Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

PR170602 - Special session of the European Youth Sport Forum – 12.03.17

Date 12.03.2017

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa seduta speċjali tal-European Youth Sport Forum.  Delegati żgħażagħ sportivi Ewropej ingħaqdu mal-Membri tal-Parlament ta’ Malta sabiex jiddiskutu l-isport u l-kontribut taż-żgħażagħ. Dan sabiex permezz tal-attività sportiva, tinbena soċjetà Ewropea tajba, b’rispett lejn id-dinjità u lejn il-persuna umana.
Fid-diskors li għamel waqt din is-seduta, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fakkar li l-isports jiġbor flimkien żgħażagħ u oħrajn f’attivitajiet sportivi u attivitajiet soċjali bħala familja waħda.  L-isportivi għandhom isegwu r-regoli tal-isports. Għaldaqstant, kull meta ma josservawx dawn ir-regoli, hemm penali jew sanzjoni.  Dawn għandhom jgħinu sabiex il-persuna umana tikber b’mod tajjeb, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mentali.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq li ż-żgħażagħ għandhom jagħrfu l-valuri għonja tal-ħajja, u l-importanza li l-isportivi ġenwini jingħataw prominenza.  Hu osserva n-nuqqas ta’ imġieba tajba fl-isports, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ imġieba kontra kull regola ta’ etika, korruzzjoni, tixħim, razziżmu, u l-abbuż mid-droga fl-isports.   Din l-imġieba skorretta tnawwar il-kultura tal-isports, li hija mżejna bil-valuri għonja tad-diversità u r-rispett reċiproku. Hu jħares lejn il-programm Youth in Action, li jagħqad kemm liż-żgħażagħ Ewropej u oħrajn, bħala strument essenzjali mhux biss sabiex ikunu koordinati attivitajiet internazzjonali taż-żgħażagħ, iżda jinbena djalogu multi-kulturali permezz tal-isports u l-edukazzjoni fiżika.  Tenna l-importanza tat-tema Sports għal Kulħadd, għax permezz ta’ inizjattiva li tiġbor lil kulħadd flimkien, inkunu qed nibnu soċjetà nklussiva.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati temm id-diskors billi fakkar il-memorja ta’ Pierre de Courbertin, u l-ispirtu Olimpiku li għandu jispira liż-żgħażagħ lejn ġejjieni sabiħ.  Permezz tal-ħbiberija, is-solidarjetà, il-fairplay, u mġiba etika korretta, jikber l-għarfien u l-importanza tat-tolleranza u l-importanza li s-soċjetajiet tagħna jkunu nklussivi. Dan sabiex id-dar komuni tagħna, id-dinja tagħna, tkun id-dar tas-sliem u l-paċi.
Matul din is-seduta, tkellmu għadd sabiħ ta’ żgħażagħ Ewropej, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, chairman  ta’ Sport Malta u Membru Parlamentari Luciano Busuttil, kif ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport David Agius.

thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV)  (V) 

Press Release