Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

PR0749 - L-ISPEAKER, L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA, JIPPARTEĊIPA FIL-KONFERENZA TAL-ISPEAKERS TAL-UNJONI EWROPEA F’ĊIPRU

Date 22.04.2013

L-Onor. Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, f'konferenza li qed tinżamm ġewwa Ċipru, waqt is-sezzjoni li ddiskutiet it-Trattat dwar l-Istabbiltà, Koordinament u Governanza, jew kif inhu magħruf bħala Fiscal Compact, fl-intervent tiegħu sostna li "ma nistgħux nitilfu iżjed żmien u noqogħdu niddibattu kemm-il darba niltaqgħu u f'liema żmien niltaqgħu, meta l-essenzjal huwa li nibdew neżerċitaw ir-rwol li għandna taħt l-Artiklu 13 ta' dan it-Trattat".

L-Artiklu 13 jesiġi li l-Parlamenti Nazzjonali u l-Parlament Ewropew jibdew jiddiskutu l-problemi finanzjarji tal-Pajjiżi Membri.

Għal dan il-għan l-iSpeaker Farrugia ppropona f‘Ċipru biex din il-konferenza dwar l-Artiklu 13 titlaqa’ fit-tieni nofs ta’ din is-sena taħt il-Presidenza Litwana.

L-iSpeaker Malti enfasizza li għal din il-konferenza għandhom jiġu inklużi dawk il-pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ewro.