PR170606 - The Speaker opens an art exhibtion in connection with the ‘Catch the Drop Campaign’ – 13.03.2017
Date 13.03.2017
L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika dwar l-ilma – Catch the Drop Campaign, imtellgħa mill-Kulleġġ San Injazju b’kollaborazzjoni ma’ HSBC (Malta) plc.
L-Ispeaker qal li l-ilma hu essenzjali għall-ħajja u hu dritt bażiku tal-umanità. L-aċċess għall-ilma nadif għandu jitqies fundamentali għad-dinjità tal-bniedem. Fejn hemm problema ta’ nuqqas ta’ ilma nadif, wieħed isib il-faqar u l-mard. L-isfidi biex jingħelbu l-problemi relatati man-nuqqas ta’ ilma jolqtu diversi aspetti tal-ħajja umana, problemi fuq livelli internazzjonali bħan-nuqqas ta’ żvilupp uman, in-nuqqas ta’ protezzjoni fl-ambjent, qagħda soċjoekonomika ħażina u inugwaljanza bejn is-sessi. Il-problema tan-nuqqas ta’ ilma hi theddida għad-dinja u għall-ġejjieni tagħha.
Fl-1992 il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED) għażlet it-22 ta’ Marzu bħala l-Jum Dinji tal-Ilma bil-għan li kulħadd isir konxju dwar il-ħtieġa ta’ użu tajjeb mir-riżorsi tal-ilma, kemm għal-lum kif ukoll għall-futur.
Malta m’għandhiex ilma biżżejjed biex tkun tista’ tiżviluppa, tant li niddependu fuq id-desalinazzjoni. Minkejja dan, xorta neħtieġu l-ilma tal-pjan. Kemm id-desalinazzjoni kif ukoll il-ġbir tal-ilma tal-pjan għandhom prezz ekonomiku li jeħtieġ li nħallsu. Għalhekk importanti li wieħed jagħraf iħaddem bil-għaqal u b’użu razzjonali r-riżorsi disponibbli.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia faħħar l-inizjattiva artistika u edukattiva tal-Kulleġġ San Injazju b’enfasi dwar valuri ċiviċi u soċjali tal-użu tal-ilma. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istudenti qed juru solidarjetà ma’ persuni fil-bżonn b’għotjiet ġenerużi li jagħmlu ta’ kull sena lill-Malta Community Chest Fund (MCCF) - fondazzjoni mmexxija mill-President ta’ Malta.
Għall-inawgurazzjoni tal-wirja attendew il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-Membru Parlamentari Marthese Portelli, u s-CEO ta’ HSBC (Malta) plc Andrew Beane. Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja sas-27 ta’ Marzu 2017, fl-intrata tal-Parlament ta’ Malta, bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar (matul il-ġranet tal-ġimgħa) u bejn id-disgħa ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (Sibtijiet u Ħdud).

(I)  (II)  (III) 
Press Release