| Contact Us |
| Search
Date 31.10.2013
PRESS ROOM FIL-PARLAMENT GĦAL-WAQT IS-SEDUTI TAL-BUDGET
L-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar uffiċjalment li matul l-ewwel tlett ijiem tal-budget 4, 11 u 12 ta’ Novembru, waħda mill-kmamar tal-kumitati fil-Palazz, il-Belt Valletta, se tintuża bħala press-room. L-iskop huwa dak li filwaqt li l-membri kollha tal-istampa se jkunu jistgħu jsegwu l-kelliema li jkunu qed jindirizzaw lill-Kamra permezz ta’ monitor li se jkun qed jintrama speċifikament għal dan il-għan, se jkollhom ukoll il-faċilità ta’ WIFI b’bandwidth b’saħħtu biżżejjed biex ikunu jistgħu jżommu l-kmamar tal-aħbarijiet rispettivi tagħhom aġġornati b’dak li jkun qed jiġri fil-Parlament, anke permezz ta’ uploading ta’ filmati qosra.
Dan kien possibbli wara li kien hemm il-koperazzjoni tal-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra fuq l-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.
L-Ispeaker Farrugia qal li dan huwa pass ieħor ’il quddiem biex il-Parlament jersaq aktar viċin tas-soċjetà. Huwa rrefera wkoll għall-press-area li se jkun hemm fil-plenarju fil-bini l-ġdid tal-Parlament.
Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm l-Onor Carmelo Abela, il-Whip għan-naħa tal-Gvern, l-Onor David Agius, il-Whip għan-naħa tal-Oppożizzjoni, is-Sur Raymond Scicluna, l-Iskrivan tal-Kamra u s-Sur Paul Azzopardi, Manager fid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
