| Contact Us |
| Search
Date 01.08.2013
Id-delegazzjoni parlamentari Maltija mmexxija mill-iSpeaker l-Onorevoli Anġlu Farrugia bdiet bl-impenji tagħha ġewwa l-Polonja dalgħodu b’laqgħa mas-Sotto Segretarju fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk responsabbli minn Affarijiet Parlamentari u Drittijiet Umani, s-Sinjura Henryka Mościcka-Dendys.
Tul il-laqgħa, l-iSpeaker tal-Parlament Malti radd ħajr lill-Prim Ministru Pollakk talli kien minn tal-ewwel li wera solidarjetà ma’ Malta fir-rigward tal-problema li pajjiżna qed jiffaċċja kontinwament mid-dħul ta’ ħafna immigranti irregolari. Fil-fatt, sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Polonja ntrabtet li se tkun qed tilqa’ sa ħamsin rifuġjat minn Malta.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-qagħda inkwetanti fil-pajjiżi fin-Nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll il-problemi li qed tiffaċċja l-Polonja fit-tħaddim tan-Neighbourhood Policy mal-pajjiżi tal-Lvant. L-iSpeaker Anġlu Farrugia u s-Sinjura Mościcka-Dendys qablu li dawn huma materji li għandhom jinteressaw lill-pajjiżi kollha tal-Ewropa, u għalhekk hemm iżjed bżonn ta’ djalogu interparlamentari biex l-esperjenzi speċifiċi u komuni jinqasmu bejn kulħadd. F’dan ir-rigward, l-Ispeaker Malti tenna li dak li jgħodd huwa mhux jekk wieħed iħaddanx reliġjon jew twemmin differenti, iżda li jiġi aċċertat li r-riżultat aħħari li joħroġ minn dan id-djalogu jkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-umanità kollha.
Fil-kuntest ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-barranin, l-iSpeaker faħħar l-arranġament prattiku li qed joffri l-gvern Pollakk li permezz tiegħu jiġi faċilitat l-ingress ta’ studenti minn pajjiżi tal-Lvant f’Malta ħalli jitgħallmu l-Ingliż, fost ħwejjeġ oħra, billi qed joffri garanzija għal dawn iċ-ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea meta jidħlu f’pajjiżna.
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll l-Membri Parlamentari li qed jakkumpanjaw lill-Ispeaker, l-Onorevoli Chris Agius u l-Onorevoli Claudette Buttigieg.