Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 390 tal-Għaxar Parlament tad-29 ta' Mejju 2006
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG: Sur President, nhar l-Erbgħa li għaddew, proprju waqt li kienet għaddejja s-seduta parlamentari, waslitilna l-aħbar li kien miet Kalċidon Agius fl-eta` sabiħa ta' 88 sena. Is-Sur Agius okkupa diversi karigi, kemm f'din il-Kamra kif ukoll barra minnha. Kien deputat f'sitt leġislaturi, dik ta' l-1951, li kienet l-ewwel waħda li fiha tela` b’elezzjoni każwali, dawk ta' l-1953, l-1955, l-1962, l-1966 u l-aħħar waħda bejn l-1971 u l-1976. Nista’ ngħid li ftit huma d-deputati li jistgħu jiftaħru li għamlu sitt leġislaturi sħaħ f’dan il-parlament. Wara li temm l-attivita` tiegħu bħala deputat, ġie maħtur bħala speaker għal erba' snin fil-leġislatura ta' l-1976, proprju fl-1978 sa wara l-elezzjoni ta’ l-1981. Meta spiċċa minn speaker serva wkoll bħala aġent president ta’ Malta f’żewġ okkażjonijiet. Jiġifieri kellu attivita`, karriera u ħajja magħġuna mal-politika, kemm f'din il-Kamra kif ukoll barra minnha.
Sur President, meta qgħadt naħseb fuq il-ħajja, l-attivita' u l-ħidma ta’ Kalċidon Agius, partikolarment bħala membru ta` partit oppost għal dak li fih nimmilita jien, kieku kelli nagħżel tliet ħsebijiet li jiġuni f'moħħi bħala osservatur barra l-Partit Laburista, wieħed jista` jgħid li s-Sur Agius kien militanti ħafna fil-Partit Laburista. Ma kienx jibża' mill-isfidi li kellu l-partit tiegħu u kien sod ħafna fit-twemmin tiegħu, taqbel jew ma taqbilx miegħu. Lis-Sur Agius ilħaqtu ftit fil-politika. Meta tlajt jiena kien diġa` spiċċa minn speaker, pero’ jien kont fil-politika qabel ma dħalt f'dan il-parlament u kont insegwi dak li jingħad fuqu fil-konstitwenza tiegħu, li hija viċina ħafna tal-kostitwenza fejn għadni naħdem sal-lum. L-impressjoni li ħadt jiena hija s-Sur Agius kien membru parlamentari jħobb il-kostitwenza u li kien jagħti kasha. Dan naħseb li rajnih - dawk minna li attendew - fil-funeral sabiħ li kellu fil-knisja tan-Naxxar proprju l-ġimgħa li għaddiet. Barra mill-kariga tal-parlament kellu wkoll karigi oħra. Kien ukoll jikteb reċti u xogħlijiet għar-radju u għat-televiżjoni u fl-1997 ġie wkoll onorat bħala kumpann ta' l-ordni nazzjonali tal-mertu.
F'dawn iċ-ċirkostanzi, kif isir is-soltu iżda b’mod partikolari f'dan il-każ, meta wieħed iqis li qegħdin nitkellmu fuq ex speaker ta' din il-Kamra, nixtieq li nibagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-ħames uliedu li huma Ġużeppi, Karmenu, Victor, Ċensu u Fredu. Għaldaqstant, Sur President, nitolbok tibgħat dawn il-kondoljanzi għan-nom tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Sur President, f'ismi u f'isem l-oppożizzjoni Laburista napprezza l-kliem dinjituż li għadu kif intqal fir-rispett ta' Kalċidon Agius u ningħaqad ma' l-espressjoni li għadha kemm saret ta' sogħba u ta' niket għat-telfa tiegħu. Min-naħa l-oħra, bħala membru tal-Partit Laburista, ma nistax ma nkunx ftit emozzjonali meta llejla nagħti ġieħ lil Kalċidon Agius. Emozzjonali fis-sens li ma kienx biss persuna militanti, kif għadu kemm qal il-Viċi Prim Ministru, imma kien bniedem li kien iħoss mill-qrib. Kien ġarrab mill-qrib u matul ħajtu ta xiehda mill-qrib tal-problemi u tad-diffikultajiet li kienu qed jiffaċċjaw il-ħaddiema f'pajjiżna fis-snin li kienu ħafna aktar iebsa milli kienu fi żmieni jew milli huma fil-preżent.
Kalċidon Agius għex għal 88 sena. Ħajtu tmur lura għal żmien li ħadd minna f’din il-Kamra ma jiftakar. Kien militanti għaliex kien jaf xi tfisser l-inġustizzja fil-ħajja tal-ħaddiema. Din l-inġustizzja għexha u ġarrabha permezz ta' ħajtu, permezz tal-ħajja ta' familtu u permezz ta' dawk kollha li kien jaf. Matul ħajtu fehem li s-soċjeta` li kien qed jgħix fiha kellha bżonn ta` riforma, biex ma ngħidx ta' rivoluzzjoni, lejn ġustizzja soċjali li kellha tesprimi ruħha permezz ta' militantiżmu li jixxebblek mhux biss fuq l-għaqda bejn il-ħaddiema, imma wkoll fuq ħsieb u għarfien ukoll li l-ħsieb m’huwiex xi monopolju tal-professjonisti, ta' dawk li jkollhom il-flus u ta' dawk li jkollhom il-privileġġi, li l-għerf m'hu monopolju ta' ħadd u bl-għerf u bl-għaqda tasal. Kien jesprimi ruħu b'mod li tista' issejjaħlu militanti, imma kien ukoll ċar f'moħħu.
Sur President, matul ħajtu lil nies bħalu kienu qalulhom teoloġi tal-boiler suit. Jiena naħseb li huwa mar lil hinn minn hekk. Kalċidon Agius kien razzjonalist tal-boiler suit. Razzjonalist fis-sens ta’ xi ħadd li jrid jibni ħidmietu anke mill-boiler suit permezz tal-ħsieb u permezz ta' l-għarfien li fis-soċjeta` tagħna hemm bżonn li nagħrfu x’inhuma l-isfidi, niddiskutuhom, u mbagħad ħalli nkunu militanti fid-difiża ta' kif dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu permezz tal-ħtieġa li l-ġustizzja soċjali trid isseħħ. Kalċidon Agius ma kienx professjonist fi żmien fejn forsi miż-żewġ naħat jew mit-tliet naħat tal-Kamra - għaliex naħseb li Kalċidon Agius kellu preżenza wkoll fi żmien Strickland... Biex tkun attiv fil-politika ridt tkun professjonist? Le. Ħajtu kienet asserzjoni tal-punt li politika demokratika f'pajjiż demokratiku li jaspira biex ikun modern ma tista` tkun monolopolju ta' l-ebda saff tas-soċjeta`, imma trid tkun miftuħ għas-saffi kollha tas-soċjeta`.
Il-professjoni tiegħu ta' kaħħal li baqa' jinsisti fuqha sa l-aħħar, apparti mill-fatt li kien preżenti fil-politika b'mod qawwi u b'mod ukoll li sarrfet f'ħajtu sagrifiċċji kbar għalih u għall-familja tiegħu, kienet asserzjoni li naħseb tagħmel mhux biss ġieħ lilu u lill-partit li kien jappartjeni għalih - il-Partit Laburista - imma tagħmel ġieħ ukoll għall-mod ta’ kif il-ħaddiema f'pajjiżna, matul is-snin, irnexxielhom jakkwistaw kisbiet kbar. F'dan is-sens ukoll nixtieq li nagħtu ġieħ illejla – kif qed nagħtu ġieħ minn din in-naħa tal-Kamra - lil Kalċidon Agius, għall-mod ta’ kif matul ħajtu baqa` jagħti xiehda li m'hemmx bżonn li tkun privileġġjat jew professjonist biex taspira għall-għerf u biex taspira għall-parteċipazzjoni fil-mod ta’ kif jissawwru d-deċiżjonijiet li jagħtu sentiment lis-soċjeta' kollha kemm hi. L-aqwa ġieħ li nistgħu nagħtu lil Kalċidon Agius huwa li nagħrfu kif huwa kien wieħed minn dawk li fil-ħidma politika li pparteċipa fiha matul ħajtu, twila, ma kienx minn ta' fuq nett għaliex wiret jew għax daħal f'xi klassi ta' professjonisti, imma kien qiegħed imexxi u jgħin fit-tmexxija għax kellu l-ħeġġa u r-rieda ta' bniedem li ried ibiddel is-soċjeta` ta' madwaru minħabba li kien qiegħed jaraha inġusta.
Jiena sirt nafu fl-aħħar żmenijiet ta' ħajtu, meta kien spiċċa mill-politika. Pero’ xorta kien għadu attiv bil-kitbiet li kien jikteb u bil-fehmiet li kien jagħti, u fih rajt żewġ affarijiet li baqgħu jimpressjonawni. Rajt l-indipendenza tal-ħsieb, fis-sens razzjonali tal-kelma - qed nuża l-kelma "razzjonali" għal tapposta - u mbagħad rajt il-lealta` lejn l-ideal politiku li kien jemmen fih u li kien jaf li ma jistax jissarraf f'riżultati jekk ma jimxix 'l quddiem b’mod organizzat u dixxiplinat, mingħajr ma l-organizzazzjoni u d-dixxiplina tfisser xi forma li qed iċċedi għall-indipendenza tal-ħsieb u għall-aspirazzjoni biex tagħmel affarijiet aħjar.
Jien kont ukoll naqra u nifhem l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-kitbiet letterarji u drammatiċi li kien jiddiskuti miegħi. Daqqa qbilt magħhom u daqqa ma qbiltx, pero’ kollox ma’ kollox, kien jixirqilhom kull rispett u ġieħ u għalhekk kont nifraħlu ħafna fuqhom. Kien jistaqsini dwarhom bl-umilta`, li minkejja kulma kienu jgħidu dejjem baqgħet issaltan fih anke fi żmenijiet fejn miskin kellu problemi kbar ta' saħħa, u baqa` jsaltan fih ukoll dak l-entużjasmu għall-ħajja sabiex jagħmel l-affarijiet dejjem aħjar. Għaldaqstant minn hawn nixtieq ningħaqad mal-viċi prim ministru sabiex ninsisti mal-familja tiegħu li aħna ninsabu solidali kompletament magħhom f’dan iż-żmien ta' niket u sogħba. Jien nista' nassigurahom li isem Kalċidon Agius se jibqa' fil-fond ta’ qalbna. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tas-Sur Agius.
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Sworn in as
Speaker of the House
Ceased: 15.02.1982 |