Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Wistin Abela

Wistin Abela  

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ WISTIN ABELA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI 

PARLAMENT TA’ MALTA

 


MEMBRU TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
BEJN
IL-31 TA’ MARZU 1966 T-23 TA’ SETTEMBRU 1996

 

L-EWWEL DISKORS TA’ WISTIN ABELA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 9 TAL-20 TA’ MEJJU 1966 IS-SITT LEĠIŻLATURA


ONOR. W. ABELA: Mr Speaker, huwa veru li sentejn ilu Malta ħadet l-indipendenza tagħha. Huwa fatt ukoll li llum Malta hija magħrufa u misjuba bħala a mini-nation. Dan huwa t-titolu li qed jingħata lin-nazzjonijiet minħabba l-irbit li għandhom ma’ pajjiżi oħra, speċjalment mal-ex mother countries; m’huma indipendenti xejn imma taparsi indipendenti. Dan huwa fatt anke għal Malta għaliex Malta, bit-Trattat Finanzjarju li għandha marbut mal-karru tat-Trattat tad-Difiża, mhijiex indipendenti anzi dan it-Trattat irrendieha nazzjon dipendenti fuq ħaddieħor. Dan it-titolu li qed jingħata ta’ mini-nation insibuh ukoll imsemmi fl-istess rapporti tal-United Nations Organization fuq studju tal-foreign aid. Wieħed mir-rapporti jgħid li l-ebda pajjiżi ma jagħti l-għajnuna tiegħu jekk mhux biex ikabbar l-interessi tiegħu, ngħidu aħna pajjiżi bħall-Ingilterra, biex tagħmel national expansion jew bħall-Ġermanja u l-Japan biex jagħmlu economic expansion. Malta hija verament waħda minn dawk il-mini-nations għaliex qiegħda tixximjotta lill-ex mother country, speċjalment f’dik li hi foreign policy. Waħda mill-eċċezzjonijiet li ma tantx hi feliċi hija l-kwestjoni tar-Rhodesia, kwestjoni li fiha Malta milli jidher ma qablitx fid-deċiżjoni li ħadet l-ex mother country.

Il-Gvern, skond dak li smajna fl-iSpeech from the Throne, mhu qed jagħmel xejn biex ifittex li lil Malta minn dan l-istat li qiegħda fih ta’ mini-nation, jagħtiha post mal-fully-fledged nations li jixirqilha. Huwa veru li l-ebda pajjiż ma jista’ jkun indipendenti għal kollox imma huwa veru wkoll li l-pajjiżi kollha tad-dinja jipprovaw jilħqu dan l-istat. Naraw li anke l-aktar pajjiżi żviluppati, l-istati ta’ l-Ewropa jipprovaw iġibu ‘l quddiem l-organizzazzjonijiet tagħhom u jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku. Malta għandha tant bżonn ta’ dawn l-affarijiet u dan il-Gvern ma ta l-ebda bidu għalihom. Huwa veru li fid-Diskors tat-Tron li smajna nsibu li l-Gvern beħsiebu joħloq opinjoni favorevoli għall-investiment fis-setturi kollha għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta. Però hemm settur importanti li jirrigwarda l-human investment li l-Gvern ma ħax ħsiebu f’dan ir-rigward. Dan il-Gvern mhux talli ma ħoloqx opinjoni favorevoli talli xeħtu ħafna lura minħabba l-fatt li kien hawn mass exodus ta’ ħaddiema tas-sengħa wara li jkunu ntnefqu dawk il-flus kollha biex nedukawhom. Minflok dawn issalvagwardajniehom, qed isir bil-maqlub ta’ dak li sar u jsir f’pajjiżi oħra. Tant hu hekk illi anke l-Awstralja Ilum qiegħda ssibha diffiċli li tieħu nies mill-Ewropa. U f’pajjiżi bħal Spanja u l-Portugall qed jinħolqu t-training services biex jittrejnjaw lin-nies tagħhom, filwaqt li aħna m’aħna qegħdin nagħmlu xejn minn dan il-lat, u għalhekk dawk in-nies kollha li qegħdin jiġu ssensjati ma jsibux xogħol Malta. Ħalli nieħdu t-Turkija. It-Turkija qiegħda tgħin lin-nies biex isiefru ħalli jsiru skilled u mbagħad dawn jerġgħu lura f’pajjiżhom biex jaħdmu hemm. Jien inħoss li aħna qegħdin nagħmlu bil-maqlub ta’ dan.


Mr Speaker, fid-Diskors mit-Tron insibu wkoll li f’pajjiżna se jitwaqqaf central bank. F’pajjiżi oħra ċivilizzati dan is-central bank ilu jeżisti ħafna però jien inħoss li għandi ngħid li hemm bżonn ħafna attenzjoni biex dan is-central bank ma jiġrilux bħalma ġralu s-Savings Bank tal-Gvern li, bħalma jaf kulħadd, qiegħed jiġi run at a loss; mhux qed jiġġustifika l-eżistenza tiegħu, mhu qed jiġi wżat minn ħadd, anzi kellu parti negattiva fis-sens li minħabba li hu mhuwiex f’pożizzjoni li jħallas rata ta’ imgħax bħall-banek l-oħra, dawn il-banek l-oħra qed ikollhom b’liġi jagħtu imgħax inqas milli jifilħu jagħtu.

Dan is-Central Bank għandu jservi biex aħna f’Malta jkollna gwida ekonomika u statistika serja fejn qiegħed investit il-kapital Malti ħalli meta niġu biex nagħmlu l-istimi ikollna verament pedament sod fuqiex nibnu.

Fid-Diskors mit-Tron, eżattament bħalma ntqal f’dak ta’ qabel, hemm ukoll maħsub li l-Gvern beħsiebu jressaq leġiżlazzjoni biex tinħoloq development corporation. Il-Gvern qal li qiegħed jistudja biex iġib ‘il quddiem din il-leġiżlazzjoni però huwa fatt li jirriżulta mill-Financial Agreement li dan ma jistax jagħmlu l-Gvern Malti waħdu għaliex ikollu jsir flimkien mal-Gvern Ingliż. U huwa inutli li l-Gvern jgħidilna li qiegħed jistudja din il-ħaġa għaliex kif jista’ jaħdimha waħdu jekk għandha ssir bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż?


Il-Financial Agreement Malti u l-Gvern Ingliż? Fil-fatt il-Financial Agreement fi klawsola minnhom igħid:


“The way in which the Development Corporation which the Government of Malta propose to set up will be established and the way needed in which it will function shall be agreed between the two Governments.”.

Jiġifieri dan huwa fatt li għalkemm erba snin ilu, anzi tliet snin ilu fid-Diskors mit-Tron kien hemm li din id-development corporation qed tiġi kkonsidrata din id-darba wkoll reġgħet ġiet imsemmija però issa l-Gvern wegħedna li se jkollna leġiżlazzjoni għaliha.

Bħala konklużjoni fuq din il-corporation, fl-iSpeech from the Throne qalulna li din id-development corporation għandha tieħu post l-Aids to Industries Board li kien mexxa b’tant suċċess.

Hawnhekk nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Membri li dan l-Aids to Industries Board ma kellu xejn suċċess. Tant hu veru li tliet ditti li rċevew xi £1½m. għajnuna minn dan il-Board – ir-Rambler ......

ONOR. DR T. CARUANA DEMAJO: Mhux aħna imma!

ONOR. W. ABELA: Min għedtu li għamel suċċess!

Kont qed ngħid li d-Development Corporation se tieħu post l-Aids to Industries Board li ntqal li mexxa b’tant suċċess. Tant kien suċċess li lir-Rambler tawha £.33m., lil Malta Productions Company (tad-djamanti) tawha £.25, u lir-Rigg Welts tawha £.5m. Dawn huma kollha flus għalxejn! Imbagħad, ħaġa tal-għaġeb, ditti oħra li l-aktar irnexxew, huma l-aktar li kellhom delays minn dan il-Bord. Ditti bħal The Malta Rubber u anke n-National Chemicals sabu delays kbar min-naħa ta dan il-Bord.

Irrid ngħid ukoll li għalkemm wieħed mill-iskopijiet prinċipali ta’ l-għajnuna lill-industriji huwa preċiżament biex dawn iħaddmu n-nies b’kondizzjonijiet diċenti, kieku ma kenitx il-GWU ħafna ħaddiema, fil-ftit ditti li nfetħu, għadhom jaħdmu f’kondizzjonijiet tal-biża’!

Ta’ min jinnota li b’għajnuna ta’ flus bħal din li ngħatat f’pajjiżna, ġewwa r-Repubblika Irlandiża fi żmien tliet snin development corporation simili rnexxielha tħaddem, irnexxielha toħloq employment għal 5,000 ħaddiem, u din il-corporation kienet marbuta li tagħti għajnuna lil dawk l-industriji li se jaħdmu biex jesportaw biss waqt li l-Aids to Industries Board ta’ Malta ma kien marbut bl-ebda klawsola u sadanittant nafu bil-fjask li kellu l-Bord.

Għaldaqstant jekk ikun hawn development corporation din għandha tgħin lil min hu kapaċi jaħdem, lil min għandu suq barra minn Malta għall-prodotti tiegħu u lil min jaħdem bi prezzijiet kompetittivi.

Il-Gvern għandu wkoll joqgħod attent li meta jinħolqu industriji jara kif sejrin iħaddmu lin-nies għaliex il-ħaddiem illum huwa parti integrali mid-ditta.

Aħna nafu li qabel kienet tingħata għajnuna b’simpatija u kien hemm ċerti każijiet fejn il-Bord ta’ qabel kien informat minn qabel, min-nies ta’ l-affari tagħhom, li ċerti ditti li kien se jagħtihom l-għajnuna kienu se jfallu però b’danakollu dawn il-pariri ġew injorati. L-għajnuna ngħatat lil dawn l-industriji u dawn xorta waħda fallew. Nispera li din id-darba, anke billi din id-darba mhux se jkun hemm fin-nofs flus l-Ingliżi imma flus il-Maltin, ikun hemm organizzaturi aħjar biex imexxu din l-għajnuna milli kien hemm qabel għaliex jekk il-Gvern jitlef il-fiduċja tal-poplu jkun tilifha darba għal dejjem.

Dan ma jfissirx li m’għandu jkun hemm l-ebda riskju għaliex aħna nafu li f’affarijiet bħal dawn ma tistax timxi ‘l quddiem mingħajr ma tinkorri ċerti riskji imma mill-banda l-oħra m’għandekx tidħol f’riskju addoċċ għax il-Gvern dejjem jista’ jikkontrolla u jagħmel follow-up tal-flus għaliex illum l-indħil tal-Gvern f’affarijiet simili huwa element essenzjali fl-attività ekonomika għaliex jekk jindaħal il-Gvern dan jagħmel hekk mhux għax ikun dittatorjali imma għaliex dan hu element essenzjali fis-set-up ekonomiku tal-pajjiż. Inkella jiġri bħalma ġara lill-Aids to Industries Board; ikollna flop ieħor kbir ħafna!

Id-development corporation tista’ tagħti lok li jkollna anke stock exchange għaliex ikun hemm transactions tax-shares. Però x-shares, biex ikollna stock exchange sewwa, jridu jkunu popolari aktar milli jkunu numerużi, u f’din ukoll il-Gvern irid joqgħod attent. Il-Gvern jista’ anke jagħmel kumpanija ta’ l-insurance hu ħalli dawk il-flus li qegħdin imorru barra jibqgħu hawn Malta u mhux il-Gvern jgħinhom, kif qed jagħmel sal-lum, billi jeżenta l-premium ta’ l-assikurat mill-income tax.

Mr Speaker, jien se nagħlaq il-kelmtejn tiegħi billi nappella li anke min-naħa tal-Gvern, li dejjem jgħidu lill-Oppożizzjoni biex tikkoopera magħhom, juru kooperazzjoni min-naħa tagħhom billi meta n-naħa tagħna tagħmel suġġerimenti u emendi li jkunu kostruttivi, dawn m’għandhomx, għax sempliċement ikunu ġejjin min-naħa tagħna, in-naħa l-oħra ma taċċettahomx imma għandha tistudjahom u jekk tħoss li huma għall-ġid tan-nazzjon, jiġu aċċettati, għaliex Malta għandha bżonn sforz kbir fl-oqsma kollha nazzjonali biex tqum fuq saqajha fl-iżvilupp ekonomiku tagħha.

Illum ċerti pajjiżi għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom qegħdin jagħmlu sforz kbir, enfasi kbira, bħalma qed tagħmel l-Ingilterra, Franza u d-Danimarka, fuq il-manufacturing industries, u oħrajn bħall-Olanda u l-Italja qegħdin jenfasizzaw fuq it-turiżmu u l-biedja. Jien inħoss li Malta għandha tagħmel enfasi kbira fuq dawn it-tliet affarijiet biex lil Malta ntellgħuha fuq saqajha, inneħħuha mill-istatus mhux sabih tagħha ta’ mini-nation u tkun tista’ tieħu post xieraq bħala nazzjon indipendenti. (Hon. Members: Hear, hear)

 

Condolences (19 Oct 1933 - 20 Jan 2014)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 112 tat-Tnax-il Leġislatura tat-Tnejn 27 ta' Jannar 2014

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Fl-20 ta’ Jannar, 2014 tħabbret il-mewt tas-Sur Wistin Abela li kien Ministru u Membru ta’ din il-Kamra mill-1966 sal-1996, jiġifieri qed nitkellmu fuq 30 sena ta’ ħidma parlamentari minn dan l-Onor. Membru. Barra minn hekk, kien serva għal numru ta’ snin kemm bħala Segretarju Parlamentari, Ministru u anke Deputat Prim Ministru. Għalhekk, nitlob lill-Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, jagħmel kelmtejn.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Sur President, b’dieqa kbira llum qegħdin ninġabru hawnhekk sabiex insellmu l-memorja tal-ex Deputat Prim Ministu Wistin Abela. F’isem din il-Kamra nixtieq inwassal il-kondoljanzi lil martu, lil uliedu u lill-kumplament tal-familja hawnhekk preżenti.

Jien, bħal ħafna oħrajn, kelli x-xorti nsir naf lis-Sur Wistin Abela għalkemm, sfortunatament, sirt nafu tard ħafna, mill-1992 lil hawn. Madankollu nemmen li l-aħħar parti tal-ħajja tas-Sur Wistin Abela kienet turija ta’ solidarjetà u ta’ mħabba mill-poplu Żejtuni kollu lejn din il-persuna. Dan jidher anke mill-fatt li wara l-kondizzjoni li kienet ħakmitu, il-ħbieb tiegħu ta’ kuljum kienu jieħdu ħsiebu u kienu jieħdu ħsieb li jiċċaqlaq għall-pjazza tar-raħal u li jibqa’ involut fil-ħajja soċjali bil-limitazzjonijiet fiżiċi kollha li kellu. Nista’ ngħid li s-Sur Abela prattikament baqa’ sal-aħħar xhur ikun irid jikkontribwixxi u jibgħat messaġġ ta’ inkoraġġiment u ta’ parteċipazzjoni. Inħalli f’idejn il-Ministru George Vella biex imexxi hu dan id-diskors ta’ radd ta’ ħajr u ta’ kondoljanzi għan-naħa tal-Gvern.

MR SPEAKER: Il-Ministru George Vella.

ONOR. GEORGE VELLA (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Huwa verament pjaċir u unur tiegħi li nitkellem hawnhekk dwar xi ħadd li ta daqshekk kontribut fit-tul f’din l-istituzzjoni parlamentari u li ħadem f’daqstant ministeri differenti. Meta wieħed jara l-medda ta’ ministeri li okkupa jrid jistaqsi: Kif seta’ bniedem jagħti kontribut f’dawn il-ministeri kollha?

Madankollu jekk wieħed jara l-ewwel diskors tiegħu li ġie ppubblikat illum – u rrid ngħid li hija drawwa tajba li f’okkażjonijiet bħal dawn ikollna xi ħaġa biex niftakru lill-kollegi tagħna li kienu hawnhekk u kkontribwew u llum m’għadhomx magħna – mill-ewwel jinduna x’kien isarraf Wistin. Fil-fatt fl-ewwel diskors tiegħu tkellem fuq il-finanzi, fuq l-iżvilupp, fuq il-politika barranija, fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u saħansitra kien qal li kien hemm il-bżonn ta’ stock exchange f’pajjiżna. Dan fl-1966, fl-ewwel diskors tiegħu. Kellu ideat avant-garde ħafna u naħseb li hemm diġà kien qed juri l-fibra li kellu.

Jien mhux se nidħol fid-dettall u ngħid kemm il-Ministeru kellu. Se ngħid biss li Wistin kien bniedem li beda minn ġor-raħal, għex ġor-raħal u miet fir-raħal, u kif qal il-Prim Ministru, il-kuntatt man-nies ma naqas qatt. Kemm il-partitarji kif ukoll dawk li ma kenux partitarji kienu hemmhekk il-ħin kollu u hu kien igawdi r-rispett tagħhom. Dan nista’ nixhdu jien li għext fir-raħal taż-Żejtun.

Lil Wistin jien dejjem niftakru bħala bniedem soċjali li jgħin lill-fqir u lill-batut għax kien jagħti l-privat b’xejn. Ovvjament meta fl-1966 imbagħad daħal fil-politika beda jipprova jagħmel l-almu tiegħu. Irridu nammettu li l-politika ta’ dak iż-żmien kienet differenti milli hija llum, iċ-ċirkostanzi kienu differenti, l-isfidi kienu differenti u l-istil kien diffferenti. Għaldaqstant, wieħed irid jara l-affarijiet fi żmienhom. Jien kont iggradwajt fl-1964 u kienu avviċinawni biex noħroġ jien ukoll fuq iż-Żejtun u niftakar kien qalli: Ara fejn kelli nispiċċa jien la inti m’aċċettajtx! Minn hemmhekk il-karriera tiegħu saret pubblika u ovvjament la tkun pubbliku jkollok min jammirak, min jikkritikak, min jiżnek mod u min jiżnek mod ieħor.

Ma rridux ninsew li dan kien il-bniedem responsabbli għat-twaqqif tal-Air Malta, tas-Sea Malta, tal-Enemalta, tat-Telemalta, tat-Tug Malta, tax-Shipbuilding u tax-Xandir. Flimkien ma’ grupp magħżul ta’ persuni li kienu jifformaw parti mill-Kabinett fl-1971, mix-xejn ħolqu lill-pajjiż. Sfortunatament, illum kważi ħallewna kollha. Jekk m’iniex sejjer żball baqa’ biss Dr Joe Micallef Stafrace. Però, nikkritikaw kemm nikkritikaw l-istil u l-metodu, ir-riżultati kienu hemm u ħafna minnhom għadna ngawdu minnhom sal-lum.

Inżid ngħid li matul is-snin dejjem spikkat l-imħabba li Wistin kellu lejn iż-Żejtun u lejn il-Partit. L-imħabba li kellu lejn il-Partit kienet tisboq kollox għaliex sal-aħħar baqa’ mdawwar bir-ritratti ta’ okkażjonijiet differenti, bir-ritratti ta’ min iltaqa’ miegħu u bir-ritratti tal-ftuħ ta’ hemmhekk u l-ftuħ ta’ hawnhekk, flimkien ma’ martu Kitty li dejjem ġarr miegħu. Dejjem kien moħħu x’qed jiġri fil-Partit. Dejjem wera lealtà assoluta lejn il-leader. Kien kuntent meta kien hemm Karmenu Mifsud Bonnici, u l-istess meta kien hemm Alfred Sant u mbagħad Joseph Muscat.

Id-dwejjaq li kellu u li kien jittrażmetti lil min kien idur bih, u anke lili li kont narah regolarment, kien li hu kien moħħu ċar kristall, imma ma setax jesprimi ruħu. Dik kienet kiefra. U hawn irrid nirrakkonta aneddotu ħelu. Qabel l-elezzjoni kien beda jipprova jfehemni li aħna se nġibu 40 siġġu u kont għedtlu: Jien min jistaqsini kif inti ngħidlu li moħħok ċar kristall, però ma tistax tesprimi ruħek, imma issa se nibda ngħidilhom li qed tiżmaga! U qabad jidħak! Però huwa kkalkola li se jkollna 40 siġġu u aħna ġibna 39 siġġu, u allura ma tantx mar żmerċ! Dan qed ngħidu biex nuri kemm kienet ġo fih li jisma’, jifhem, isegwi l-aħbarijiet, jara x’inhu jiġri u jiżen kollox.

Dak li għamel sarrfu. Bħal kull politiku ieħor, Wistin ġie kkritikat, però żgur li qatt ma kien hemm kritika li jew kien korrott jew inkella li ma kienx integru fit-tmexxija tiegħu. Dan bħal kull professjonist ieħor, kulħadd jaqla’ kritika dwar x’jagħmel, imma fuq l-integrità tiegħu qatt ma kien hemm xejn. Bħalma qal il-Prim Ministru, Wistin baqa’ jinteressa ruħu u dejjem ra li jibqa’ jżomm kuntatt man-nies. Kif jaf kulħadd, anke fil-pożizzjoni li kien fiha dan l-aħħar, jekk ma joħroġx u jmur sal-każin u jagħmel kuntatt u jisma’ xi jkun għaddej ma kienx ikun hu.

Kull min hu fil-Partit jaf li hu dejjem ra kif għamel biex jattendi għall-konferenza ġenerali, u xi ħaġa li misset l-qlub ta’ ħafna nies kienet li għamel minn kollox biex ikun preżenti għall-funeral tal-ex Prim Ministru Duminku Mintoff. Jien inħossni xxurtjat li kont naf lil dan il-bniedem. Kien ta’ klassi ta’ nies li qegħdin jispiċċaw. Ikollok esperjenza tagħhom, però mbagħad jasal iż-żmien li jitilqu. Jiddispjaċini li l-aħħar ġranet tiegħu qattagħhom l-isptar għaliex kont ilni snin twal narah ġewwa daru, però m’għandix dubju li kien għall-aħjar tiegħu.

Sur President, irrid insemmi s-sagrifiċċju li jagħmlu l-familji tagħna li nkunu involuti b’dan il-mod fil-politika. Jien naf kif il-familja ta’ Wistin qattgħet ħajjitha, dejjem miftuħa għan-nies u naf is-sagrifiċċju kbir li għamlu biex daru bih fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Għaldaqstant nagħti l-kondoljanzi lil martu Kitty, lil Marjohn, lil Lycia u lil Carmelina u n-neputajiet li kellu bokka bihom. Dawn waslu biex jiggradwaw u jkunu tobba, eċċetra, għax kien il-pjaċir tiegħu jipprova jgħidli fuqhom. Minn hawnhekk nagħtihom il-kondoljanzi f’isem il-Partit. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Nistieden lill-Onor. Mario De Marco min-naħa tal-Oppożizzjoni.

ONOR MARIO DE MARCO: Sur President, ippermettili ningħaqad f’dan il-kliem ta’ tifħir għall-memorja tal-Onor. Wistin Abela jew kif inhu magħruf, is-Sur Wistin Abela. Se nibda billi nirrakkonta storja li kien jgħidli missieri u li kien qalli li kien semagħha direttament mingħand is-Sur Wistin Abela. Minkejja li, kif ngħidu fil-Qorti, detto del detto, m’għandix dubju mill-veraċità tagħha.

Darba fost l-oħrajn Wistin Abela kien ġie mistieden biex jilgħab il-boċċi mal-ex Prim Ministru Duminku Mintoff. Huwa wasal meta l-logħba kienet diġà bdiet. Mintoff staqsa lil Wistin jekk kienx jaf jilgħab u Wistin wieġeb li ftit li xejn. Mintoff qallu: Tajjeb, mela ilgħab mal-oħrajn! Bdiet il-logħba u rriżulta li Wistin kien tajjeb ħafna tant li t-tim tiegħu beda jirbaħ. Mintoff waqqaf il-logħba, dar lejn Wistin u qallu: Inti m’għedtlix li ma tafx tilgħab! Ejja mat-tim tiegħi! Din l-istorja mhux biss toħroġ il-karattru tal-Perit Mintoff però toħroġ ukoll il-karattru ta’ Wistin Abela. Kif jgħidu l-Ingliżi, dan kien unassuming, iżda s-servizz leali li ta lejn din il-Kamra u lejn dan il-pajjiż m’għandix dubju li kien wieħed kbir.

Żgur li se nibqgħu niftakruh anke għar-rwol tiegħu fit-twaqqif tan-numru ta’ kumpaniji li kienu essenzjali għat-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna, fosthom l-Air Malta. Hu kien essenzjali għat-twaqqif tagħha u miegħu kellu lis-Sur Albert Mizzi u, jekk m’iniex sejjer żball, bħala l-ewwel segretarju eżekuttiv tal-Air Malta kellu lill-Onor. Louis Grech, illum Deputat Prim Ministru. Ħadt pjaċir naqra l-aneddoti li nkitbu dan il-weekend minn Dr Joe Micallef Stafrace u minn Dr Toni Abela. Dr Stafrace jiftakar lil Wistin bħala seminarista u persuna b’element soċjali kif qal tajjeb anke l-Onor. George Vella. Meta kien waqaf minn seminarista u daħal skrivan mat-Tarzna xorta kellu għal qalbu li jgħin lil ħaddieħor. Kien jagħti l-privat lil studenti u żgħażagħ miż-Żejtun biex jgħinhom jippreparaw jew għall-eżami tal-Liċeo jew tat-Tarzna.

Bla dubju ta’ xejn kellu din l-imħabba għad-drittijiet tal-ħaddiema u kellu rabta qawwija mal-General Workers’ Union, però kellu wkoll rabta qawwija mal-Partit Laburista. Kien President taż-Żgħażagħ Laburisti għaż-Żejtun, President taċ-Ċentru Laburista ġewwa ż-Żejtun u l-mixja tiegħu fil-politika kompliet f’din il-Kamra u f’varji Kabinetti. U allura ovvjament nixtiequ niftakruh f’dan il-lat. Iż-żmien li fih serva ta’ Ministru ma kienx wieħed faċli. Id-diskors tiegħu tal-1966 diġà kien juri li kien jiddejjaq bil-fatt li għalkemm Malta kienet indipendenti, sentejn wara l-Indipendenza kienet għadha tiġi msejħa mini-nation. Naturalment dak li għamel għamlu proprju biex ikabbar is-sens ta’ nazzjon, is-sens ta’ pajjiż. Mhix l-intenzjoni tiegħi f’dan il-mument li nqajjem is-sentiment taż-żmenijiet li serva fihom, kemm tas-snin sebgħin kif ukoll tas-snin tmenin. Ngħid biss li, minkejja kollox, Wistin Abela dejjem mexa bil-kuxjenza tiegħu biex iġib il-pajjiż ’il quddiem.

Kien interessanti wkoll dak li kiteb Dr Toni Abela, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Bil-mod uniku tiegħu, huwa kiteb hekk:

“Wistin kellu ż-żmenijiet sbieħ tiegħu, iżda kellu dawk koroh ukoll. It-tmeninijiet kienu żmenijiet li kiddewh ħafna għaliex kien raġel ta’ kuxjenza nadifa. F’dak iż-żmien ġraw ħwejjeġ li kulħadd seta’ jevitahom u Wistin, bil-mod modest tiegħu u stil kważi axxetiku tiegħu, kien joqgħod isofri fih nnifsu, iberred fejn jista’ mingħajr kemm jista’ jkun ma jweġġa’ lil ħadd.”.

Kulħadd jitgħallem minn dak li ġara. Kulħadd iħares mil-lenti tiegħu, però bħala pajjiż mxejna ’l quddiem. Bla dubju anke Wistin Abela ta l-kontribut uniku tiegħu. Nagħlaq billi f’isem din in-naħa tal-Kamra insellem lil Wistin Abela għal dak kollu li għamel għal dan il-pajjiż. Insellem ukoll lill-familja tiegħu għaliex, kif qal sewwa l-Onor. Vella, il-familja tipparteċipa f’dak li jagħmel Deputat u politiku, u mingħajr il-familja ma nistgħux inkunu hawnhekk. Għaldaqstant noffri l-kondoljanzi tiegħi daparti tal-Oppożizzjoni lill-familja tiegħu li qiegħda magħna llum. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad mas-sentimenti murija mill-Prim Ministru, mill-Ministru George Vella u mill-Onor. Mario de Marco. Is-Sur Wistin Abela l-ewwel darba li ltqajt miegħu kont żgħir ħafna, kien fl-aħħar tas-snin sittin meta mort ma’ missieri ż-Żejtun biex ikellmu. Niftakar klassi tfal li kien qed jagħtihom il-privat kif irrimarka l-Onor. de Marco. Jien dejjem nafu bħala persuna leali, mhux biss lejn il-familja imma bla biża’ anke lejn il-valuri li kien iħaddan. Naħseb li dan huwa eżempju ħaj ta’ persuna li verament tat servizz, taqbel u ma taqbilx miegħu, fl-interess tal-pajjiż.

Jien jiddispjaċini li ma stajtx inkun preżenti għall-funeral peress li kont qiegħed fuq xogħol barra minn Malta iżda kien hemm preżenti d-Deputy Speaker, l-Onor. Ċensu Galea. Għalhekk jien ukoll nagħti l-kondoljanzi tiegħi u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġbu, iwassal l-kondoljanzi espressi minn din il-Kamra lill-familjari tas-Sur Wistin Abela. (Onor. Membri: Hear, hear).

Electoral History

Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Positions
Parliamentary Secretary in the Ministry for Finance - 27.08.1971
Ceased: 01.10.1974
Sworn in as Minister of Development - 01.10.1974
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 24.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Positions
Sworn in as Minister of Development, Energy, Port and Telecommunications - 24.09.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Positions
Sworn in as Deputy Prime Minister and Minister for Economic Development - 19.12.1981
Ceased: 01.09.1983
Sworn in as Deputy Prime Minister and Minister for Finance and Customs - 01.09.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996