| Contact Us |
| Search
Date 23.11.2017
Matul il-konferenza stampa dwar il-Jum Dinji kontra l-Vjolenza Domestika, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, rrefera għal tagħrif ippubblikat dwar aġir vjolenti fil-familja.
Qal li f’dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet f’Malta rċevew madwar 1,200 rapport ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika fis-sena. Jidher li l-qagħda f’pajjiżi oħra, anke fl-Ewropa, hija waħda simili jekk mhux ukoll agħar minn dik f’Malta. Hu ddeskriva s-sitwazzjoni f’Malta bħala kerha ħafna f’soċjetà fejn il-ġid materjali qed dejjem jiżdied. Fl-istess waqt hu sostna li għandna ħafna familji tajba fuqiex nistgħu nibnu s-soċjetà tagħna għall-ġejjieni.
Huwa tenna li lkoll għandna ngħarrfu aktar il-ħtieġa li bħala individwi nkunu responsabbli lejn xulxin, nieħdu ħsieb l-bżonnijiet ta’ xulxin ħalli tisseddaqq l-imħabba u r-rispett fostna l-bnedmin. Hu ppropona sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu protetti u mħarsa sew. Huwa sostna wkoll li l-attenzjoni mill-awtoritajiet għandha tkun msejsa fuq programm ta’ azzjoni preventiv, kampanja nazzjonali t’għarfien u jissaħħu l-istrutturi t’għajnuna tal-Istat.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq illi l-iktar ambjent illi fih m’għandux ikun hemm vjolenza huwa dak domestiku. Dr Falzon qal illi fl-ambjent domestiku hemm relazzjoni intima u għalhekk il-vjolenza hija xi ħaġa li tmur kontra n-natura. Minkejja dan, Dr Falzon qal illi sfortunatament il-vjolenza domestika hija realtà li teżisti u hemm bżonn li jkun hemm iktar kuxjenza sabiex is-suġġett ma jibqax stigma. “Bil-vjolenza ma turix li int b’saħħtek u l-aħjar mod li bih tirbaħ in-nies huwa billi tħobbhom,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Matul l-istess konferenza d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li f’din il-ħidma kontra l-vjolenza domestika għandna niffukaw iktar fuq it-tfal bħala vittmi kif ukoll lejn dawk li jikkomettu l-att vjolenti. Irid ikollna pieni aktar ħorox għall-perpetrators u fuq kollox irid ikollna impenn politiku għax li nbidlu l-liġijiet mhux biżżejjed.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, is-Sur Alfred Grixti.

(I)  (II)  (III)  (IV)