kienu wrewni min kienu George Borg, Johnny Cole, Attard Bezzina u Gużè Cassar. Jiġifieri kemm sirt naf biss l-isem. Kien għad kelli 13–il sena dik il-ħabta, però eventwalment meta bdejt ninnamra mal-mara tiegħi, sirt nafu kemm kemm iktar, kif għedt, minħabba l-konnessjoni familjari.
Ma ninsewx li qed nitkellmu fuq iż-żmenijiet meta kien hemm il-kwestjoni taħraq tal-integration, u mbagħad bdiet il-kwestjoni politika-reliġjuża fejn il-Knisja bdiet tgħid li jekk se jkun hemm xi tibdil fiċ-ċirkostanzi kienet se tagħmel oġġezzjonijiet għalihom. Again, minn dik il-leġiżlatura llum fadal biss ħajjin il-Perit Mintoff u Alex Cachia Zammit. Jien fittixt l-ittra tar-riżenja tiegħu, però din kienet xotta xotta. Kulma tgħid kien li se jirriżenja mill-Kamra. Full stop. Ovvjament nafu li telaq meta laħaq tabib tal-Gvern, però hemm ukoll l-għajdut li probabbilment, minħabba l-karattru rett li kellu, xi ftit tal-pressjoni morali, xi ftit tal-kriżi tal-kuxjenza seta’ kellu, minħabba kif bdew jiżvolġu l-affarijiet f’dak iż-żmien.
Jien nista’ ngħid li nafu bħala bniedem down to earth, bniedem approachable, ċajtier u andanti. Baqa’ jinteressa ruħu fil-politika għax anke meta kont tiltaqa’ miegħu kien jistaqsik x’inhu għaddej u x’mhux għaddej. Baqa’ tabib popolari u maħbub u niftakar li anke bdejt naħdem jien, wara l-1964, kien għadu attiv fl-inħawi tal-Gudja, Ħal Għaxaq, Qrendi għax ħafna kienu jgħiduli li kienu qegħdin jinqdew bih. Però, bħalma qal id-Deputat Prim Ministru, ma kienx sempliċement tabib u politiku, imma kellu interessi oħra. Semmejt il-presidenza tas-soċjetà filarmonika tal-banda, però se nsemmi l-passjoni kbira li kellu dan lejn il-passatemp, li huwa daqsxejn kontroversjali llum, tal-kaċċa. Kien kaċċatur assolutament determinat, u kien membru fundatur tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kaċċaturi u Nassaba, li illum hija l-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti.
Ma rridx intawwal ħafna. Jien l-iktar li impressjonani matul is-snin li kont nafu, meta konna niltaqgħu u nitkellmu, kienet l-imħabba, ir-rispett u d-dedikazzjoni li huwa kellu għall-familja tiegħu. Irrid ngħid li dan ir-rispett, u ngħidu l-ikbar sinċerità, ġie reċiprokat lilu mill-familja tiegħu fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta kien bed ridden, u sab lill-familja tiegħu iduru bih u jagħtuh ir-rispett kollu li huwa kien ta lilhom.
Sur President, kif għamel id-Deputat Prim Ministru, nifraħ li int għamilt din id-drawwa li nfakkru nies bħal dawn u nippubblikaw l-ewwel diskors tagħhom bħala memorja ta’ x’ikunu għamlu. Bħalma qal, jekk taqra d-diskors tiegħu llum, jekk tneħħi d-data kważi kważi ssib li hemm ħafna affarijiet interessanti li japplikaw għal-lum, li St Luke’s kien diġà beda jsir żgħir, li kien hemm problemi ta’ trasferiment miċ-ċentrali għal St Luke’s u l-problemi ta’ pazjenti li m’għandhomx fejn joqogħdu. Kien qed jitkellem mill-esperjenza tiegħu li, kif għedt fil-bidu, ma kienx bniedem li daħal fil-politika biex jissemma jew inkella biex jagħmel il-flus, imma sempliċement biex iwassal il-problemi tal-pazjenti fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Jiena nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu, li qiegħda hawnhekk, lil martu Carmelina, it-tfal, Doreen, Anton u Pierre u lil ħuh il-Maġistrat Gawdenz Borg, li għoġobhom jiġu hawnhekk għal din il-kommemorazzjoni. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad ma’ dawn is-sentimenti espressi lill-familjari ta’ Dr George Borg li ġejjin miż-żewġ tal-Kamra. Infakkar li aħna hawnhekk qegħdin nikkommemoraw u niċċelebraw ukoll is-servizz li Dr George Borg ta lil pajjiżna. Għalhekk, huwa dejjem xieraq li f’din il-Kamra ma ninsewx lil min ta servizz lill-poplu Malti u li allura għen biex Malta qiegħda fejn hija illum, għaliex xejn ma jsir waħdu. Is-servizz li membri tal-Parlament jagħtu lill-pajjiż huwa parti mill-iżvilupp u l-mixja li dan il-pajjiż għamel matul is-snin. Allura, jien, mhux biss ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra, imma nitlob ukoll lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari, li nirrigrazzjahom ħafna talli għoġobhom li jiġu wkoll għal din iċ-ċerimonja. Grazzi.